IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 28 ta’ Jannar, 2024

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-lum jippreżentalna lil Ġesù jeħles persuna li kienet maħkuma minn spirtu ħażin (cfr Ml 1,21-28) li kien iħabbatha u jġagħalha tgħajjat (cfr vv. 23.26).  Hekk jagħmel ix-xitan: irid jaħkimna biex “jorbtilna qlubna bil-ktajjen”.  Jorbtilna qlubna: dak irid ix-xitan.  U aħna rridu nitħarsu minn dawn “il-ktajjen” li joħonqu l-libertà.  Għax ix-xitan jisraqlek il-libertà, dejjem.  Allura ejjew nagħtu isem lil xi wħud minn dawn il-ktajjen li jxekklu qlubna.

Qed naħseb fid-dipendenzi li jagħmluk ilsier, qatt m’int sodisfatt, jherrulek l-enerġija, ġidek u l-għożża ta’ dawk ta’ madwarek; qed naħseb fil-modi dominanti u perfezzjoniżmi impossibbli, fil-konsumiżmu, fl-edoniżmu li lill-persuna jirrenduha biċċa merċa u jirvinawlha r-relazzjonijiet.  U ktajjen oħra: hemm it-tentazzjonijiet u l-kundizzjonamenti li jfarrku l-awtostima, is-serenità u l-ħila tal-għażla u l-imħabba lejn il-ħajja; katina oħra: il-biża’ li ġġagħlek tħares bil-pessimiżmu lejn il-futur, u l-intolleranza li dejjem titfa’ l-ħtija fuq ħaddieħor; imbagħad hemm katina kerha ħafna: l-idoatrija tal-poter, li tiġġenera kunflitti u ddur għall-armi qattiela jew tinqeda bl-inġustizzja ekonomika u l-manipulazzjoni tal-ħsieb.  Bosta huma l-ktajjen ta’ ħajjitna.

U Ġesù ġie biex jeħlisna minn dawn il-ktajjen kollha.  U llum, quddiem l-isfida tax-xitan li jgħajjet: “Xi trid minna?....Ġejt biex teqridna?” (v. 24), iwieġeb: “Iskot!  Oħroġ minnu!” (v. 25).  Ġesù għandu s-setgħa jkeċċi lix-xitan.  Ġesù jeħles mis-setgħa tal-ħażen, u, noqgħodu attenti: ikeċċi lix-xitan imma ma jiddjalogax miegħu!  Ġesù qatt ma ddjaloga max-xitan: u meta safa ittantat fid-deżert, it-tweġibiet tiegħu kienu kliem mill-Bibbja, qatt djalogu.  Ħuti, max-xitan ma niddjalogawx!  Iftħu għajnejkom: max-xitan ma niddjalogawx, għax jekk taqbad tiddjaloga miegħu, jerbaħlek, dejjem.  Oqgħodu attenti.

Allura x’nagħmlu meta nħossuna ittantati jew magħkusin?  Ninnegozjaw max-xitan?  Le, miegħu ma ninnegozjawx.  Għandna ninvokaw lil Ġesù: nitolbuh bil-ħerqa, hemmhekk, fejn inħossu l-ktajjen tal-ħażen u tal-biża’ jagħfsuna aktar bil-qawwa.  Bil-qawwa tal-Ispirtu tiegħu, lill-malinn, il-Mulej jixtieq itennilu llum ukoll: “Itlaq, ħalli lil dir-ruħ fil-paċi, tifridx id-dinja, il-familji, il-komunitajiet; ħallihom jgħixu bil-kwet, sabiex fihom iwarrad il-frott tal-Ispirtu tiegħi, mhux tiegħek – hekk jgħid Ġesù -, sabiex bejnitehom isaltnu l-imħabba, il-ferħ, il-ħlewwa u minflok il-vjolenza u l-għajjat ta’ mibgħeda jsaltnu l-libertà u l-paċi.

Nistaqsu lilna nfusna allura: jien irrid verament il-ħelsien minn dawk il-ktajjen li qed ijassruli qalbi?  Imbagħad, naf ngħid “le” għat-tentazzjonijet tal-ħażen qabel ma dan jidħol jgħammar f’qalbi?  Fl-aħħar, ninvoka lil Ġesù, inħallih jaħdem fija biex ifejjaqni minn ġewwa?

Il-Verġni Mqaddsa tħarisna mill-ħażen.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Minn tliet snin ‘l hawn il-biki ta’ uġigħ u l-ħsejjes tal-armi ħadu post it-tbissima karatteristika tal-popolazzjoni tal-Myanmar.  Għalhekk, ningħaqad mal-leħen ta’ xi Isqfijiet Birmani “sabiex l-armi ta-qerda jinbidlu fi strumenti biex jitkattru l-umanità u l-ġustizzja”.  Il-paċi hi mixja u nistieden lill-partijiet kollha involuti biex jibdew passi ta’ djalogu u fehema biex l-art tal-Myanmar tasal għat-tragward tar-rikonċiljazzjoni fraterna.  Ħallu l-għajnuna umanitarja tgħaddi biex tiggarantixxi l-meħtieġ lil kull persuna.

U jalla jiġri l-istess fil-Lvant Nofsani, fil-Palestina u f’Iżarel, u kull fejn hemm il-ġlied: għandu jkun hemm rispett lejn il-popolazzjonijiet!  Niftakar dejjem b’għafsa kbira ta’ qalb fil-vittmi, speċjalment ċivili, li qed tħalli l-gwerra fl-Ukrajna.  Jekk jogħġobkom, isimgħu l-għajta tal-paċi: l-għajta tan-nies għajjenin minħabba l-vjolenza u jridu l-gwerra tieqaf, il-gwerra li hi diżastru għall-popli u telfa bla qies għall-umanità!

B’sodisfazzjoni smajt li l-Reliġjużi nisa u persuni oħra li kienu nħatfu f’Haiti, inħelsu.  Nitlob li jinħelsu dawk kollha li għadhom maħtufin u li tieqaf kull għamla ta’ vjolenza; kulħadd għandu jagħti sehemu għall-iżvilupp paċifiku tal-pajjiż, li jeħtieġ ikun imwieżen mill-ġdid mill-Komunità Internazzjonali.

Nesprimi l-qrubija tiegħi mal-komunità tal-knisja ta’ Santa Marija f’Istanbul, li waqt il-Quddiesa sar attakk bl-armi fuqha u ħalla persuna mejta u oħrajn midruba.

Illum qed niċċelebtraw il-Jum Dinji tal-Morda bil-Lebbra.  Ngħmel kuraġġ lil kulmin hu impenjat li jgħin u li jerġa’ jintegra fis-soċjetà lill-persuni milqutin minn dil-marda, li minkejja li qed tonqos, għadha waħda mill-aktar mardiet li jbeżżgħu u tolqot lill-aktar foqra u emarġinati.

Insellem lilkom ilkoll li ġejtu minn Ruma, mill-Italja u minn bosta nħawi tad-dinja.  Insellem b’mod partikolari lill-istudenti tal-Istitut “Puente Ajuda”: minn Olivenza, (Spanja), u lil dawk mill-Istitut “Sir Michelangelo Refalo” minn Għawdex.

Indur lejkom żgħażagħ tal-Azzjoni Kattolika, mill-parroċċi u mill-iskejjel kattoliċi ta’ Ruma.  Ġejtu hawn fi tmiem “Il-Karwana tal-Paċi”, li tulha rriflettejtu dwar is-sejħa biex tkunu ħarriesa tal-maħluq, don t’Alla.  Grazzi tal-preżenza tagħkom.  U grazzi għall-impenn tagħkom biex tibnu soċjetà aħjar.  Issa nisimgħu il-messaġġ li dawn sħabkom, li jinsabu maġenbi, se jaqrawlna.

(qari tal-messaġġ)

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Rajtu kemm iż-żgħażagħ u t-tfal tal-Azzjoni Kattolika huma bravi!  Kuraġġ! L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber