IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd, 29 ta’ Jannar, 2023

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fil-Liturġija tal-lum għandna mħabbrin solennement il-Beatitudnijiet skont l-Evanġelju ta’ Mattew (cfr Mt 5,1-12).  L-ewwel waħda hi fundamentali u tgħid hekk: “Henjin il-foqra fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-saltna tas-smewwiet” (v. 3).

Min Huma l-foqra fl-ispirtu?  Huma dawk li jagħrfu li mhumiex awtosuffiċjenti u jgħixu bħal “tallaba ta’ Alla”: iħossu li għandhom bżonn lil Alla u jagħrfu li l-ġid ġej minnu bħala don, bħala grazzja.  Min hu fqir fl-ispirtu jgħożż dak li jirċievi; għalhekk jixtieq li ebda don ma jinħela.  Illum nixtieq nieqaf fuq dan l-aspett tipiku tal-foqra fl-ispirtu: taħlix.  Il-foqra fl-ispirtu jippruvaw ma jaħlu xejn.  Ġesù jurina l-importanza li ma jkunx hemm ħela, per eżempju, wara t-tkattir tal-ħobż u l-ħut, meta jitlob biex l-ikel żejjed jinġabar ħalli ma jinħela xejn (cfr Ġw 6,12). Meta ma naħlux nibdew napprezzaw il-valur tagħna nfusna, tal-persuni u tal-affarijiet.  Sfortunatament però, hu prinċipju li spiss jintesa, speċjalment fis-soċjetajiet l-aktar affluwenti, li fihom tiddomina l-kultura tal-ħela u tal-iskart: it-tnejn huma pesta.  Allura rrid nipproponielkom tlett sfidi kontra l-mentalità tal-ħela u l-iskart.

L-ewwel sfida: ma naħlux id-don tagħna nfusna.  Kull wieħed u waħda minna aħna utli, indipendentement mit-talenti li għandna.  Kull mara, kull raġel, huma għonja mhux biss bit-talenti, iżda wkoll bid-dinjità, maħbubin minn Alla, għandhom valur, huma prezzjużi.  Ġesù jfakkarna li aħna hienja mhux minħabba dak li għandna, imma minħabba dak li aħna.  U meta persuna tintelaq, tintrema, tkun qed taħli lilha nfisha.  Bl-għajnuna t’Alla, niġġieldu t-tentazzjoni li nħossuna insuffiċjenti, żbaljati, li noqgħodu nibku lilna nfusna.

Imbagħad, it-tieni sfida: ma naħlux id-doni li għandna.  Jirriżulta li fid-dinja, kull sena, madwar terz tal-produzzjoni kollha tal-ikel, tinħela.  U dan waqt li hemm tant li qed imutu bil-ġuħ!  Ir-riżorsi tal-ħolqien ma nistgħux nużawhom hekk: il-ġid għandu jkun imħares, u jinqasam, b’mod li ħadd ma jibqa’ mingħajr il-meħtieġ.  Ma naħlux dak li għandna, imma nferrxu ekoloġija ta’ ġustizzja u karità, ta’ kondiviżjoni!

Fl-aħħar, it-tielet sfida: ma nwarrbux fil-ġenb il-persuni.  Il-kultura tal-iskart tgħid: nużak sakemm tkun ta’ siwi għalija; meta ma tinteressanix aktar jew tkun ostaklu għalija, narmik.  U, speċjalment id-dgħajfin, hekk huma ttrattati: it-tfal mhux mitwielda, l-anzjani, dawk fil-bżonn, min hu żvantaġġjat.  Iżda ma nistgħu narmu ebda persuna, ma nistgħux narmu lil min hu żvantaġġjat!  Kull wieħed u waħda minna aħna don sagru, kull wieħed u waħda minna hu don uniku, f’kull età u f’kull kundizzjoni.  Nirrispettaw u nippromwovu l-ħajja dejjem!  Ma narmux il-ħajja!

Għeżież, ħuti nagħmlu xi ftit mistoqsijiet lilna nfusna.   Qabel xejn, jien kif qed ngħix il-faqar fl-ispirtu”  Naf inħalli wisa’ għal Alla, nemmen li Hu huwa l-ġid tiegħi, il-veru għana kbir li għandi?  Nemmen li jħobbni?, jew nintrema bil-geddum u ninsa li jien don?  Imbagħad: noqgħod attent li ma naħlix?, jien responsabbli dwar kif nuża l-affarijiet, il-ġid?  U jien disponibbli biex naqsam ma ħaddieħor jew jien egoist?  Fl-aħħar: lil min hu fraġli nqisu bħala don prezzjuż li Alla jitolbni nħarsu?  Niftakar fil-foqra, f’min hu nieqes mill-meħtieġ?

Jalla Marija, Mara tal-Beatitudnijiet, tgħinna nkunu xhieda li l-ħajja hi don li jferraħ u nifhmu kemm hu sabiħ li aħna stess inkunu don.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

B’niket kbir qed nisma’ l-aħabrijiet li qed jaslu mill-Art Imqaddsa, partikolarment il-mewt ta’ għaxar palestinjani, fosthom mara, li nqatlu waqt azzjoni militari iżraeljana kontra t-terroriżmu fil-Palestina; u dak li ġara qrib Ġerusalemm nhar il-Ġimgħa filgħaxija, meta seba’ lhud iżraeljani nqatlu minn palestinjan u tlieta ndarbu huma u ħerġin mis-sinagoga.  Iċ-ċirku tal-mewt li qed jiżdied jum wara ieħor ma jagħmel xejn aktar ħlief jitfi l-ftit tama ta’ fiduċja li hemm bejn iż-żewġ popli.  Mill-bidu tas-sena għexieren ta’ palestinjani nqatlu fil-ġlied bl-armi mal-eżerċtu iżraeljan. Nappella liż-żewġ gvernijiet u lill-Komunità Internazjzonali sabiex minnufih u bla tnikkir jinstabu toroq oħra ta’ djalogu u tfittxija sinċiera tal-paċi.  Ħuti, nitolbu għal dan!

Inġedded l-appell tiegħi dwar is-sitwazzjoni umanitarja gravi fil-Kuridur ta’ Lachin, fil-Kawkażu tan-Nofsinhar.  Jien qrib ta’ dawk kollha li fl-eqqel tax-xitwa, imġagħlin iħabbtu wiċċhom ma’ dawn il-kundizzjonijiet diżumani.  Hemm bżonn isir kull sforz fuq livell internazzjonali biex jinstabu soluzzjonijiet paċifiċi għall-ġid tal-persuni.

Illum hu s-70 Jum Dinji tal-Morda bil-Lebbra.  Sfortunatament l-istigma marbuta ma’ dil-marda għadha ġġib magħha ksur gravi tad-drittijiet umani f’ħafna nħawi tad-dinja.  Nesprimi l-qrubija tiegħi ma’ dawk li għandhom dil-marda u nħeġġeġ biex ikun hemm impenn ħalli dawn ħutna jkunu integrati kompletament.

Insellem lilkom ilkoll, li ġejtu mill-Italja u minn pajjiżi varji oħra.  Insellem lill-grupp minn Quinceañeras, fil-Panama u lill-istudenti minn Badajoz fi Spanja.  Insellem lill-pellegrini minn Moiano u Monteleone di Orvieto, lil dawk minn Acqui Terme u lill-grupp tal-adoloxxenti Agesci Cercola Primo.

U issa, b’għożża kbira nsellem liż-żgħażagħ tal-Azzjoni Kattolika tad-Djoċesi ta’ Ruma!  Ġejtu bħala “Karwana tal-Paċi”.  Irrodilkom  ħajr għal din l-inizjattiva, tant prezzjuża din is-sena għaliex, bl-Ukrajna mbiċċra f’moħħna, l-impenn u t-talb tagħna għall-paċi għandu jkun aktar ħerqan.  Niftakru fl-Ukrajna u nitolbu għall-poplu ukren, tant ittrattat ħażin.  Issa nisimgħu l-messaġġ li se jaqraw ħbiebkom li qiegħdin ħdejja.

(qari tal-messaġġ)

Għeżież ħuti, pitgħada se nitlaq għal vjaġġ appostoliku fir-Repubblika Demokratika tal-Congo u fir-Repubblika tas-Sudan t’Isfel.  Irrodd ħajr lill-awtoritajiet ċivili u lill-Isqfijiet għall-istediniet u għat-tħejjija għal dawn iż-żjajjar, insellem b’għożża lil dawk il-popolazzjonijiet għeżież li qed jistennewni.

Dawk l-artijiet huma mifluġin minħabba kunflitti li ilhom sejrin: ir-Repubblika Demokratika tal-Congo qed tbati l-aktar fil-Lvant tal-pajjiż, minħabba l-ġlied bl-armi u l-isfruttament filwaqt li s-Sudan t’Isfel, imbiċċer minn snin sħaħ ta’ gwerra qed jistenna bil-ħerqa li jieqfu l-vjolenzi ma jaqtgħu xejn li lil bosta nies qed iġagħluhom jgħixu bogħod minn djarhom u f’sitwazzjonijiet ta’ skumdità bla tarf.  Fis-Sudan t’Isfel se mmur flimkien mal-Arċisqof ta’ Canterbury u mal-Moderatur tal-Assemblea Ġenerali tal-Knisja tal-Iskozja: b’hekk se ngħixu flimkien, bħal aħwa, pellegrinaġġ ekumeniku ta’ paċi.

Nitlob lil kulħadd jakkumpanja dal-vjaġġ bit-talb.

U nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber