SOLENNITÀ TAL-APPOSTLI PIETRU U PAWLU

IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Is-Sibt, 29 ta’ Ġunju, 2024

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum, solennità tal-Appostli Pietru u Pawlu, fl-Evanġelju Ġesù jgħid lil Xmun, li Hu stess kien tah l-isem ta’ Pietru: “Lilek nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet” (Mt 16,19).  Din hi r-raġuni għala spiss lil San Pietru narawh b’żewġ infietaħ kbar f’idejh, bħall-dik l-istatwa li tinsab hawn, f’dil-pjazza.  Dawk l-imfietaħ jirrappreżentaw il-ministeru tal-awtorità li Ġesù afdalu f’idejh biex jaqdi lill-Knisja kollha.  Għax l-awtorità hi servizz, u awtorità li ma tkunx servizz hi dittatura.

Però noqgħodu attenti biex is-sens ta’ dan nifhmuh sewwa.  L-imfietaħ ta’ Pietru, infatti, huma l-imfietaħ tas-Saltna, li Ġesù ma jgħidx li hi xi kassaforti jew xi kamra mgħassa sewwa, imma jiddeskriviha mod ieħor: żerrriegħa żgħira, perla prezzjuża, teżor moħbi, ponn ħmira (cfr Mt 13,1-33), jiġifieri bħala xi ħaġa prezzjuża u rikka, iva, imma fl-istess ħin żgħira u mhux apparixxenti.  Biex (dan it-teżor) insibuh, għalhekk, mhemmx għalfejn inħaddmu magni jew niftħu xi serratura bil-kodiċi, imma hemm bżonn nikkultivaw virtuwjiet bħalma huma l-paċenzja, l-attenzjoni, il-perseveranza, l-umiltà, is-servizz.

Għalhekk, il-missjoni li Ġesù jafda biha lil Pietru mhix dik li jimbarra l-bibien tad-dar biex iħalli jidħlu xi ftit mistednin magħżula, imma biex jgħin lil kulħadd isib it-triq biex jidħol, bil-fedeltà lejn l-Evanġelju ta’ Ġesù.  Kulħadd, kulħadd, kulħadd jista’ jidħol.

U Pietru dan għamlu tul ħajtu kollha, bil-fedeltà, sal-martirju, wara li l-ewwel kien hu li ġarrab personalment, bi sforz u b’ħafna waqgħat, il-ferħ u l-libertà li jiġu mil-laqgħa mal-Mulej.   Hu kien l-ewwel wieħed li biex jiftaħ il-bieb għal Ġesù, kellu jikkonverti u jifhem li l-awotrità hi servizz.  U din ma kinitx ħaġa ħafifa għalih.  Niftakru: propju ftit wara li kien qal lil Ġesù: “Int Kristu”, l-Imgħallem ċanfru bl-ikraħ għax irrifjuta li jaċċetta l-profezija tal-passjoni u l-mewt fuq is-salib (cfr Mt 16,21-23).

Pietru rċieva l-imfietaħ tas-Saltna mhux għax kien perfett – le, kien midneb – imma għax kien umli, onest u l-Missier żejnu b’fidi sinċiera (cfr Mt 16,17).  Għalhekk, għax għaraf jafda fil-ħniena t’Alla, għaraf isostni u jqawwi, kif kien mitlub jagħmel, lil ħutu wkoll (cfr (Lq 22,32).

Issa nsaqsu lilna nfusna: jien nikkultivaha x-xewqa li bil-grazzja t’Alla nidħol fis-Saltna tiegħu, u li bl-għajnuna tiegħu inkun wens akkoljenti għall-oħrajn?  U biex nagħmel dan inħalli lil Ġesù u lill-Ispirtu tiegħu, l-Ispirtu li jgħammar fina, f’kull wieħed u waħda minna  “jillimawni”, jikkalmawni, jffrumawni?

Jalla Marija, Reġina tal-Appostli, flimkien mal-Qaddisin Pietru u Pawlu, bit-talb tagħhom jaqagħlulna l-grazzja li nkunu gwidi għal xulxin u nwieżnu lil xulxin għal-laqgħa tagħna mal-Mulej Ġesù.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

insellem lilkom ilkoll li ġejtu għall-festa tal-Qaddisin Pietru u Pawlu, insellem b’mod partikolari  lir-rumani!  Illum irrid li t-tislima tiegħi tasal għand l-abitanti kollha ta’ Ruma, propju kollha kemm huma, flimkien mat-talb tiegħi: għall-familji, speċjalment dawk li huma l-aktar fil-bżonn; l-anzjani, dawk li jinsabu waħedhom; il-morda, il-ħabsin u kulmin jinsab f’xi diffikultà għal xi raġuni jew oħra.  Nawgura lil kulħadd li jgħaddi mill-esperjenza ta’ Pietru u Pawlu, jiġifieri li l-imħabba ta’ Ġesù Kristu ssalva l-ħajja u tixprunana biex intuha lil ħaddieħor bil-ferħ, bil-gratwità.  Il-ħajja ma tinbigħx!

Insellem lill-Kanonċi Regolari tal-Kunċizzjoni Immakulata, li ltaqgħu f’Ruma għall-Kapitlu Ġenerali u nifraħ lill-Pro Loco tal-infjorata li organizzaaw fi Pjazza Piju XII, magħmula mill-imgħallmin tal-infjorata minn diversi nħawi tal-Italja.  Grazzi, grazzi ħafna, qed narahom minn hawn, sbieħ!

B’niket niftakar f’ħutna li qed isofru minħabba l-gwerra: niftakru fil-popolazzjonijiet kollha miġrugħin jew mhedda minħabba l-ġlied.  Jalla l-Mulej jeħlishom u jweżinhom fit-taqbida tagħhom għall-paċi.  U niżżi ħajr lil Alla għall-ħelsien ta’ żewġ saċerdoti greco-kattoliċi.  Jalla l-priġunieri kollha ta’ dil-gwerra jerġgħu lura lejn djarhom mill-aktar fis!  Nitolbu flimkien: jalla l-priġunieri kollha jerġgħu lura lejn djarhom.

Nawguralkom il-festa t-tajba.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber