IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

il-Ħadd, 28 ta' Frar, 2021

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Dan it-tieni Ħadd tar-Randan jistedinna nikkuntemplaw it-trasfigurazzjoni ta' Ġesù fuq il-muntanja quddiem tlieta mid-dixxipli tiegħu (cfr Mk 9,2-10).   Ftit qabel Ġesù kien ħabbar li kellu jbati ħafna f'Ġerusalemm.  Nistgħu nimmaġinaw x'seta' ġara fil-qlub ta' ħbiebu, ta' dawk il-ħbieb tal-qalb, id-dixxipli tiegħu: l-immaġni ta' Messija qawwi u trijonfanti tidħol fi kriżi, il-ħolm tagħhom jitfarrak u jinħakmu bid-dieqa għall-ħsieb li l-Imgħallem li fih kienu emmnu kellu jisfa maqtul bħal wieħed mill-agħar ħallelin.  U propju f'dak il-ħin, fost dik id-diqa ta' qalb, Ġesù jsejjaħ lil Pietru, lil Ġakbu u lil Ġwanni u jeħodhom miegħu fuq il-muntanja.

L-Evanġelju jgħid: "Tellagħhom miegħu fuq il-muntanja" (v. 2).  Fil-Bibbja l-muntajna dejjem għandha tifsira speċjali: hu l-imkien fil-għoli fejn jiltaqgħu is-sema u l-art, fejn Mosè u l-profeti  għexu l-esperjenza straordinarja tal-laqgħa ma' Alla.  It-tlugħ fuq il-muntanja ftit jew wisq ifisser li toqrob lejn Alla.  Ġesù jitla' fil-għoli flimkien mat-tlett dixxipli u jieqfu fuq il-quċċata tal-muntanja.  Hawnhekk, Hu jittrasfigura ruħu quddiemhom.  Wiċċu jiddi u ħwejġu jgħammxu b'dija tal-għaġeb li qed jantiċipaw ix-xbieha tal-Irxoxt, lil dawk it-tliet irġiel imbeżżgħin joffrulhom id-dawl, id-dawl tat-tama, id-dawl li jinfed id-dlam: il-mewt ma tkunx it-tmiem ta' kollox għax tinfetaħ għall-glorja tal-Qawmien.  B'hekk, Ġesù jħabbar il-mewt tiegħu, itellagħhom miegħu fuq il-muntanja u jurihom x'kellu jiġri wara, il-Qawmien.

Kif stqarr l-appostlu Pietru (cfr v. 5), ikun sabih li tibqa' mal-Mulej fuq il-muntanja, li tgħix "minn qabel" dan id-dawl f'nofs ir-Randan.  Hija stedina biex tfakkarna, speċjalment meta nkunu għaddejjin minn xi prova iebsa - u ħafna minnkom jafu xi jfisser tgħaddi minn prova iebsa - li l-Mulej qam biex li d-dlam ma jħallilux l-aħħar kelma.

Kultant jiġri li ngħaddu minn mumenti ta' dlam fil-ħajja personali, familjari u soċjali, u nibżgħu li mhux possibbli noħorġu minnu.  Inħossuna mbeżżgħin quddiem l-enigmi bħalma huma l-mard, it-tbatija tal-innoċenti jew il-misteru tal-mewt.  Fl-istess mixja tal-fidi, spiss nitfixklu meta niltaqgħu mal-iskandlu tas-salib u dak li jesiġi minna l-Evanġelju, li jitlobna nqattgħu ħajjitna nservu u nitilfuha għall-imħabba, minflok inżommuha għalina nfusna u niddefenduha.  Għalhekk neħtieġu lemħa oħra, dawl li jilma fil-fond fuq il-misteru tal-ħajja u jgħinna mmorru 'l hinn mill-pjanijiet tagħna u 'l hinn mill-kriterji ta' din id-dinja.  Aħna wkoll għandna s-sejħa biex nitilgħu fuq il-muntanja, biex nikkuntemplaw is-sbuħija tal-Irxoxt li jixgħel dwal inemnmu fuq kull biċċa minn ħajjitna u jgħinuna ninterpretaw l-istorja billi nibdew mill-misteru paskwali.

Noqgħodu attenti però: dak li ħass Pietru, li "hu sew jekk nibqgħu hawn" m'għandux  isir għazz spiritwali.  Ma nistgħux nibqgħu fuq il-muntanja u ngawdu l-beatitudni ta' dil-laqgħa waħedna.  Ġesù jreġġgħana lura lejn riġel il-muntanja, fost ħutna u fil-ħajja ta' kuljum.  Għandna nitħarsu mill-għazz spiritwali: li nħossuna f'postna bit-talb tagħna u l-liturġiji, u dak ikun biżżejjed.  Le!  It-tlugħ fuq il-muntanja ma jfissirx li ninsew ir-realtà: it-talb qatt mhu ħarba mill-għejja tal-ħajja; id-dawl tal-fidi mhux qiegħed hemm biex itina emozzjoni spiritwali sabiha.  Le, dan mhux il-messaġġ ta' Ġesù.  Aħna msejħin biex nagħmlu l-esperjenza tal-laqgħa ma' Kristu sabiex,  imdawlin b'dan id-dawl tiegħu, inkunu nistgħu inwassluh biex jilma kullimkien.  Nixgħelu dwal żgħar fil-qlub tal-persuni; inkunu msiebaħ żgħar tal-Evanġelju li jwasslu ftit imħabba u tama: din hi l-missjoni tan-nisrani.

Nitolbu lil Marija Santissma sabiex tgħinna nilqgħu bi stagħġib id-dawl ta' Kristu, inħarsuh u naqsmuh mal-oħrajn.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Ngħaqqad leħni ma' dak tal-Isqfijiet tan-Niġerja biex nikkundanna l-ħtif vili ta' 317-il tfajla misruqin mill-iskola tagħhom f'Jangebe fil-majjistral tal-pajjiż.  Nitlob għal dawn it-tfajliet ħalli jkunu jistgħu jerġgħu lura lejn djarhom bla telf ta' żmien.  Jien qrib il-familji tagħhom u qribhom.  Nitolbu lill-Madonna biex tħarishom.  Sliem għalik, Marija......

Illum huwa l-Jum Dinji tal-Mard Rari - (iħares lejn il-pjazza) intom tinsabu hawn -.  Insellem lill-membri ta' xi assoċjazzjonijiet impenjati f'dal-qasam, li ġew fil-pjazza.  Fil-każ tal-mard rari importanti daqs qatt qabel ix-xibka ta' solidarjetà bejn il-familjari, imwieżna minn dawn l-assoċjazzjonijiet.  Din hi għajnuna biex dak li jkun ma jħossux iżolat u jkun jista' jaqsam ma' ħaddieħor esperjenzi u pariri.  Nagħmel kuraġġ lill-inizjattivi li jissapportjaw ir-riċerka u l-kura u nesprimi l-qrubija tiegħi mal-morda, mal-familji u speċjalment mat-tfal.  Inkunu qrib it-tfal morda, it-tfal li jbatu, nitolbu għalihom, ngħinuhom iħossu ż-żegħil tal-imħabba t'Alla, it-tenerezza...  Nikkuraw lit-tfal bit-talb, ukoll...  meta jkun hemm dal-mard li ħadd ma jaf jgħid x'inhu jew meta jkun hemm pronjożi xi ftit kerha.  Nitolbu għall-persuni kollha li jsofru b'dal-mard rari, nitolbu speċjalment għat-tfal li qed ibatu.

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll, fidili minn Ruma u minn pajjiżi differenti.  Nawgura lil kulħadd il-mixja t-tajba f'dan iż-żmien tar-Randan.  U nirrikmandalkom sawma, sawma li ma tqabbadkomx ġuħ: insumu mill-pettegolezzi u l-ilsien ħażin.  Hi xi ħaġa speċjali.  Matul dar-Randan ma nqassasx fuq l-oħrajn, ma noqgħodx inparla.... U dan nistgħu nagħmluh ilkoll, ilkoll.  Hi sawma sabiha din.  U tinsewx li jkun tajjeb li kuljum naqraw silta mill-Evanġelju, inġorru l-Evanġelju fil-but, fil-handbag u kif ikollna ċ-ċans niftħuh, naqraw silta hi liema hi.  Dan jiftħilna qlubna għall-Mulej.

U, jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-Ħadd it-tajjeb, l-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber