IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

(Mill-Biblijoteka tal-Palazz Appostoliku)

Il-Ħadd, 29 ta' Marzu, 2020

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju ta' dal-ħames Ħadd tar-Randan hu l-qawmien ta' Lażżru (cfr Ġw 11,1-45). Lażżru kien ħu Marta u Marija; kienu ħbieb kbar ta' Ġesù.  Meta Hu jasal Betanja, Lażżru kien diġà ilu mejjet erbat ijiem; Marta tmur tilqa' lill-Imgħallem u tgħidlu: "Kieku kont hawn ħija ma kienx imut" (v. 21).  Ġesù jweġibha: "Ħuk jerġa' jqum" (v. 23); u jżid: "Jien hu l-qawmien u l-ħajja, min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix" (v. 25).  Ġesù juri li Hu s-Sid tal-ħajja, dak li għandu ħila jagħti l-ħajja lill-mejtin ukoll.  Imbagħad jaslu Marija u nies oħra, ilkoll imbikkija, għalhekk Ġesù - jgħidilna l-Evanġelju - "ħass ruħu mqanqal ħafna u (.....) beda jibki" (vv. 33.35).  B'din it-taqbida f'qalbu jmur lejn il-qabar, jiżżi ħajr lill-Missier li dejjem jagħtih widen, iġagħalhom jiftħu l-qabar u jgħajjat b'leħen għoli: "Lażżru, oħroġ!" (v. 43).  U Lażżru joħroġ b'idejh u riġlejh infaxxati u b'maktur ma' wiċċu (v. 44).

Hawnhekk immissu b'idejna l-fatt li Alla huwa l-ħajja u jagħti l-ħajja, imma jerfa' fuqu d-dramm tal-mewt.  Ġesù seta' evita l-mewt ta' ħabibu Lażżru, imma ried jitwaħħad man-niket tagħna meta nitilfu lil xi ħadd għażiż għalina, u, fuq kollox, ried juri li Alla hu sid assolut fuq il-mewt.  F'dal-pass tal-Evanġelju naraw li l-fidi tal-bniedem u l-omnipotenza ta' Alla, tal-imħabba t'Alla, jfittxu lil xulxin u fl-aħħar jiltaqgħu.  Tixbaħ triq doppja: il-fidi tal-bniedem u l-omnipotenza tal-imħabba t'Alla li jfittxu lil xulxin u fl-aħħar jiltaqgħu.  Naraw dan fl-għajta ta' Marta u Marija u tagħna lkoll magħhom: "Kieku kont hawn!...".  U t-tweġiba t'Alla mhix diskors, it-tweġiba ta' Alla għall-problema tal-mewt hija Ġesù: "Jien hu l-qawmien u l-ħajja.....Emmnu fija!  Qalb il-biki komplu saħħu l-fidi anki jekk il-mewt tidher rebbieha.  Neħħu l-ġebla minn qlubkom!  Ħallu l-Kelma t'Alla ġġib lura l-ħajja fejn hemm il-mewt".

Illum ukoll Ġesù qed itennielna: "Neħħu l-ġebla".  Alla ma ħalaqniex għall-qabar, ħalaqna għall-ħajja sabiha, tajba, ferrieħa.  Iżda "l-mewt daħet fid-dinja minħabba l-għira tax-xitan" (Għerf 2,24), jgħid il-Ktieb tal-Għerf u Ġesù ġie biex jeħlisna mill-jasar tagħha.

Għalhekk, aħna msejħin biex inneħħu l-ġebla ta' dak kollu li hu mewt: per eżempju, l-ipokrisija li biha ngħixu l-fidi tagħna; il-kritika distruttiva li nagħmlu lill-oħrajn, din hija mewt; l-offiża, il-kalunja, hija mewt; l-emarġinazzjoni tal-fqir, hija mewt.  Il-Mulej jitlobna nneħħu dan il-ġebel minn qlubna u b'hekk il-ħajja twarrad mill-ġdid madwarna.  Kristu jgħix u min jilqgħu u jimxi miegħu jidħol f'kuntatt mal-ħajja.  Mingħajr Kristu, jew 'il barra minn Kristu, mhux biss il-ħajja hija nieqsa, imma naqgħu mill-ġdid fil-mewt.

Il-qawmien ta' Lażżru hu sinjal tar-riġenerazzjoni li titwettaq f'min jemmen, permezz tal-Magħmudija, li ddaħħalna sfiq fil-Misteru tal-Għid ta' Kristu.  Bil-ħidma u l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, in-nisrani huwa persuna li timxi fil-ħajja bħala kreatura ġdida: kreatura għall-ħajja u li timxi lejn il-ħajja.

Il-Verġni Marija tgħinna biex ikollna l-ħniena bħal Binha Ġesù, li l-uġigħ tagħna għamlu tiegħu.  Kull wieħed u waħda minna għandu jkun qrib ta' min għaddej mill-prova u jsir għalih mera tal-imħabba u t-tenerezza ta' Alla, li jeħles mill-mewt u jrebbaħ il-ħajja.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

fil-jiem li għaddew, is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda għamel appell biex jieqaf il-ġlied bl-armi f'kull rokna tad-dinja, minnufih, minħabba l-emerġenza tal-COVID-19, li m tafx bi fruntieri.  Appell biex jieqaf il-ġlied kollu.

Jien ningħaqad ma' kull min laqa' dan l-appell u nisteiden lil kulħadd biex jagħmel l-istess u jwaqqaf kull għamla ta' ostilità bil-gwerra, u b'hekk joħloq kuriduri biex minnhom tgħaddi l-għajnuna umanitarja, tinfetaħ triq għad-diplomazija, u tingħata attenzjoni lil min jinsab f'sitwazzjoni ta' vulnerabbiltà kbira.

Jalla l-impenn koordinat kontra l-pandemija jwassal biex kulħadd jintebaħ bil-ħtieġa li jissaħħu r-rabtiet fraterni bħala membri tal-familja umana ewlenija.  B'mod partikolari, jalla jqanqal f'min hu responsabbli min-nazzjonijiet u f'kull min għandu x'jaqsam, impenn imġedded biex tingħeleb ir-rivalità.  Il-kunflitti ma nsolvuhomx bil-gwerra!  Jeħtieġ ngħelbu r-rivalitajiet u l-kuntrasti permezz ta' djalogu u tfittxija kostruttiva tal-paċi.

F'dal-ħin moħħi jmur, b'mod speċjali, lejn il-persuni kollha li qed isofru minħabba s-sitwazzjoni prekarja li bilfors iridu jgħixu fi grupp: djar tax-xjuħ, barracks....  Irrid insemmi b'mod partikolari lill-persuni li jinsabu fil-ħabsijiet.  Qrajt nota uffiċjali tal-Kummissjoni għad-Drittijiet Umani li qed titkellem dwar il-problema tal-ħabsijiet iffullati żżejjed, li jistgħu jinbidlu fi traġedja.  Nitlob lill-awtoritajiet biex ikunu sensibbli għal dil-problema gravi u biex jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jevitaw traġedji fil-ġejjieni.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija; jien nitolb għalikom ukoll.  L-ikla t-tajba u arrivederci.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber