Laikos

 

ANGELUS

 Ir-Raba Ħadd tar-Randan

 Il-Ħadd, 30 ta’ Marzu, 2025

Test imħejji mil-Papa Franġisku

 

Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!

 

Fl-Evanġelju tal-lum (Lq 15,1-3.11-32) Ġesù jintebaħ li l-fariżej, minflok ħassewhom kuntenti li l-midinbin kienu qed jersqu lejh, skandalizzaw ruħhom u bdew igemgmu minn wara daharu.  Allura Ġesù jirrakkontalhom dwar missier li kellu żewġ ulied: wieħed telaq mid-dar imma meta waqa’ fil-miżerja, reġa’ lura u ntlaqa’ bil-ferħ; l-ieħor, l-iben “ubbidjenti”, irrabjat għal missieru, ma jridx jidħol għall-festa.  B’dan Ġesù juri xhini l-qalb ta’ Alla: dejjem jagħder lil kulħadd; ifejjaq il-ġrieħi tagħna ħalli aħna nkunu nistgħu nħobbu lil xulxin bħal aħwa.

 

Għeżież, ejjew ngħixu dar-Randan, aktar u aktar fis-sena tal-Ġublew, bħala żmien ta’ fejqan.  Jien ukoll qed inġarrbu b’dal-mod, fl-ispirtu u fil-ġisem.  Għalhekk irrodd ħajr minn qalbi lil dawk kollha li, fuq il-mudell tas-Salvatur, huma strumenti ta’ fejqan għall-proxxmu bi kliemhom, bl-għerf tagħhom, bl-għożża u bit-talb.  Il-fraġilità u l-mard huma esperjenzi li jgħaqqduna lkoll flimkien: aktar u aktar, għalhekk, aħna aħwa fis-Salvazzjoni li ġabilna Kristu.

 

Bil-fiduċja fil-ħniena t’Alla l-Missier, inkomplu nitolbu  għall-paċi: fl-Ukrajna mbiċċra, fil-Palestina, f’Iżrael, fil-Libanu, fir-Repubblika Demokratika tal-Congo u fil-Myanmar li għaddej minn tbatija wkoll minħabba t-terremot.

 

Qed insegwi bi tħassib is-sitwazzjoni fis-Sudan t’Isfel.  Inġedded minn qiegħ qalbi l-appell tiegħi lill-mexxejja kollha biex jimpenjaw ruħhom b’ħilithom kollha ħalli jnaqqsu t-tensjoni fil-pajjiż.  Hemm bżonn jitwarrbu fil-ġenb id-differenzi u b’kuraġġ u responsabbiltà joqgħodu madwar mejda u jibdew djalogu kostruttiv.  Hekk biss jistgħu jittaffew is-sofferenzi tal-maħbub poplu tas-Sudan t’Isfel u jinbena futur ta’ paċi u stabbiltà.

 

U fis-Sudan il-gwerra għadha taħsad il-ħajja ta’ bosta vittmi innoċenti.  Inħeġġeġ lill-partijiet li jinsabu f’kunflitt biex fl-ewwel post iqiegħdu l-ħarsien tal-ħajja ta’ ħuthom ċivili; u nawgura li bla telf ta’ żmien jibdew negozjati ġodda li jwasslu għal soluzzjoni ġusta u dejjiema għal dil-kriżi.  Il-komunità internazzjonali għandha żżid l-isforzi biex tiffaċċja dil-katastrofi umanitarja tal-biża.

 

Għall-grazzja t’Alla hemm ukoll fatti pożittivi: nikkowta bħala eżempju l-approvazzjoni formali tal-Ftehim dwar il-konfini bejn it-Tajikistan u l-Kyrgyzstan, frott ta’ riżultat diplomatiku mill-aqwa.  Nikoraġġixxi liż-żewġ pajjiżi biex ikomplu mexjin f’dit-triq.

 

Jalla Marija Omm il-Ħniena, tgħin lill-familja umana biex tirrikonċilja fil-paċi.

 

 

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber