IL-PAPA FRANĠISKU
ANGELUS
Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 27 ta’ Ottubru, 2024
Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb,
Illum l-Evanġelju tal-liturġija (Mk 10,46-52) jgħidilna li Ġesù jfejjaq raġel għama. Jismu Bartimew, imma l-folla tat-triq tinjorah: hu tallab imsejken. Dawk in-nies mank iħarsu lejn dan l-għama; iwarrbuh, jinjorawh. Ebda ħarsa ta’ attenzjoni, ebda sentiment ta’ ħniena. Bartimew ma jarax imma jisma’ u jsamma’ leħnu. Jgħajjat, jgħolli leħnu sew: “Bin David, ikollok ħniena minni!” (v. 48). Iżda Ġesù jisimgħu, jarah. Itiħ attenzjoni u jsaqsih: “Xi tridni nagħmillek?” (v. 51).
“Xi tridni nagħmillek?” Dil-mistoqsija quddiem persuna għamja donnha provokazzjoni, imma fil-fatt hi prova. Lil Bartimew Ġesù qed isaqsih: lil min qed tfittex verament, u għal liema raġuni. Min hu “Iben David” għalik? U hekk il-Mulej jibda jiftaħ għajnejn l-għama. Neżaminaw tliet aspetti ta’ dil-laqgħa, li ssir djalogu” l-għajta, il-fidi, il-mixja.
L-ewwelnett l-għajta ta’ Bartimew li mhix biss talba għall-għajnuna. Hi affermazzjoni tiegħu nnifsu. L-għama qed jgħid: “Jien neżisti, arawni. Jien ma narax, Ġesù. Inti Tarani?” Iva, Ġesù jara r-raġel tallab, jisimgħu, bil-widnejn tal-ġisem u b’dawk tal-qalb. Naħsbu ftit dwarna, meta fit-triq niltaqgħu ma’ xi tallab: kemm drabi nħarsu n-naħa l-oħra, kemm drabi ninjorawh, qisu mank jeżisti. U aħna nisimgħuha l-għajta tat-tallaba?
It-tieni punt: il-fidi. X’jgħid Ġesù? “Mur, il-fidi tiegħek salvatek” (v. 52). Bartimew jara għax jemmen; Kristu hu d-dawl ta’ għajnejh. Il-Mulej josserva kif Bartimew qed iħares lejH. Lit-tallab jien kif inħares lejh? Ninjorah? Inħares lejh kif jagħmel Ġesù? Għandi ħila nifhem il-mistoqsijiet tiegħu, l-għajta tiegħu għall-għajnuna? Meta tagħti l-elemożina tħares f’għajnejn it-tallab? Tmisslu idu biex tħoss laħmu?
Fl-aħħar, il-mixja. Bartimew imfejjaq, “baqa’ miexi wara Ġesù fit-triq” (v. 52). Imma aħna lkoll Bartimew, għama minn ġewwa, li baqa’ miexi wara Ġesù ladarba kien qorob lejH. Meta tersaq lejn xi talab u turih li int qribu, ikun Ġesù li qed jersaq lejk fil-persuna ta’ dak il-fqir. Jekk jogħobkom, ma nagħmlux konfużjoni: l-elemożima mhix donazzjoni. Huwa dak li jkun qed jagħti l-elemożina li jirċievi l-aktar grazzji, għax ikun qed jippermetti lill-Mulej iħares lejh.
Nitolbu flimkien lil Marija, żerniq tas-salvazzjoni, biex tindokra l-mixja tagħna fid-dawl ta’ Kristu.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti!
Illum temmejna s-Sinodu tal-Isqfijiet. Nitolbu sabiex dak kollu li għamilna tul dax-xahar jibqa’ miexi għall-ġid tal-Knisja. Fit-22 ta’ Ottubru kien il-50 anniversarju minn meta San Pawlu VI kien waqqaf il-Kummissjoni għar-relazzjonijiet reliġjużi mal-Għebraiżmu, u għada jaħbat is-60 anniversarju tad-Dikjarazzjoni Nostra Aetate, tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II. F’daż-żmien ta’ sofferenzi kbar u tensjoniijiet, nagħmel kuraġġ lil kull min hu impenjat fuq livell lokali fid-djalogu għall-paċi.
Għada f’Ginevra se tiftaħ Konferenza Internazzjonali importanti mnedija mis-Salib l-Aħmar u n-Nofs Qamar l-Aħmar, fl-okkażjoni tal-75 sena tal-Konvenzjoni ta’ Ginevra. Jalla dil-ġrajja terġa’ tniggez il-kuxjenzi sabiex waqt il-kunflitti armati tkun rispettata l-ħajja u d-dinjità tal-persuni u tal-popli, kif ukoll l-integrità tal-istrutturi ċivili u l-imkejjen tal-kult, b’rispett tad-dritt umanitarju internazzjonali. Hu ta’ swied il-qalb tara li fil-gwerra, f’xi nħawi, qed jinqerdu sptarijiet u skejjel.
Ningħaqad mal-maħbuba Knisja ta’ San Cristóbal de las Casas, fl-istat messikan ta’ Chiapas, li qed tibki s-saċerdot Marcelo Pérez Pérez, li kien assassinat il-Ħadd li għadda. Kien qaddej żelanti tal-Evanġelju u tal-poplu fidil ta’ Alla. Jalla s-sagrifiċċju tiegħu, bħal dak ta’ saċerdoti oħra li nqatlu minħabba l-fedeltà tagħhom lejn il-ministeru, ikun żerriegħa tal-paċi u tal-ħajja nisranija.
Jien qrib il-popolazzjonijiet tal-Filippini li ntlaqtu minn ċiklun qawwi ħafna. Il-Mulej iwieżen lil dak il-poplu tant mimli fidi.
Insellem lilkom rumani u Pellegrini. Insellem partikolarment lill-Konfraternità tas-Señor de los Milagros, tal-peruvjani ta’ Ruma, u rroddihom ħajr għat-testimonjanza tagħhom filwaqt li nikoraġġihom biex ikomplu l-mixja tal-fidi tagħhom.
Insellem lill-grupp tal-anzjani minn Loiri Porto San Paolo, lill-adoloxxenti tal-Griżma minn Assemini (Cagliari), lill-“Pellegrini della Salute” minn Piacenza, lill-Oblati Sekulari Ċisterċensi tas-Santwarju ta’ Cotrino u lill-Konfederazzjoni tal-Poveri Cavalieri di San Bernardo di Chiaravalle.
U, jekk jogħġobkom inkomplu nitolbu għall-paċi, speċjalment fl-Ukrajna, fil-Palestina, f’Iżrael, fil-Libanu, ħalli ma tibqax tikbes il-gwerra u fl-ewwel post jitqiegħed ir-rispett lejn il-ħajja umana, li hi qaddisa! L-ewwel vittmi huma l-popolazzjoni ċivili: naraw dan ta’ kuljum. Wisq vittmi innoċenti! Kuljum naraw immaġni ta’ tfal immassakrati. Wisq tfal! Nitolbu għall-paċi.
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. U jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber