SOLENNITÀ TAL-QADDISIN APPOSTLI PIETRU U PAWLU

IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħamis 29 ta’ Ġunju, 2023

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum, Solennità tal-Qaddisin Appostli Pietru u Pawlu, fl-Evanġelju Ġesù jgħid lil Xmun, wieħed mit-Tnax: “Inti Pietru u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi” (Mt 16,18). Pietru hu isem li fih għadd ta’ tifsiriet: jista’ jfisser blata, ħaġra jew sempliċiment ġebla.  U effettivament, jekk inħarsu lejn il-ħajja ta’ Pietru nsibu fiha xi ftit dawn it-tliet aspetti kollha ta’ ismu.

Pietru hu blata: f’ħafna mumenti hu qawwi u samm, ġenwin u ġeneruz.  Iħalli kollox biex jimxi wara Ġesù (cfr Ġw 21,7).  Imbagħad, bis-sinċerità u l-kuraġġ kollu jħabbar lil Ġesù fit-tempju qabel u wara li safa arrestat u fflaġellat. (cfr Atti 3,12-2; 5,25-42).  It-tradizzjoni tkellimna wkoll dwar il-kuraġġ tiegħu quddiem il-martirju, li sar propju hawnhekk (cfr Clemente Romano, Ittra lill-Korinti V,4).

Pietru huwa wkoll ħaġra: hu blata u ħaġra wkoll, adattat biex joffri appoġġ lill-oħrajn: ħaġra li msejsa fuq Kristu, hi sostenn għall-aħwa fil-bini tal-Knisja (cfr Pt 2,4-8; Ef 2,19-22).  F’ħajtu nsibu dan ukoll: iwieġeb għas-sejħa ta’ Ġesù flimkien ma’ ħuh Indrì, Ġakbu u Ġwanni (cfr Mt 4,18-22); jikkonferma r-rieda tal-Appostli fil-mixja wara Ġesù (cfr Ġw 6,68); jieħu ħsieb lil min qed isofri (cfr Atti 3,6), jippromwovi u jinkoraġġixxi t-tħabbir komuni tal-Evanġelju (cfr Atti 15,7-11).  Huwa ħaġra, hu punt ta’ riferiment affidabbli għall-komunità kollha.

Pietru hu blata, hu ħaġra u wkoll ġebla: spiss jidher fiċ-ċokon tiegħu.  Xi drabi ma jifhimx dak li jkun qed jagħmel Ġesù (cfr Mk 8,32-33; Ġw 13,6-9); quddiem l-arrest ta’ Ġesù jħalli l-biża’ jirkbu u jiċħdu, imbagħad jindem u jibki biki ta’ qsim il-qalb (cfr Lq 22,54-62), imma ma jsibx il-kuraġġ biex joqgħod taħt is-salib.  Jingħalaq mal-oħrajn fiċ-Ċenaklu, bil-biża’ li jaqbuh (cfr Ġw 20,19).  F’Antjokja jħossu imbarazzat jibqa’ mal-pagani konvertiti – u Pawlu jċanfru u jgħidlu biex dwar dan ikun koerenti (Gal 2, 11-14) -; fl-aħħar, skont it-tradizzjoni tal-Quo Vadis, jipprova jaħrab mill-martirju, iżda jiltaqa’ ma’ Ġesù fit-triq u jsib mill-ġdid il-kuraġġ biex jerġa’ lura.

F’Pietru hemm dan kollu: is-samm tal-blata, l-integrità tal-ħaġra, iċ-ċokon ta’ ġebla sempliċi.  Iżda mhux superman: hu bniedem bħalna, bħal kull wieħed u waħda minna, li lil Ġesù jgħidlu “iva” bil-ġenerożità minkejja l-imperfezzjoni tiegħu.  Imma hekk, fih – bħal f’San Pawl u l-qaddisin kollha – jidher li huwa Alla li jagħmilna qawwijin bil-grazzja tiegħu, jgħaqqadna miegħu bil-karità tiegħu u jaħfrilna bil-ħniena tiegħu.  U huwa b’din l-umanità vera li l-Ispirtu jifforma l-Knisja.  Pietru u Pawlu kienu bnedmin veri, u aħna, illum aktar minn qatt qabel, għandna bżonn bnedmin veri.

Issa nħarsu fina nfusna u nagħmlu xi ftit mistoqsijiet, ibda mill-blata, mill-ħaġra u mill-ġebla.  Mill-blata: hemm fina l-ħeġġa, iż-żelu, il-passjoni għall-Mulej u għall-Evanġelju, jew hi xi ħaġa li tifarrak mix-xejn?  Imbagħad, aħna ħaġar, mhux biex inkunu ostakli imma biex tinbena l-Knisja?  Naħdmu għall-għaqda, ninteressaw ruħna fl-oħrajn: konxji taċ-ċokon tagħna?  U, fuq kollox: fid-dgħufijiet nintelqu fil-Mulej li jagħmel ħwejjeġ kbar ma’ min hu umli u sinċier?

Marija Reġina tal-Appostli, tgħinna nimitaw il-qawwa, il-ġenerożità u l-umiltà tal-Qaddisin Pietru u Pawlu.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Insellem mill-qiegħ ta’ qalbi u nawgura b’mod speċjali lir-rumani, fil-festa tal-qaddisin patruni tagħhom Pietru u Pawlu!  Nirringrazzja lill-Pro Loco ta’ Ruma, li f’din l-okkażjoni organizzat l-infjorata storika, maħduma mill-Imgħallmin ta’ din is-sengħa minn ħafna Pro Loco minn madwar l-Italja u li ilha ssir għaxar snin: qed naraha minn hawn... Tħejjew twapet tal-fjuri mill-isbaħ imnebbħin mill-paċi u dan ifakkarna li qatt m’għandna negħjew nitolbu għall-paċi speċjalment għall-poplu ukren, li kuljum inġorr f’qalbi.

Inġedded it-tislima tiegħi lid-Delegazzjoni tal-Patrijarkat Ekumeniku ta’ Kostantinopli, li ħa sehem fil-festa tal-lum, u nibgħat tgħannieqa lill-għażiż ħija, Il-Qdusija Tiegħu Bartilmew.

Insellem lilkom ilkoll, u nibda mill-fidili li ġew biex jiffesteġġjaw lill-Arċiqfijiet Metropoliti, li llum berikt il-Pallji tagħhom; u mbagħad lill-gruppi ġejjin mill-Brażil, mill-Kroazja, mill-Messiku, min-Nikaragwa, mill-Polonja, mill-Istati Unitit tal-Amerika u minn postijiet varji fl-Italja.

Nawgura lil kulħadd il-festa t-tajba, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber