IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd 29 ta’ Ottubru, 2023

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelu tal-lum ikellimna dwar l-akbar kmandament (cfr Mt 22,34-40).  Mgħallem tal-liġi jistaqsi lil Ġesù dwar dan u Hu jwieġeb “bl-akbar kmandament tal-imħabba”: “Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu..... u lil għajrek bħalek innifsek” (vv. 37.39).  L-imħabba t’Alla u tal-proxxmu ma jistgħux jinfirdu minn xulxin.

Nieqfu ftit nirriflettu fuq dan.

L-ewwel wieħed: il-fatt li l-imħabba tal-Mulej tiġi qabel, ifakkarna li Alla dejjem jinsab qabilna, jantiċipana bil-ħlewwa bla tarf tiegħu (cfr Ġw 4,19), bil-qrubija tiegħu, bil-ħniena tiegħu, għax Hu dejjem qrib, ħelu u ħanin.

Tarbija titgħallem tħobb f’ħoġor ommha u missierha u aħna nitgħallmu nħobbu f’dirgħajn Alla.  Is-Salm jgħid: “Bħal tarbija miftuma f’ħoġor ommha” (131,2), hekk għandna nħossuna f’dirgħajn Alla.  U hemmhekk nixorbu l-għożża tal-Mulej, hemmhekk  nitlaqgħu mal-imħabba li tixprunana biex  ningħataw bil-ġenerożità.

Ifakkarna f’dan San Pawl meta jgħid li l-karità ta’ Kristu fiha qawwa li ġġegħelna nħobbu (cfr 2 Kor 5.14).  Kollox jibda minnu.  Inti ma tistax tħobb lil ħaddieħor bis-serjetà jekk nieqes minn dan l-għerq, l-imħabba t’Alla, l-imħabba ta’ Ġesù.

U issa t-tieni aspett li jilma mill-kmandament tal-imħabba.  Dan jorbot l-imħabba t’Alla ma’ dik tal-proxxmu: ifisser li meta nħobbu lil ħutna, aħna nkunu rifless, qiesna mera, tal-imħabba tal-Missier.  Inkunu nirriflettu l-imħabba t’Alla, dan hu l-punt; inħobbu lilu, li ma narwax permezz ta’ ħutna (cfr 1 Ġw 4,20).

Darba Santa Tereża ta’ Kalkutta, lil wieħed ġurnalist li staqsieha jekk b’dak li kienet tagħmel kellhiex l-illużjoni li tibdel id-dinja, weġbitu: “jien qatt m’għaddhieli minn moħħi li nibdel id-dinja!  Biss, Jien dejjem fittixt li nkun qatra nadifa li minnha tkun tista’ tiddi l-imħabba t’Alla” (Laqgħa mal-ġurnalisti wara li ngħatat il-Premju Nobel għall-Paċi, Ruma 1979).  Dan hu kif hi, tant ċkejkna, setgħet tagħmel ġid tant kbir: kienet rifless bħal qatra ta’ mħabba ta’ Alla.

U dan kif jista’ jsir?  Billi nagħmlu l-ewwel pass, ninsew... nagħmlu l-ewwel pass.  Ejjew nagħmlu dan!  Din hi l-qatra: li nagħmlu l-ewwel pass.

Allura, għeżież ħuti,aħna u niftakru fl-imħabba t’Alla li dejjem jinsab qabilna, nistgħu nistaqsu: Jien grat lejn il-Mulej li ħabbni l-ewwel?  Inħossha l-imħabba t’Alla u jien grat lejH?  Infittex li nkun rifless ta’ mħabbtu?  Nimpenja ruħi biex inħobb lil ħuti, biex nagħmel dat-tieni pass?

Il-Verġni Marija tgħinna biex fil-ħajja ta’ kuljum ngħixu l-kmandament il-kbir tal-imħabba: inħobbu, inħallu lil Alla jħobbna u nħobbu lil ħutna.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Irrodd ħajr lil kulmin - f’bosta nħawi u b’diversi modi – inagħqad fil-ġurnata ta’ sawm, talb u penitenza li għexna nhar il-Ġimgħa biex nimploraw il-paċi fid-dinja.  Nibqgħu ninsistu.  Inkomplu nitolbu għall-Ukrajna u wkoll għas-sitwazzjoni gravi fil-Palestina u f’Iżrael u għar-reġjuni l-oħra fejn hemm il-gwerra.  F’Gaża, b’mod partikolari, għandu jkun hemm wisa biex tkun garantita l-għajnuna umanitarja.  Jieqaf in-nar!  Patri Ibrahim Faltas – smajtu ftit ħin ilu fl-programm “A Sua Immagine” – Patri Faltas kien qed jgħid:”Waqqfu l-armi!  Waqqfu n-nar!”  Hu l-Vigarju tal-Art Imqaddsa.  Aħna wkoll bħal Patri Ibrahim ngħidu: “Sikktu l-armi!   Ieqfu ħuti!  Il-gwerra dejjem hi telfa, dejjem!

Jien qrib tal-popolazzjoni taż-żona ta’ Acapulco, fil-Messiku, li ntlaqtet minn uragan qawwi.  Nitlob għall-vittmi, għall-familjari tagħhom u għal dawk  li ġarrbu ħsarat kbar.  Jalla l-Verġni ta’ Guadalupe twieżen lil uliedha waqt il-prova.

Insellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini ġejjin mill-Italja u minn bosta nħawi tad-dinja.  Insellem b’mod partikolari lill-ġenituri ta’  “Ulied is-Sema” minn Torano Nuovo, lill-fidili minn Campana, lill-grupp vokazzjonali “Talità kum” mill-paroċċa rumana ta’ San Giovanni dei Fiorentini, lill-adoloxxenti tal-Griżma li ġew mis-Slovenja u lil dawk minn Gandosso kif ukoll lill-pellegrinaġġ ta’ Ulied San Camillo u tal-Minnistri tal-Morda.

Nawgralkom ilkoll il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan  minn Joe Huber