IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 30 ta’ Jannar, 2022

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fil-Liturġija tal-lum l-Evanġelju jirrakkonta l-ewwel predikazzjoni ta’ Ġesù fir-raħal fejn trabba, Nazaret.  It-tmiem hu qares: minflok kunsens Ġesù jsib lil min ma jifhmux u wkoll l-ostilità (cfr Lq 4, 21-30).  In-nies tar-raħal, aktar milli kelma ta’ verità, riedu l-mirakli, sinjali prodiġjużi.  Il-Mulej dan ma jagħmlux u huma jirrifjutawh għax jgħidu li ilhom jafuh minn mindu tfal, Hu bin Ġużeppi (cfr v. 22), u ħwejjeġ bħal dawn.  Għalhekk Ġesù jlissen sentenza li saret proverbjali: “Ebda profeta ma jilqgħuh tajjeb f’pajjiżu” (v. 24).

Dal-kliem juri li xi ftit jew wisq Ġesù kien qed jistenna li jkollu dal-falliment.  Hu kien jafhom lil tiegħu, kien jaf qalbhom, kien jaf bir-riskju li kien qed jieħu, kien jistenniha ċ-ċaħda.   Allura nistgħu nistaqsu lilna nfusna: imma ladarba dik kienet is-sitwazzjoni, la kien qed jistenna l-falliment, għaliex mar pajjiżu xorta waħda?  Għalfejn tagħmel il-ġid lil nies li mhux lesti jilqgħuk?  Hi mistoqsija li spiss nagħmluha aħna wkoll.  Imma hi mistoqsija li tgħinna nifhmu lil Alla aħjar.  Quddiem l-għeluq tagħna, Hu ma jinġibidx lura: imħabbtu ma jagħmillhiex brejkijiet.  Quddiem l-għeluq tagħna Hu jibqa’ miexi.  Rifless ta’ dan narawh f’dawk il-ġenituri li jagħrfu l-ingratitudni ta’ wliedhom, imma b’daqshekk ma jieqfux iħobbuhom u jagħmlulhom il-ġid.  Hekk hu Alla, imma fuq livell ferm aktar għoli.  U llum jistieden lilna wkoll biex nemmnu fil-ġid, biex nagħmlu minn kollox biex inkunu ta’ ġid.

Iżda f’dak li jiġri f’Nazaret insibu aktar: l-ostilità għal Ġesù min-naħa ta’ niesu tipprovokana: huma ma jilqgħuhx, u aħna?  Biex inkollna mudell naraw il-mudelli li qed jipproponielna Ġesù, illum, lil niesu u lilna.  Huma żewġ barranin: armla minn Sarefta ta’ Sidon u Naman tas-Sirja.  It-tnejn li huma laqgħu l-profeti: tal-ewwel lil Elija, it-tieni lil Eliżew.  Iżda ma kinitx laqgħa faċli, għaddiet minn diversi provi. L-armla tat kenn lil Elija minkejja l-karestija u minkejja li l-profeta kien persegwitat (cfr 1 Re 17, 7-16), kien persegwitat minħabba raġunijiet politku/reliġjużi.  Imma Naman, minkejja li kien persunaġġ ta’ rank għoli ħafna, laqa’ l-istedina tal-profeta Eliżew, li ġagħalitu jumilja ruħu, u jogħdos seba’ darbiet fix-xmara (cfr 2 Re 5,1-14), qiesu xi tifel żgħir bla skola.  Insomma, l-armla u Naman laqgħu għax kienu disposti u umli.  Il-mod kif nilqgħu lil Alla hu dejjem li nkunu disposti, nilqgħuh u nkunu umli.  Minn hawn tgħaddi l-fidi: disponibbiltà u umiltà.  L-armla u Naman ma rrifjutawx it-toroq ta’ Alla u tal-profeti tiegħu: kienu doċli, ma kinux iebsin u magħluqin.

Ħuti, Ġesù wkoll jimxi fit-triq tal-profeti: jippreżenta ruħu b’mod li ma nkunux qed nistennewh.  Mhux se jsibu min ifittex il-mirakli – jekk aħna nfittxu l-mirakli m’aħniex se nsibu lil Ġesù -, min ifittex sensazzjonijiet ġodda, esprjenzi intimi, affarijiet strambi; min ifittex fidi msejsa fuq is-setgħa u sinjali li jidhru.  Le, mhux se jsibu.  Minflok, isibu biss min jaċċetta triqatu u l-isfidi tiegħu, bla tgemgim, bla suspetti, mingħajr kritika u gdiedem.  Fi kliem ieħor, Ġesù jitolbok tilqgħu fir-realtà tal-ħajja ta’ kuljum; fil-Knisja tal-lum, kif inhi; f’min jinsab qribek kuljum; fil-konkretezza ta’ min jinsab fil-bżonn, fil-problemi tal-familja tiegħek, fil-ġenituri, fl-ulied, fin-nanniet, lil Alla hemmhekk nilqgħuh.  Hu hemmhekk jinsab, jitolbok tilqgħu fir-realtà.  Hemmhekk hemm Hu li jistedinna nissaffew fix-xmara tad-disponibbiltà u f’tant ibħra ta’ umiltà fejjieda.  Hemm bżon l-umiltà biex nitaqgħu ma’ Alla, biex inħalluh jiltaqa’ magħna.

U aħna akkoljenti jew nixbhu lil niesu li kien jidhrilhom li jafu kollox dwar?  “Jien studjat it-teoloġija, għamilt dak il-kors ta’ katekeżi... Jien naf kollox dwar Ġesù!”  Iva, imma nkun qiesni iblaħ!  Tkunx iblaħ, lil Ġesù int ma tafux.  Forsi, wara bosta snin li ilna nemmnu, jidhrilna li lill-Mulej nafuh tajjeb, ħafna drabi bl-ideat u l-ġudizzji tagħna.  Ir-riskju hu li għalina ssir drawwa, nidraw lil Ġesù.  U kif issir drawwa għalina?  Bl-għeluq, meta ningħalqu għan-novitajiet tiegħu, għall-waqt meta Hu jħabbat fuq biebek u jgħidlek xi ħaġa ġdida, jkun irid jgħammar għandek.  Hemm bżonn ninqatgħu minn din l-idea li nibqgħu mwaħħlin mal-pożizzjonijiet tagħna.  Il-Mulej jitlob minna moħħ miftuħ u qalb sempliċi.  U meta persuna jkollha moħħ miftuħ, qalb sempliċi, issib il-ħila li tissorprendi ruħha, tistagħġeb.  Il-Mulej jissoprendina dejjem u dan hu s-sabiħ tal-laqgħa ma’ Ġesù.  Il-Madonna, mudell tal-umiltà u d-disponibbiltà turina t-triq biex nilqgħu li Ġesù.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Illum jaħbat il-Jum Dinji tal-Morda bil-Lebbra.  Nesprimi l-qrubija tiegħi lejn dawk li jbatu minn dil-marda u nawgura li qatt ma jonqsuhom is-sapport spiritwali u l-għajnuna sanitarja.  Jeħtieġ naħdmu flimkien biex nintegraw kompletament lil dawn il-persuni, u negħlbu kull diskriminazzjoni marbuta ma’ din il-marda, li sfortunatament għadha tolqot illum ukoll, tolqot lil ħafna speċjalment f’sitwazzjonijiet soċjali foqra għall-aħħar.

Pitgħada, l-1 ta Frar, fil-Lvant Imbiegħed kollu, kif ukoll f’inħawi oħra tad-dinja se jkun iċċelebrat l-ewwel tas-sena Lunari.  F’diċ-ċirkostanza, insellem b’għożża u nawgura li fis-sena l-ġdida kulħadd ikun jista’ jgawdi l-paċi, is-saħħa u ħajja hienja u mħarsa.  Kemm hu sabiħ meta l-familji jisbu okkażjoni biex jinġabru u flimkien iqattgħu mumenti ta’ mħabba u ferħ!  Sfortunatament, bosta familji mhux se jirnexxilhom jiltaqgħu dis-sena minħabba l-pandemija.  Nittama li ma ndumux ma noħorġu minn din il-prova.  Fl-aħħar, nawgura li bis-saħħa tar-rieda tajba ta’ persuni singoli u bis-solidarjetà bejn il-popli, il-famlija umana kollha kemm hi, b’dinamiżmu mġedded, tkun tista’ tilħaq għanijiet ta’ prosperità materjali u spiritwali.

Lejlet il-festa ta’ San Ġwann Bosco, nixtieq insellem lis-sależjani rġiel u nisa li tant jagħmlu ġid fil-Knisja.  Segwejt il-quddiesa mis-Santwarju tal-Madonna Għajnuna tal-Insara (f’Torin), iċċelebrata mir-Rettur ewlieni Ángel Fernández Artime, u tlabt għal kulħadd miegħu.  Niftakru f’dal-qaddis kbir, missier u għalliem taż-żgħażagħ.  Ma nagħlaqx fis-sagristija, ma baqax idur mal-affarijiet tiegħu.  Ħareġ fit-triq ifittex liż-żgħażagħ b’dil il-kreattività karatteristika tiegħu.  Awguri kbar lis-sależjani kollha, irġiel u nisa!

Insellem likom ilkoll fidili minn Ruma u pellegrini minn diversi nħawi tad-dinja.  Insellem b’mod partikolari lill-fidili minn Torrejón de Ardoz, fi Spanja, lill-istudenti minn Murça, fil-Portugall.

B’għożża nsellem liż-żgħażagħ ġuvintur u xebbiet tal-Azzjoni Kattolika mid-Djoċesi ta’ Ruma.  Hawn grupp minnhom  Għeżież żgħażagħ, dis-sena wkoll, flimkien mal-ġenituri, l-edukaturi u s-saċerdoti assistenti, ġejtu – fi grupp żgħir, minħabba l-pandemija – fi tmiem il-Karwana tal-Paċi.  Is-slogan tagħkom hu “Ninsġu l-paċi mill-ġdid”.  Slogan sabiħ!  Importanti!.  Hemm ħtieġa kbira li ‘ninsġu mill-ġdid’ u nibdew mir-relazzjonijiet personali sar-relazzjonijiet bejn l-Istati.  Irroddilkom ħajr!  Ibqgħu aħdmu!  U issa itilqu l-bżieżaq tagħkom lejn is-sema bħala sinjal ta’ tama... Hekkhu!  Hu sinjal ta’ tama dan li qed iġibulna ż-żgħaħagħ ta’ Ruma llum, dil-‘karwana tal-paċi’.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber