IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd 29 ta' Novembru, 2020

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum, l-ewwel Ħadd tal-Avvent, tibda sena liturġika ġdida.  Matulha l-Knisja tartikola l-mixja taż-żmien biċ-ċelebrazzjoni tal-ġrajjiet ewlenin tal-ħajja ta' Ġesù u tal-istorja tas-salvazzjoni.  Hi hu tagħmel dan, bħala Omm, iddawwal il-mixja tal-eżistenza tagħna, tweżinna fil-ħidma tagħna ta' kuljum u turina t-triq lejn il-laqgħa tal-aħħar ma' Kristu.  Il-liturġija tal-lum tistedinna ngħejxu l-ewwel "żmien qawwi" li hu dan l-Avvent, li jħejjijna għall-Milied, u għal din it-tħejjija, dan hu żmien ta' stennija, hu żmien ta' tama.  Stennija u tama.

San Pawl (cfr 1 Kor 1,3-9) jurina l-għan tal-istennija.  Liema hu? "Il-manifestazzjoni tal-Mulej" (v. 7).  L-Appostlu jistieden lill-insara ta' Korintu biex jikkonċentraw  l-attenzjoni tagħhom fuq il-laqgħa mal-persuna ta' Ġesù.  Għan-nisrani l-aktar ħaġa importanti hi l-laqgħa ma taqta' xejn mal-Mulej, li jkun mal-Mulej.  Hekk, imdorrijin inkunu mal-Mulej, nitħejjew għal-laqgħa, biex inkunu mal-Mulej fl-eternità.  U dil-laqgħa definittiva sseħħ fl-aħħar tad-dinja.  Iżda l-Mulej jiġi kuljum, sabiex, bil-grazzja tiegħu, aħna nkunu nistgħu nagħmlu l-ġid f'ħajjitna u fil-ħajja tal-oħrajn.  Alla tagħna hu Alla-li-jiġi - tinsewhiex din:  Alla hu Alla li dejjem ġej, ġej dejjem - : Hu ma jiddiżappuntax l-istennija tagħna!  Il-Mulej qatt ma jiddiżappuntana.  Forsi jħallina nistennew, iħallina nistennew xi waqtiet fid-dlam biex fina timmatura t-tama, imma qatt ma jiddiżappuntana.  Il-Mulej dejjem ġej, dejjem jinsab qrib tagħna.  Kultant jibqa' mistur, imma jiġi dejjem.  Ġie f'waqt preċiz tal-istorja u sar bniedem biex jieħu dnubietna fuq spallejh - il-festa tal-Milied tfakkar din l-ewwel miġja ta' Ġesù f'dak il-waqt storiku -; jiġi mill-ġdid fl-aħħar taż-żminijiet bħala mħallef universali; u jiġi wkoll it-tielet darba, bit-tielet manjiera: jiġi kuljum iżur il-poplu tiegħu, biex iżur lil kull raġel u mara li jilqugħ fil-Kelma, fis-Sagramenti, fl-aħwa.  Il-Bibbja tgħidilna li Ġesù jinsab fil-bieb iħabbat.  Kuljum.  Qiegħed fil-bieb ta' qlubna.  Iħabbat.  Inti taf tisma' l-Mulej iħabbat, li llum ġie jżurek, li jħabbat fuq qalbek bil-ħrara, b'idea, b'ispirazzjoni?  Ġie f'Betlem, jerġa' jiġi fl-aħħar tad-dinja, imma kuljum jiġi għandna.  Oqgħodu attenti, araw x'qed tħossu fi qlubkom meta l-Mulej ikun iħabbat.

Nafu li l-ħajja hi magħmula mit-tlugħ u l-inżul, mid-dawl u d-dlam.  Kull wieħed u waħda minna ġarrabna waqtiet ta' delużjoni, nuqqas ta' suċċess u telfien.  Minbarra dan, is-sitwazzjoni li qed ngħejxu fiha bħalissa, immarkata bil-pandemija, tqanqal ħafna nkwiet, biża' u skoraġġiment; hemm ir-riskju li naqgħu fil-pessimiżmu, ir-riskju li ningħalqu u naqgħu fl-apatija.  X'għandha tkun ir-reazzjoni tagħna quddiem dan kollu?  Jgħidhielna s-Salm tal-lum: "Ruħna tixxennaq għall-Mulej, hu l-għajnuna u t-tarka tagħna.  Fih jinsab l-hena ta’ qalbna".  Jiġifieri r-ruħ li tistenna, stennija mimlija fiduċja fil-Mulej ittina l-faraġ u l-kuraġġ fil-waqtiet mudlama tal-eżistenza.  U mnejn jinbet dal-kuraġġ u dIn l-isfida mimlija fiduċja?  Mnejn jinbtu?  Jinbtu mit-tama.  U t-tama ma tqarraqx, hija l-virtù li tmexxina 'l quddiem b'għajnejna fuq il-laqgħa mal-Mulej.

L-Avvent hu sejħa bla temma għat-tama: ifakkarna li Alla hu preżenti fl-istorja biex imexxieha lejn l-għan aħħari tagħha u għall-milja tagħha, li hi l-Mulej, il-Mulej Ġesù Kristu.  Alla hu preżenti fl-istorja ta-umanità, huwa "l-Alla magħna", Alla mhux imbiegħed, dejjem jinsab magħna, sal-punt li jħabbat fuq il-bibien ta' qalbna bosta drabi.  Alla jimxi ħdejna biex iweżinna. Il-Mulej ma jabbandunanhiex; jakkumpanjana fil-ġrajjiet tal-eżistenza tagħna biex jgħinna niskopru s-sens tal-mixja, it-tifsira tal-ħajja ta' kuljum, biex jimliena bil-kuraġġ waqt il-provi u waqt in-niket.  Qalb it-tempesti tal-ħajja, Alla jnewlilna jdejh u jeħlisna mit-theddid.  Dan sabih!  Fil-Ktieb tad-Dewteronomju hemm pass sabiħ ħafna meta lill-poplu l-profeta jgħidlu: "Liema poplu għandu l-allat daqstant qrib tiegħu bħalma hu Alla tiegħek?"  Ħadd, aħna biss għandna l-grazzja li għandna lil Alla qrib tagħna.  Aħna nistennew lil Alla, nittammaw li jimmanifesta ruħu, imma Huwa wkoll jittama li aħna nuruh lilna nfusna!

Marija Santissma, mara tal-istennija, takkumpanja l-passi tagħna mal-medda ta' dis-sena lliturġika ġdida li qed nibdew, u tgħinna nwettqu dmirna bħala dixxipli ta' Kristu kif jurina l-Appostlu Pietru.  U liema hu dan id-dmir? Li nagħtu r-raġuni tat-tama li hemm fina (cfr1 Pt 3,15).

 

Wara l-Angelus

 

Għeżież ħuti!

Nixtieq nesprimi mill-ġdid il-qrubija tiegħi mal-popolazzjonijiet tal-Amerika tan-Nofs li ntlaqtu mill-uragani qawwija.  Niftakar partikolarment fil-gżejjer San Andrés, Providencia e Santa Catalina,  kif ukoll il-kosta tal-Paċifiku tal-Kolombja.  Nitlob għall-pajjiżi kollha li qed isofru minħabba dawn it-traġedji.

Nagħti tislima minn qalbu lilkom, fidili minn Ruma u pellegrini minn pajjiżi diversi.  Insellem b'mod partikolari lil dawk kollha - sfortunatament f'numru żgħir ħafna - li ġew fl-okkażjoni tal-ħatra tal-Kardinali l-ġodda li saret ilbieraħ waranofsinhar.  Nitolbu għat-tlettax-il membru ġdid tal-Kulleġġ tal-Kardinali.

Nawgura lilkom ilkoll il-Ħadd it-tajjeb u l-mixja tal-Avvent it-tajba.  Nippruvaw nislitu l-ġid anki mis-sitwazzjoni diffiċli li qed iġġib fuqna l-pandemija: aktar rażan, attenzjoni raġjonevoli u rispettuża lejn il-ġirien li jistgħu jkunu fil-bżonn, xi waqt ta' talb fil-familja, bis-sempliċità.  Dawn it-tliett affarijiet jgħinuna ħafna: rażan akbar, attenzjoni raġjonevoli lejn il-ġirien li jistgħu jkunu fil-bżonn u mbagħad, importanti ħafna, xi waqtiet ta' talb fil-familja, bis-sempliċità.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber