SOLENNITÀ TAL-QADDISIN PIETRU U PAWLU

IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

It-Tlieta, 29 ta' Ġunju, 2021

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fil-qofol tal-Evanġelju tal-liturġija tal-lum (Mt 16,13-19), lid-dixxipli l-Mulej jagħmlilhom mistoqsija deċisiva: "Intom, min tgħidu li jien?" (v. 15).  Hi mistoqsija kruċjali li Ġesù jtenni lilna wkoll illum: "Min jien għalik?" int li lqajt il-fidi imma għadek tibża' taqdef fil-fond bis-saħħa tal-Kelam tiegħi? Min jien għalik li ilek nisrani tant żmien imma minħabba s-susa tad-drawwa tlift l-ewwel imħabba?  Min jien għalik int li għaddej minn żmien diffiċli u għandek bżonn tqum fuq tiegħek biex terġa' taqbad it-triq?  Ġesù jistaqsi: min jien għalik?  Ejjew illum intuh tweġiba imma tweġiba li tiġi mill-qalb.  Ilkoll kemm aħna, ejjew intuh tweġiba li ġejja mill-qalb.

Qabel dil-mistoqsija lid-dixxipli Ġesù kien għamlilhom oħra: "In-nies min jgħidu li jien?" (cfr v. 13).  Kienet test biex jisma' l-ideat dwaru u dwar il-fama li kellu, imma lil Ġesù ma tinteressaħx il-popolarità, dan ma kienx dak it-tip ta' test.  Allura għalfejn għamel dik il-mistoqsija?  Biex jisħaq dwar differenza fundamentali fil-ħajja nisranija.  Hemm min jeħel mal-ewwel mistoqsija, mal-opinjoni u jitkellem dwar Ġesù u hemm min jitkellem ma' Ġesù, jippreżentalu ħajtu, jidħol f'relazzjoni miegħu, jagħmel it-tranżizzjoni deċisiva.  Dan jinteressah lill-Mulej: li Hu jkun iċ-ċentru ta' ħsibijietna, li jsir il-punt ta' riferiment tal-għozza tagħna; fi ftit kliem isir l-imħabba ta' ħajjitna.  Mhux l-opinjonijiet li għandna dwaru: ma jinteressawhx.  Tinteressah imħabbitna, jekk Hu jinsabx fi qlubna.

Il-qaddisin li qed niċċelebraw illum għamluha dit-tranżizzjoni u saru xhieda.  Il-bidla fl-opinjoni biex ikollhom lil Ġesù f'qalbhom: xhieda.  Ma kinux ammiraturi, imma imitaturi ta' Ġesù.  Ma kinux spettaturi imma protagonisti tal-Evanġelju. M'emmnux bil-kliem iżda bil-fatti.  Pietru ma qagħadx jitkellem dwar il-missjoni, għex il-missjoni, kien sajjied tal-bnedmin; Pawlu ma qagħadx jikteb kotba kulturali, imma kiteb ittri mgħejxa filwaqt li kien jivvjaġġa u jagħti xhieda.  It-tnejn taw ħajjithom għall-Mulej u għall-aħwa.  U jipprovokawna.  Għax aħna għandna r-riskju li neħlu mal-ewwel mistoqsija, li nagħtu pariri u opinjonijiet, li jkollna ideat kbar u ngħidu kliem sabiħ, imma qatt ma nirriskjaw.  U Ġesù jridna nirriskjaw.  Per eżempju, kemm drabi ngħidu li rridu Knisja aktar fidila lejn l-Evanġelju, aktar qrib in-nies, aktar profetika, aktar missjunarja, imbagħad ma nagħmlu xejn konkret!  Hu ta' swied il-qalb tara tant li jitkellmu, jikkummentaw u jiddiskutu,imma ftit huma li jagħtu xhieda.  Ix-xhieda ma jintilfux fil-kliem, imma jnisslu l-frott.  Ix-xhied ma joqgħodux igemgmu dwar l-oħrajn u dwar id-dinja, imma jibdew minnhom infushom.  Ifakkruna li lil Alla mhux nispjegawh irridu imma nuruh bix-xhieda li nagħtu; mhux inħabbruh bil-proklami imma nkunu xhieda tiegħu bl-eżempju.  Dan ifisser li "nirriskjaw ħajjitna".

Madankollu, meta nħarsu lejn il-ħajja ta' Pietru u Pawlu, tista' tinbet oġġezzjoni: it-tnejn kienu xhieda, imma mhux dejjem eżemplari: kienu midinbin!  Pietru ċaħad lil Ġesù u Pawlu ppresegwita lill-insara.  Però - u hawn hu l-punt -huma taw xhieda tal-waqgħat tagħhom ukoll.   Per eżempju, San Pietru seta' jgħid lill-evanġelisti: "tiktbu xejn dwar l-iżbalji li għamilt", għamlu evanġelju 'sportiv'.  Imma le, l-istorja tiegħu toħroġ għerja, toħroġ ċara fl-Evanġelji, bil-miżerji tiegħu kollha.  L-istess jagħmel San Pawl, li fl-ittri jirrakkonta l-iżbalji u d-dgħufijiet.  Hekkhu, minn hawn jibda x-xhud: mill-verità dwaru nnifsu, mit-taqbida tiegħu mad-dupliċità u l-falsità.  Il-Mulej jista' jagħmel ħwejjeġ kbar permezz tagħna meta minflok noqgħodu niddefendu l-apparenza tagħna nkunu trasparenti miegħu u mal-oħrajn.  Illum, għeżież ħuti, il-Mulej qed jikkonfrontana.  U l-mistoqsija tiegħu hi l-istess: min jien għalik?  Jiskava ġewwa fina.  Permezz tax-xhieda ta' Pietru u Pawlu jixprunana biex inċarrtu l-maskri tagħna, biex nirrinunzjaw għall-kompromessi, għall-iskużi li jagħmluna berdin u medjokri.  F'dan tgħinna l-Madonna, Reġina tal-Appostli.  Jalla tixgħel fina x-xewqa li nkunu xhieda ta' Ġesù.

 

WARA L-ANGELUS

 

Għeżież ħuti,

pitgħada l-1 ta' Lulju, fil-Vatikan se tkun ġurnata speċjali ta' talb u riflessjoni għall-bżonnijiet tal-Libanu.  Flimkien mal-kapijiet tal-Knejjes kollha preżenti fil-pajjiż taċ-ċedru, se nħallu l-Kelma tal-Iskrittura tnebbaħna, il-kelma li tgħid: "Il-Mulej għandu pjanijiet ta' paċi" (Ġer 29,11).  Nistieden lil kulħadd jingħaqad magħna spiritwalment u jitlob biex il-Libanu joħroġ mill-kriżi gravi li jinsab fiha u juri mill-ġdid lid-dinja l-wiċċ tiegħu ta' paċi u tama.

Nhar l-1 ta' Lulju jaħbat il-160 anniversarju tal-ewwel ħarġa tal-'Osservatore Romano', "il-ġurnal tal-partit" kif insejjaħlu jiena.   Awguri sbieħ u grazzi ħafna tas-servizz li tagħtu.  Komplu ħidmitkom bil-fedeltà u l-kreattività.

U llum għalina hu anniversarju li jmissilna qalbna lkoll: 70 sena ilu l-Papa Benedittu kien ordnat saċerdot (applaws).  Lilek, Benedittu, għażiż missier u ħuna, intuk l-għozza tagħna, il-gratitudni tagħna u l-qrubija tagħna.  Hu jgħix fil-monasteru, imkien maħsub biex jospita komunitajiet kontemplattivi hawn fil-Vatikan.  Bħalissa huwa hu l-kontemplattiv tal-Vatikan, li jqatta' ħajtu jitlob għall-Knisja u għad-djoċesi ta' Ruma li hu l-Isqof emeritu tagħha.  Grazzi Benedittu, għażiż missier u ħuna.  Grazzi għax-xhieda kredibbli tiegħek.  Grazzi għall-ħarsa tiegħek li dejjem imdawra lejn ix-xefaq ta' Alla: grazzi!

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll, pellegrini taljani u minn pajjiżi varji; imma llum irrid insellem b'mod partikolari lir-rumani, fil-festa tal-qaddisin patruni tagħna.  Inberikkom, għeżież rumani!  Nagwura kull ġid lill-belt ta' Ruma; illi, bl-impenn tagħkom ilkoll, taċ-ċittadini kollha, ssir vivibbli u akkoljenti, fejn ħadd ma jibqa' barra, fejn it-tfal u l-anzjani jsibu min jieħu ħsiebhom, fejn ikun hemm ix-xogħol li jkun dinjituz, fejn il-foqra u min hu tal-aħħar ikun iċ-ċentru tal-proġetti politiċi u soċjali.  Nitlob għal dan.  U intom ukoll għeżież fidili minn Ruma, itolbu għall-Isqof tagħkom.   Grazzi.Iil-festa t-tajba lil kuħadd!  L-ikla t-tajba u arrivederci.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber