IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Biblijoteka tal-Palazz Appostoliku

Il-Ħadd, 27 ta' Diċembru, 2020

 Għeżież ħuti, il-jum t-tajjeb!

Ftit jiem wara l-Milied, il-liturġija tistedinna nwaħħlu ħarstina fuq il-Familja Mqaddsa ta' Ġesù, Marija u Ġużeppi.  Sabih tirrifletti fuq il-fatt li Iben Alla ħass il-ħtieġa, bħat-trabi l-oħrajn kollha, tal-għożża tal-familja.  Propju hu għalhekk, għax il-familja ta' Ġesù, dik ta' Nazaret, hi l-familja-mudell, li fiha l-familji kollha tad-dinja jistgħu jsibu punt ta' riferiment ċert tagħhom u ispirazzjoni żgura.  F'Nazaret warrdet ir-rebbiegħa tal-ħajja umana ta' Iben Alla, fil-ħin li Hu tnissel bl-opra tal-Ispirtu s-Santu fil-ġuf verġnali ta' Marija.  Qalb il-ħitan mimlijin għożża tad-Dar ta' Nazaret issawret bil-ferħ it-tfulija ta' Ġesù, imdawwar mill-attenzjoni materna ta' Marija u l-kura ta' Ġużeppi, li fihom Ġesù seta' jilmaħ it-tenerezza ta' Alla (Ittra Appostolika Patris corde (il-Qalb tal-Missier), 2).

Aħna msejħin biex niskopru mill-ġdid il-valur edukattiv tan-nukleju tal-familja, biex inkunu bħas-Sagra Familja:  dan jitlob li jkun imsejjes fuq l-imħabba li dejjem iġġedded ir-relazzjonijiet u tiftaħ ixqfa ta' tama.  Fil-familja bniedem jista' jġarrab komunjoni sinċiera meta din tkun dar tat-talb, meta l-għożża tkun sħiħa, profonda u safja, meta l-maħfra tirbaħ fuq in-nuqqas ta' ftehim, meta l-morr tal-ħajja ta' kuljum joħla bit-tenerezza reċiproka u bir-rabta hienja mar-rieda ta' Alla.  B'dal-mod, il-familja tinfetaħ għall-hena li Alla jagħti lil dawk kollha li jagħrfu jirregalaw il-ferħ.  Fl-istess ħin, issib l-enerġija spiritwali li tinfetaħ u tmur 'il barra minnha nfisha, tinfetaħ għall-oħrajn, għas-servizz tal-aħwa, għall-kollaborazzjoni biex tinbena dinja  dejjem ġdida u aħjar; għalhekk, bil-ħila li xxerred stimulu pożittiv; il-familja tevanġelizza bl-eżempju tal-ħajja.  Minnu li fil-familja jkun hemm il-problemi, u kultant it-tilwim.  "Padre, tlewwimt...." aħna umani, dgħajfa, u lkoll kemm aħna xi drabi tlewwimna fil-familja.  Jien ngħidilkom ħaġa: jekk nitlewmu fil-familja, m'għandhiex tintemm il-ġurnata bla ma nkunu għamilna paċi.  "Iva, tlewwimt", imma qabel tintemm il-ġurnata agħmel paċi.  U taf għaliex?  Għax il-gwerra bierda tal-għada hi periklu enormi.  Ma tgħinx.  U mbagħad fil-familja hemm tliet kelmiet li hemm bżonn ngħożżu dejjem: "nista'", "grazzi", "skużani".  "Nista'?" biex ma nkunux invadenti fil-ħajja tal-oħrajn.  "Nista' nagħmel din, dan?  Jidhirlek li dan nista' nagħmlu?"  Dejjem nitlob permess.  Dejjem biex ma nkunx invadenti.  "Nista'", l-ewwel kelma.  "Grazzi": tant għajnuniet, tant qadi li nagħmlu fi ħdan il-familja.  Irroddu ħajr dejjem.  Il-gratitudni hija d-demm ta' qalb nobbli.  "Grazzi".  Imbagħad, l-aktar waħda diffiċli li tgħid: "skużani".  Għax aħna dejjem nagħmlu affarijiet koroħ u xi kultant xi ħadd iħossu offiż b'li nkunu għamilna.  Tinsewx dawn it-tliet kelmiet: "nista'", "grazzi", "skużani".  Jekk fil-familja, fl-ambjent familjari jsaltnu dawn it-tliet kelmiet, il-familja sejra tajjeb.

Il-festa tal-lum hi sejħa għalina u eżempju ta' evanġelizzazzjoni, għax tipproponielna l-ideal tal-imħabba konjugali u tal-familja, kif jidher ċar fl-Eżortazzjoni Appostolika il-ferħ tal-imħabba, li fid-19 ta' Marzu li ġej ikun il-ħames anniversarju minn mindu ġiet ippublikata.  Se jkun hemm sena sħiħa ta' riflessjoni dwar Il-ferħ tal-imħabba, u se tkun opportunità biex nidħlu aktar fil-fond ta' dak li hemm miktub fid-dokument (19 ta' Marzu, 2021 - Ġunju 2022).

Dawn ir-riflessjonijiet se jkunu għad-dispożizzjoni tal-komunitajiet ekkleżjali u tal-familji, biex jakkumpanjawhom fil-mixja tagħhom.  Minn issa nistieden lil kulħadd biex matul dik is-sena jieħu sehem fl-inizjattivi li se jkunu koordinati mid-Dikasteru għal-Lajċi, il-Familja u l-Ħajja.  Nafdaw din il-mixja id f'id mal-familji tad-dinja kollha f'idejn il-Familja Mqaddsa ta' Nazaret, partikolarment f'idejn San Ġużepp, għarus u missier attent.

Il-Verġni Marija, li issa se nduru lejha bit-talba tal-Angelus, tikseb għall-familji tad-dinja kollha li jissaħħru dejjem aktar mill-ideal evanġeliku tal-Familja Mqqddsa, biex isiru ħmira ta' umanità ġdida u solidarjetà konkreta u universali.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

insellem lilkom ilkoll, familji gruppi u fidili singoli li qed issegwu t-talba tal-Angelus permezz tal-mezzi soċjali.  Ħsiebi jmur partikolarment lejn dawk il-familji li tul dawn ix-xhur tilfu lill xi qarib jew ġarrbu l-konsegwenzi tal-pandemija.  Qed niftakar ukoll fit-tobba, l-infermieri u l-ħaddiema kollha fil-qasam tas-saħħa li bl-impenn kbir tagħhom  bħala dawk ta' quddiem nett li ġġieldu t-tixrid tal-virus, sofrew riperkussjonijiet kbar fuq il-ħajja tal-familji tagħhom.

U llum inħalli f'idejn il-Mulej lil kull familja speċjalment dawk li huma mġarrbin mid-diffikultajiet tal-ħajja u mill-ġrieħi tan-nuqqas ta' ftehim u firda.  il-Mulej imwieled f'Betlem, jagħtihom ilkoll is-serenità u l-qawwa li jimxu magħqudin fit-triq tas-sewwa.

U tinsewx dawn it-tliet kelmiet li huma ta' għajnuna kbira għall-għaqda tal-familja: "nista'" - biex ma nkunux invadenti, nirrispettaw lill-oħrajn - "grazzi" - irroddu ħajr lil xulxin fil-familja - u "skużani" meta nkunu għamilna xi ħaġa kerha.  U dil-kelma "skużani" - jew meta nitlewmu - jekk jogħġobkom ngħiduha qabel ma tintemm il-ġurnata: nagħmlu paċi qabel ma tintemm il-ġurnata.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber