IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd, 28 ta' Ġunju, 2020

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

F'dan il-Ħadd, fl-Evanġelju (cfr Mt 10, 37-42) tidwi bil-qawwa l-istedina biex ngħixu sħiħ u bla ebda eżitazzjoni r-rabta tagħna mal-Mulej.  Lid-dixxipli tiegħu Ġesù jitlobhom sabiex l-eżiġenzi tal-Evanġelju jeħduhom bis-serjetà anki meta dan jitlob sagrifiċċju u piż.

L-ewwel talba eżiġenti li Hu jagħmel lil min jimxi warajh hi li l-imħabba lejh tiġi qabel l-imħabba lejn tal-familja.  Huwa jgħid: "Min iħobb lil missieru jew lil ommu, ........ lil ibnu jew lil bintu, aktar minni, ma jsitħoqqlux li jkun tiegħi" (v. 37).  Żgur li Ġesù m'għandux l-għan li tonqos l-imħabba lejn il-ġenituri jew lejn l-ulied, iżda jaf li jekk ir-rabtiet familjari jiġu l-ewwel, aktarx ibegħduna minn dak li hu l-veru tajjeb.  Narawha: xi korruzzjonijiet fil-gvernijiet jitwettqu għax l-imħabba lejn il-parentela tkun akbar mill-imħabba lejn il-patrija, u fil-karigi jaħtru lil min jiġi minnhom.  L-istess ma' Ġesù:  meta l-imħabba (lejn tal-familja) tkun akbar minn dik lejh, l-affarijiet ma jkunux sewwa.  Ilkoll kemm aħna nistgħu nġibu ħafna eżempji f'dar-rigward.  Biex ma nsemmux is-sitwazzjonijiet li fihom l-affetti fil-familja jitħalltu ma' għażliet li jkunu kuntrarji għall-Evanġelju.  Iżda meta l-imħabba lejn il-ġenituri u lejn l-ulied tkun imqanqla u msoffija mill-imħabba lejn il-Mulej, allura ssir għammiela għal kollox u tnissel frott ta' ġid fil-familja nfisha u ferm aktar 'l hinn minnha.  Dan hu s-sens tas-sentenza li jgħid Ġesù.  Niftakru wkoll kif Ġesù ċanfar lid-dutturi tal-liġi li ma jagħtux il-meħtieġ lill-ġenituri tagħhom bl-iksuża li jridu jtuh għall-altar, li jridu jtuh lill-Knisja (cfr Mk 7,8-13).  Iċanfarhom!  Il-vera mħabba lejn Ġesù titlob minna mħabba vera lejn il-ġenituri, lejn l-ulied, imma jekk l-ewwel infittxu l-interesi tal-familja, dan dejjem imexxina fi triq żbaljata.

Imbagħad Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu: "Min ma jerfax salibu u ma jimxi warajja ma jistħoqqlux li jkun miegħi" (v. 38).  Ifisser li għandna nimxu fit-triq li Hu nnifsu terraq, bla ma naqtgħu kantunieri.  M'hemmx imħabba vera mingħajr salib, jiġifieri mingħajr prezz li jitħallas personalment.  U dan jgħiduh bosta ommijiet, tant missirijiet li jissagrifikaw ruħhom sew minħabba uliedhom u jsofru minħabba sagrifiċċji kbar, slaleb, għax iħobbu.  U meta nġorruh ma' Ġesù s-salib ma jbeżżax, għax Hu dejjem ħdejna biex iweżinna fis-siegħa tal-prova l-aktar iebsa, biex itina l-qawwa u l-kuraġġ.  Lanqas hemm bżonn inħabblu rasna biex nippreservaw ħajjitna, b'atteġġjament ta' biża' u egoiżmu.  Ġesù jwiddeb: "Min isib lil ħajtu, jitlifha; u min jitlef lil ħajtu minħabba fija - jiġifieri għall-imħabba, għall-imħabba lejn Ġesù, għall-imħabba lejn il-proxxmu, għas-servizz lejn l-oħrajn -, isibha" (v. 39).  Huwa l-paradoss tal-Evanġelju.  Imma għall-grazzja t'Alla ta' dan ukoll għandna ħafna eżempji!  Naraw f'dal-jiem.  Kemm nies, kemm nies, qed iġorru s-slaleb biex jgħinu lill-oħrajn!  Jissagrifikaw ruħhom biex jgħinu lill-oħrajn, lil dawk li huma fil-bżonn minħabba dil-pandemija.  Imma dan jista' jsir dejjem flimkien ma' Ġesù.  Il-milja tal-ħajja u tal-ferħ insibuhom meta nagħtu lilna nfusna għall-Evanġelju u għall-ħutna, bil-ftuħ, bl-akkoljenza u bit-tjubija.

Meta nagħmlu dan inkunu nistgħu nġarrbu l-ġenerożità u l-gratitudni ta' Alla.  Ifakkarulna Ġesù: "Min jilqa’ lilkom jilqa’ lili .... kull min jagħti mqar tazza ilma frisk lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar ...... tassew ngħidilkom li ma jitlifx il-ħlas tiegħu” (vv. 40;42).  Il-gratitudni ġeneruża ta' Alla Missier tieħu kont ta' kull ġest, żgħir kemm hu żgħir, ta-serviz mogħti lill-aħwa.  Dal-ġranet smajt b'saċerdot li ħassu kommoss għax fil-parroċċa resaq lejh tifel żgħir u qallu: "Padre,  dawn il-flus li għandi mġemmgħin huma ftit, imma dawn għall-foqra tiegħek, għal min illum jinsab fil-bżonn minħabba l-pandemija".  Ħaġa żgħira, imma ħaġa kbira!  Hi rikonoxxenza li ddakkar, li tgħin lil kull wieħed u waħda minna nimtlew bil-gratitudni lejn kull min jagħti kas tal-ħtiġijiet tagħna.  Meta xi ħadd joffrilma xi servizz, m'għandniex nippretendu li dan għandna dritt għalih.  Le, ħafna servizzi jingħataw b'xejn.  Aħsbu ftit fil-volontarjat. li hu ħaġa mill-akbar li għandha s-soċjetà taljana.  Il-volontarji... U kemm minnhom ħallew ħajjithom tul dil-pandemija!  Dan isir għall-imħabba, sempliċiment bħala servizz.  Il-gratitudni, ir-rikonoxxenza, qabel kollox, hi sinjal ta' manjieri tajba imma hija wkoll il-karatteristika tan-nisrani.  Huwa sinjal sempliċi imma ġenwin tas-Saltna t'Alla, li hi saltna ta' mħabba gratwita u rikonoxxenti.

Marija Santissma, li ħabbet lil Ġesù aktar milli ħabbet ħajjitha u baqgħet miegħu sas-salib, tgħinna nqiegħdu ruħna dejjem quddiem Alla b'qalb ħielsa, biex inħallu Kelmtu tiġġudika l-imġibiet tagħna u l-għażliet tagħna.

 

Wara l-Angelus

 

Għeżież ħuti,

nhar it-Tlieta li ġej, 30 ta' Ġunju, se tiltaqa' r-raba' konferenza tal-Unjoni Eweopea u l-Ġnus Magħquda biex "tkun ta' sostenn għall-ġejjieni tas-Sirja u tar-reġjun".  Nitolbu għal dil-laqgħa importanti ħalli titjieb is-sitwazzjoni drammatika tal-poplu sirjan u tal-popli ġirien, partikolarment tal-Libanu, fil-qafas tal-kriżijiet gravi soċjo-politiċi u ekonomiċi li saru aktar diffiċli minħabba l-pandemija.  Aħsbu ftit, hemm tfal bil-ġuħ li m'għandhomx x'jieklu!  Jekk jogħġobkom, jalla l-mexxejja jsibu lħila li jġibu l-paċi.

Nistedinkom titolbu għall-popolazzjoni tal-Yemen.  Hawnhekk ukoll, speċjalment fost it-tfal, hemm tbatija minħabba kriżi umanitarja bla qies.  Kif ukoll, għall-istati li ntlaqtu mill-għarar kbir fl-Ukrajna tal-punent: jalla jġarrbu l-faraġ tal-Mulej u jsibu l-għajnuna tal-aħwa.

Insellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini ġejjin mill-Italja u minn pajjiżi oħra.  Qed nara l-bnadar, pollakka, tedeska, u ħafna oħrajn!  Insellem b'mod partikolari lil kull min dalgħodu ħa sehem hawn f'Ruma fil-quddiesa bit-rit tal-Kongo.  Insellem lid-delegazzjoni mill-Kongo li tinsab hawn.  Dawn in-nies tal-Kongo bravi ħafna!

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba!  U arrivederci għal għada għall-festa ta' San Pietru u San Pawl.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber