SOLENNITÀ TAL-QADDISIN APPOSTLI PIETRU U PAWLU

IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

It-Tnejn, 29 ta' Ġunju, 2020

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum qed nagħmlu l-festa tal-qaddisin patruni ta' Ruma, l-appostli Pietru u Pawlu.  U huwa don li qed niltaqgħu hawnhekk biex nitolbu, qrib il-post li fih Pietru miet martri u jinsab midfun.  Però l-Liturġija tal-lum tfakkar episodju ieħor differenti għal kollox: tirrakkonta li snin qabel, Pietru kien meħlus mill-mewt.  Kien safa arrestat, kien fil-ħabs u l-Knisja, li kienet beżgħana minħabba ħajtu, kienet titlob għalih bla heda.  Allura niżel anġlu biex jeħilsu mill-ħabs (cfr Atti 12,1-11).  Iżda snin wara wkoll, meta Pietru kien fil-ħabs f'Ruma, il-Knisja żgur li kienet qed titlob għalih.  Madankollu, f'dik l-okkażjoni ħajtu ma nħelsitx.  Dan kif l-ewwel kien meħlus mill-prova u wara le?

Għax fil-ħajja ta' Pietru hemm triq li taf iddawwal il-mixja ta' ħajjitna.  Il-Mulej kien tah bosta grazzji u ħelsu mill-inkwiet: magħna jagħmel l-istess.  Anzi, spiss, aħna mmorru għandu fil-waqtiet ta' bżonn biss, biex nitolbu l-għajnuna.  Iżda Alla jara aktar 'il bogħod u jistedinna biex immorru aktar 'l hinn, biex ma nfittxux biss ir-rigali tiegħu, imma biex infittxu lilu, Hu s-sid tad-doni kollha: biex inħallu f'idejh mhux biss il-problemi imma biex nafdawlu f'idejh ħajjitna.  B'hekk fl-aħħar ikun jista' jtina l-akbar rigal, ir-rigal li nagħtu ħajjitna.  Iva, li nagħtu ħajjitna.  L-aktar ħaġa importanti fil-ħajja hi li l-ħajja nagħmluha don.  U dan jgħodd għal kulħadd: għall-ġenituri lejn uliedhom u għall-ulied lejn il-ġenituri anzjani.  U hawn qed niftakar f'tant ġenituri anzjani, li jitħallew waħedhom mill-familja, qieshom - ippermettuli ngħid - materjal għall-iskart.  Dan hu dramm ta' żmienna: is-solitudni tal-anzjani.  Il-ħajja tal-ulied u tan-neputijiet mhix qed tkun don għall-anzjani.  Inkunu don għal min hu miżżewweġ u għal min hu konsagrat; dan jgħodd kullimkien, fid-dar, fuq ix-xogħol, u lejn kull  min jinsab qribna.  Alla jixtieq iseddaqana bħala don.  Aħna nikbru dment li nkunu don għall-oħrajn.  Inħarsu lejn San Pietru: ma sarx eroj għax inħeles mill-ħabs imma għax hawnhekk hu ta ħajtu.  Id-don li ta bidel imkien ta' qtil fil-post sabih ta' tama li qiegħdin fih.

Dan għandna nitolbu lil Alla: mhux biss il-grazzja tal-mument, imma l-grazzja tal-ħajja.  L-Evanġelju tal-lum jagħtina propju d-djalogu li bidel ħajjet Pietru.  Hu sama' lil Ġesù jistaqsih: "Min jien għalik?".  U wieġeb: "Int Kristu, Iben Alla l-ħaj".  U Ġesù: "Imbierek int, Xmun bin Ġona (Mt 16,16-17).

Ġesù jsejjaħlu 'imbierek', li tfisser 'hieni'.  Int hieni għax għidt hekk.  Ninnutaw: lil Pietru Ġesù jgħidlu li hu  mbierek għax stqarr "Int Iben Alla l-ħaj".  Allura x'inhu s-sigriet ta' ħajja hienja, liema hu s-sigriet ta' ħajja feliċi?  Li nagħrfu lil Ġesù, imma lil Ġesù bħala Alla ħaj, mhux bħala statwa.  Għax xejn ma jiswa li nkunu nafu li Ġesù kien kbir fl-istorja, xejn ma jiswa li napprezzaw dak li qal jew li għamel: jiswa biss il-post li jien intih f'ħajti, liema post nagħti lil Ġesù f'qalbi.  Hu propju f'dak il-waqt li Xmun sama' lil Ġesù jgħidlu: "Inti Pietru u fuq din il-blata jien nibi l-Knisja tiegħi" (v. 18).  Ma sejjaħlux "ġebla" għax kien bniedem sod u ta' min jafdah.  Le, kellu jagħmel ħafna żbalji wara, ma tantx kien ta' min jafdah, għamel ħafna żbalji, sa kien wasal biex jiċħad lill-Imgħallem.  Imma għażel li jibni ħajtu fuq Ġesù, il-ġebla; mhux - jgħidilna t-test - "fuq id-demm u l-laħam", jiġifieri fuq nnifsu, fuq il-ħiliet tiegħu, imma fuq Ġesù (cfr v. 17), li hu l-ġebla.  Huwa Ġesù l-blata li fuqha Xmun sar ġebla.  L-istess nistgħu ngħidu dwar l-Appostlu Pawlu, li nagħta bħala don kollu kemm hu għall-Evanġelju u qies il-bqija kollu bħala knis biex jirbaħ lil Kristu.

Illum, quddiem l-Appostli nistgħu nistaqsu lilna nfusna: "U jien kif qed nindrizza ħajti?  Naħseb biss fil-ħtiġijiet tal-mument jew nemmen li l-veru bżonn tiegħi huwa Ġesù, li minni jagħmel don?  U kif qed nibni ħajti, fuq il-ħiliet tiegħi jew fuq Alla l-ħaj?  Il-Madonna, li tat ħajjitha kollha lil Alla, tgħinna nqegħduh fil-bażi ta' kull ġurnata; u hi tinterċedi għalina biex, bil-grazzja t'Alla ħajjitna nkunu nistgħu nagħmluha rigal.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

l-ewwel irid insellem lir-rumani kollha u lil kull min joqgħod f'dil-belt, fil-festa tal-qaddisn patruni, l-Appostli Pietru u Pawlu.  Bl-interċessjoni tagħhom, nitlob biex kull persuna f'Ruma tkun tista' tgħix bid-dinjità u tkun tista' tiltaqa' max-xhieda ferrieħa tal-Evanġelju.

F'dit-tifkira hi tradizzjoni li f'Ruma tiġi delegazzjoni mill-Patrijarkat Ekumeniku ta' Kostantinopli, imma dis-sena dan ma kienx possibbli minħabba l-pandemija.  Għaldaqstant nibgħat tgħannieqa spiritwali lill-għażiż ħija l-Patrijarka Bartilmew, bit-tama li ma jdumux ma jerġgħu jibdew mill-aktar fis iż-żjarat reċiproċi bejnietna.

Fiċ-ċelebrazzjoni tas-solennità ta' San Pietru u San Pawl, irrid infakkar lill-ħafna martri li sfaw b'rashom maqtugħa, maħruqin ħajjin u maqtulin, speċjalment fi żmien l-imperatur Neruni, propju fuq dir-roqgħa art fejn tinsabu intom bħalissa.  Din hi art imdemmija minn ħutna l-insara.  Għada nfakkru lilhom.

Insellem lilkom ilkoll, għeżież pellegrini li tinsabu hawn: qed nara bnadar tal-Kanada, tal-Kolombja u oħrajn...  Tislijiet kbar!  Jalla ż-żjara lill-oqbra tal-Appostli ssaħħaħ fikom il-fidi u x-xhieda tagħkom.

U nawgura lil kulħadd il-festa t-tajba.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber