IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 28 ta’ Novembru, 2021

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum, l-ewwel Ħadd tal-Avvent, jiġifieri l-ewwel Ħadd ta’ tħejjija għall-Milied, ikellimna dwar il-miġja tal-Mulej fl-aħħar taż-żminijiet.  Ġesù jħabbar ġrajjiet ta’ niket u tbatija, imma propju f’dal-ħin jistedinna biex ma nibżgħux.  Għaliex?  Għax kollox se jmur sew?  Le, imma għaliex Hu se jiġi.  Ġesù għad jerġa’ jiġi, Ġesù għad jiġi, hekk iwiegħed.  Jgħid hekk: “Qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib” (Lq 21, 28).   Sabih tisma’ dil-kelma ta’ kuraġġ: inqawwu qalbna u nerfgħu rasna għax propju fil-waqtiet li fihom kollox donnu jidher riesaq lejn tmiemu, jiġi l-Mulej biex isalvana; nistennewh bil-ferħ anki fl-agħar tat-tbatija, waqt il-kriżi tal-ħajja u fid-drammi tal-istorja.  Nistennew lill-Mulej.  Imma kif nistgħu nqawwu qlubna, ma nħallux id-diffikultajiet, it-tbatijiet, il-telfiet, jegħlbuna?  Ġesù jurina t-triq bi twissija qawwija: “Oqgħodu attenti, tħallux qalbkom titmewwet (....) Ishru u itolbu l-ħin kollu (vv. 34-36)

“Ishru”, is-sahra.  Nieqfu ftit dwar dan l-aspett importanti tal-ħajja nisranija.  Minn kliem Ġesù naraw li s-sahra hi marbuta mal-attenzjoni: oqgħodu attenti, ishru, taljenawx ruħkom, jiġifieri ibgħu mqajmin!  Dan ifisser li tishar: tħallix qalbek titgħażżen u l-ħajja spiritwali tiddgħajjef bil-medjokrità.  Nishru għax nistgħu nkunu “nsara mħeddla” – u aħna nafu: hawn ħafna nsara mħeddla, insara lluppjati bil-mondanità spiritwali – insara bla ħeġġa spiritwali, bla ħerqa fit-talb – jitolbu qieshom pappagalli – neqsin mill-entużjażmu dwar il-missjoni, mingħajr ‘passjoni’ għall-Evanġelju.  Insara li jħarsu dejjem ‘il ġewwa, bla ħila li jgħarrxu x-xefaq.  U dan iwassal  biex “jitngħesu”: imexxu kollox bl-indifferenza, u jaqgħu fl-apatija, indifferenti għal kollox minbarra għal dak li bih iħossuhom komdi.  U din hi triq ta’ dwejjaq, li timxi hekk.... mhemmx ferħ fiha.

Jeħtieġ nishru biex jiemna ma nkaxkruhom bi drawwa, biex ma nittaqqlux – jgħidilna Ġesù – bil-ansjetajiet tal-ħajja (cfr v. 34).  L-ansjetajiet tal-ħajja jtaqqluna.  Għalhekk illum, hi okkażjoni tajba biex nistaqsu lilna nfusna: x’inhu dak li jtaqqalli qalbi?  X’itaqqalli l-ispirtu tiegħi?  X’inhu dak li jitfagħni komdu fuq il-pultruna tal-għażż?  Hu ta’ swied il-qalb tara nsara “”fuq il-pultruna”!  Liema huma l-medjokritajiet li qed ixekkluni, il-vizzjijiet, liema huma l-vizzjijiet li jgħaffġuni mal-art u ma jħallunix nerfa’ rasi?  U jien attent jew indifferenti għat-toqol li mgħobbijin bih ħuti?  Dawn il-mistoqsijiet ġid jagħmlulna għax jgħinu l-qalb biex ma taqax fl-għażż.  Imma, padre, għidilna: x’inhu l-għażż?  Hu għadu kbir tal-ħajja spiritwali, tal-ħajja nisranija wkoll.  It-telqa hi dak l-għażż li jwaqqgħek, li jżerżqek lejn is-swied il-qalb, li jneħħilek it-togħma tal-ħajja u r-rieda li tkun attiv.  Huwa spirtu negattiv, hu spirtu ħażin li lir-ruħ isammarha mal-ħedla u jisirqilha l-ferħ.  Bniedem jibda b’dak isd-dwejjaq, u jiżżerżaq, jiżżerżaq, u xejn ferħ.  Il-Ktieb tal-Proverbji jgħid: “Ħares il-qalbek, għax minnha ġejja l-ħajja” (Prov 4, 23).  Inħarsu qlubna: dan ifisser li tħares, tishar!  Ishar, indokra l-qalbek.

U nżidu ingredjent essenzjali: is-sigriet biex nishru huwa t-talb.  Infatti Ġesù jgħid: “Ishru u itolbu l-ħin kollu” (Lq 21, 36).  It-talb iżomm qalbna mixgħula.  Speċjalment meta nħossu li l-entużjażmu qed inin, it-talb jerġa’ jaħjih għax jerġa’ jressaqna lejn Alla, iċ-ċentru ta’ kollox.  It-talb jerġa’ jqajjem lir-ruħ min-ngħas u jiffukaha fuq dak li jgħodd, l-għan tal-eżistenza.  Anki fil-ġranet mimlijin daqs bajda, qatt m’għandna ninsew it-talb.  Issa kont qed nara, fil-programm “A sua immagine”, riflessjoni sabiha dwar it-talb: hi għajnuna għalina, jekk narawha tagħmilna tajjeb.  Jista’ jkun għajnuna għalina t-talb sieket, intennu spiss xi invokazzjoni qasira.  Fl-Avvent nieħdu drawwa ngħidu, per eżempju: “Ejja, Mulej Ġesù”.  Din biss, imma ngħiduha: “Ejja, Mulej Ġesù”.  Daż-żmien ta’ tħejjija għall-Milied hu sabih: naħsbu fil-prespeju, naħsbu fil-Milied u ngħidu minn qalbna: “Ejja, Mulej Ġesù”: hi talba li nistgħu ngħiduha tliet darbiet ilkoll flimkien.  “Ejja, Mulej Ġesù”, “Ejja, Mulej Ġesù”, “Ejja, Mulej Ġesù”.

U issa nitolbu lill-Madonna: hi li bis-sahra ta’ qalbha stenniet il-Mulej, takkupanjana fil-mixja tal-Avvent.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Ilbieraħ iltqajt ma’ membri ta’ assoċjazzjonijiet u gruppi ta’ migranti flimkien ma’ persuni, li bi spirtu ta’ fraterntà, jaqsmu l-mixja magħhom.  Qiegħdin hawn fil-pjazza, b’dik il-bandiera tant kbira!  Merħba!  Imma kemm hawn migranti - naħsbu ftit – kemm migranti huma esposti, anki f’dal-ġranet, għal perikli kbar u kemm jitilfu ħajjithom fuq il-fruntieri tagħna!  Inħoss niket kbir meta nisma’ aħbarijiet dwar is-sitwazzjoni li jinsabu fiha tant minnhom: dawk li mietu fl-English Channel; dawk tal-konfini mal-Bjelorussja, li bosta minnhom huma tfal; dawk li jegħrqu fil-Mediterran.  Nitnikket ħafna jien u naħseb fihom.  Dawk li treġġgħu lura lejn artijiethom, fl-Afrika ta’ Fuq, li nħatfu mit-traffikanti li jagħmluhom ilsiera: ibiegħu n-nisa, jittorturaw lill-irġiel... Dawk li anki dil-ġimgħa stess, ippruvaw jaqsmu l-Mediterran ifittxu art li tilqagħhom u minflok, sabu qabarhom; u tant oħrajn.  Lill-migrati li jinsabu f’dawn is-sitwazjzonijiet ta’ kriżi niżgurahom li nitlob għalihom u ntihom qalbi: kunu afu li jien dejjem qribkom.  Nitolbu u nwettqu.  Irrodd ħajr lill-istituzzjonijiet kollha, kemm dawk tal-Knisja Kattolika u wkoll oħrajn, speċjalment lill-Caritas nazzjonali u dawk kollha li huma impenjati biex itaffu t-tbatijiet tagħhom.  Inġedded l-appell lil dawk li jistgħu jagħtu sehemhom biex isolvu dawn il-problemi, parikolarment l-Awtoritajiet ċivili u militari, sabiex saflaħħar il-ftehim u d-djalogu jegħlbu kull għamla ta’ strumentalizzazzjoni u jmexxu l-isforzi lejn soluzzjonijiet li jirrispettaw l-umanità ta’ dawn il-persuni.  Niftakru fil-migranti, fit-tbatijiet tagħhom, u nitolbu fis-skiet.. (waqt ta’ skiet).

Insellem lilkom ilkoll, pellegrini li ġejtu mill-Italja u minn diversi pajjiżi: hawn ħafna bnadar ta’ pajjiżi differenti.  Insellem lill-familji, lill-gruppi parrokkjali, lill-assoċjazzjonijiet.  Insellem b’mod partikolari lill-fidili ġejjin minn Timor Est – qed nara l-bandiera hemmhekk - mill-Polonja u minn Lisbona; kif ukoll lil dawk minn Tivoli.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u l-mixja tal-Avvent it-tajba, u l-mixja t-tajba lejn il-Milied, lejn il-Mulej.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber