IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd 27 ta' Settembru, 2020

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

f'pajjiżi ngħidu li "għandu jkollna bixra ta' wiċċ tajba fil-maltemp".  B'din "il-bixra tajba" ngħidilkom: il-jum it-tajjeb! (F'Ruma kienet nieżla xita qliel)

Bil-predikazzjoni tiegħu dwar is-Saltna t'Alla, Ġesù qed jeħodha kontra r-reliġjożità ta' ħajja umana nieqsa mill-impenn, li ma tinterpellax il-kuxjenza u r-responsabbiltà tagħha quddiem it-tajjeb u l-ħażin.  Juri dan ukoll bil-parabbola taż-żewġ ulied li qed itina l-Evanġelju ta' Mattew (cfr Mt 21,28-32).

Għall-istedina biex imur jaħdem fl-għalqa tad-dwieli, l-iben il-kbir iwieġeb b'mod impulsiv "le, minix sejjer", imma mbagħad jisgħob bih u jmur; iżda t-tieni iben, li bla tlaqliq iwieġeb "iva, iva, missier", fil-verità ma jagħmilx dak li qal u ma jmurx.  L-ubbidjenza mhix li tgħid "iva" u "le", imma dejjem hi fl-imġieba, li taħdem l-għalqa tad-dwieli, li twettaq is-Saltna t'Alla, li tagħmel il-ġid.  B'dan l-eżempju sempliċi Ġesù jrid imur 'l hinn minn reliġjon meqjusa biss bħala prattika tal-qoxra u tad-drawwa, li ma timmarkax il-ħajja u l-atteġġjamenti tan-nies, reliġjożità superfiċjali, "ritwali" biss, fis-sens ikrah tal-kelma.

Ir-rappreżentanti ta' din ir-reliġjożità "tal-qoxra" li Ġesù jiddiżapprova, dak iż-żmien kienu "il-kapijiet tal-qassisin u x-xjuħ tal-poplu" (Mt 21,23) li, skont it-twiddiba tal-Mulej kienu se jaslu qabilhom fis-Saltna t'Alla l-pubblikani u l-prostituti (cfr v. 31).  Ġesù jgħidilhom: "Se jkunu l-pubblikani, jiġifieri l-midinbin, u l-prostituti li se jaslu qabilkom fis-Saltna tas-smewwiet".  Din l-affermazzjoni m'għandhiex iġġagħlna naħsbu li dawk li ma jimxux fuq il-kmandamenti t'Alla qed jagħmlu tajjeb, dawk li ma jimpurtahomx mill-morali u jgħidu: "Intant, dawk li jmorru l-knisja huma agħar minna!"  Le, mhux dan hu t-tagħlim ta' Ġesù.  Ġesù mhux iqiegħed lill-pubblikani u lill-prostituti bħala mudelli tal-ħajja, imma bħala "persuni privileġġjati bil-Grazzja".  U rrid nisħaq fuq dil-kelma "grazzja", il-grazzja, għax il-konverżjoni dejjem hi grazzja.  Grazzja li Alla joffri lil kull min jinfetaħ u jikkonverti lejh.  Infatti, meta dawn il-persuni semgħu l-predikazzjoni tiegħu, nidmu u bidlu  ħajjithom.  Niftakru f'Mattew, per eżempju, San Mattew, li kien pubblikan, traditur tal-patrija tiegħu.

Fl-Evanġelju tal-lum, dak li jaqta l-aħjar figura hu l-ewwel iben, mhux għax qal "le" lil missieru, imma għax wara "l-le" ikkonverta lejn "l-iva", nidem.  Alla għandu paċenzja kbira ma' kull wieħed u waħda minna, ma jaqtax qalbu wara li nkunu għidnilu "le"; iħallina ħielsa li nitbiegħdu minnu u biex niżbaljaw.  Niftakru fil-paċenzja ta' Alla, ħaġa meraviljuża!  Naħsbu kif il-Mulej dejjem jistenniena; dejjem qribna biex jgħinna; imma jirrispetta l-libertà tagħna.  U Hu, ansjuz, jistenna "l-iva" tagħna biex jilqagħna mill-ġdid f'dirajgħ paterni u jimliena bil-ħneina bla tarf tiegħu.  Il-fidi f'Alla titlob minna li ta' kuljum inġeddu l-għażla għat-tajjeb u mhux għall-ħażin, li nagħżlu l-verità u mhux il-gideb, li nagħżlu l-imħabba lejn il-proxxmu u mhux l-egoiżmu.  Min jikkonverti lejn dawn l-għażliet, wara li jkun iġġarrab bid-dnub, isib l-ewwel postijiet fis-Saltna tas-smewwiet, fejn hemm aktar ferħ għall-midneb wieħedlli jindem milli għad-disgħa u disgħin ġusti (cfr Lq 15,7).

Iżda l-konverżjoni, il-bidla tal-qalb, hija proċess, proċess li jsaffina mill-qxur morali.  U kultant huwa proċess iebes għax m'hemmx triq lejn il-qdusija jekk ma jkunx hemm ċaħda, mingħajr taqbid spiritwali.  Nitqabdu għat-tajjeb, nitqabdu biex ma naqgħux fit-tentazzjoni, nagħmlu dak kollu li nistgħu min-naħa tagħna biex naslu ngħixu ħajja fil-paċi u fil-ferħ tal-Beatitudnijiet.  L-Evanġelju tal-lum jolqot il-mod kif ngħixu l-ħajja nisranija li mhix magħmula mill-ħolm u l-aspirazzjonijiet sbieħ, imma minn impenji konkreti, biex tiftaħna dejjem aktar għar-rieda t'Alla u għall-imħabba lejn ħutna.  Imma dan, anki l-aktar impenn ċkejken, ma jistax isir mingħajr il-grazzja.  Il-konverżjoni hija grazzja li rridu nitolbu għaliha dejjem: "Mulej, tini l-grazzja li nitjieb.  Tini l-grazzja li nkun nisrani tajjeb".

Marija Santissma tgħinna nkunu doċli għall-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu.  Huwa dak li jħoll l-ebusija tal-qlub u jħejjihom għall-indiema, sabiex jiksbu l-ħajja u s-salvazzjoni mwegħdin minn Ġesù.

 

Wara l-Angelus

 

Għeżież ħuti!

Waslu aħbarijiet ta' tħassib kbir dwar taqbid fiż-żona tal-Kawkasu.  Nitlob għall-paċi fil-Kawkasu u nitlob lill-partijiet li jinsabu f'kunflitt biex jagħmlu ġesti konkreti ta' rieda tajba u fratellanza li jistgħu jwasslu biex isolvu l-problemi mhux bl-użu tal-forza u tal-armi, imma permezz tad-djalogu u tan-negozjati.  Nitolbu flimkien, fis-skiet, għall-paċi fil-Kawkasu.

Ilbieraħ f'Napli ġiet proklamata Beata, Maria Luigia del Santissimo Sacramento, li kien jisimha Maria Velotti, fundatriċi tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Franġiskani Adoratriċi tas-Salib Imqaddes.  Niżżu ħajr 'l Alla għal dil-beata l-ġdida, eżempju ta' kontemplazzjoni tal-misteru tal-Kalvarju li qatt ma għejiet tħaddem il-karità.

Illum il-Knisja tiċċelebra l-Jum dinji tal-Migranti u r-Rifuġjati.  Insellem lill-migranti u r-rifuġjati li hawn fil-pjazza madwar il-monument li jismu "Anġli bla ma jafu" (cfr Lhud 13,2), li jien kont berikt sena ilu.  Dis-sena ridt niddedika l-messaġġ tiegħi lill-itturufnati interni, li huma mġagħlin jaħarbu, kif kien ġara wkoll lil Ġesù u l-familja tiegħu.  "Imġagħlin jaħarbu bħal Ġesù" hekk huma l-imkeċċijin, il-migranti.  Għalihom b'mod partikolari u għal min jassistihom il-fakra u t-talb tagħna.

Illum jaħbat ukoll il-Jum Dinji tat-Turiżmu.  Il-pandemija laqtet bil-kbir lil dan is-settur tant importanti għal ħafna pajjiżi.  Nagħti l-inkoraġġiment tiegħi lil kull min jaħdem fil-qasam tat-turiżmu, partikolarment lil-impriżi familjari u liż-żgħażagħ.  Nawgura li kollha kemm huma ma jdumux ma jerġgħu jgħollu rashom mid-diffikultajiet ta' bħalissa.

U issa intom, għeżież fidili rumani u pellegrini minn diversi nħawi tal-Italja u tad-dinja.  Hawn ħafna bnadar differenti!  Ħsieb speċjali jmur lejn in-nisa u lejn il-persuni kollha impenjati fil-ġlieda kontra t-tumur tas-sider.  Il-Mulej iwieżen l-impenn tagħkom!  U nsellem lill-pellegrini minn Siena li ġew Ruma bil-mixi.

U nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb, Ħadd fil-paċi.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber