IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 27 ta’ Awwissu, 2023

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum fl-Evanġelju (cfr Mt 16,13-20) Ġesù jsaqsi lid-dixxipli – mistoqsija sabiħa: “Min jgħidu n-nies li hu Bin il-Bniedem?” (v. 13).

Mistoqsija li nistgħu nagħmluha tagħna wkoll: xi jgħidu n-nies dwar Ġesù?  Ġeneralment ħwejjeġ sbieh: ħafna jarawh bħala mgħallem kbir, bħala persuna speċjali: twajba, ġusta, koerenti, kuraġġuża...  Imma dan biżżejjed biex nifhmu min hu, u, fuq kollox, dan biżżejjed għal Ġesù?  Jidher li le.  Kieku Hu kien biss persunaġġ tal-imgħoddi – kif għan-nies ta’ żmiemu kienu l-figuri kkwotati fl-istess Evanġelju, Ġwanni l-Battista, Mosè, Elija u l-profeti l-kbar – kien ikun biss tifkira sabiħa ta’ żmien li għadda.  Imma dan għal Ġesù ma jgħoddx.  Għalhekk, minnufih il-Mulej, lid-dixxipli jagħmlilhom il-mistoqsija deċisiva: “Imma intom, min tgħidu li jien?” (v. 15).  Min jien jien għalikom, issa?  Mhux fl-interess ta’ Ġesù jkun protagonista tal-istorja, imma jrid ikun protagonista tal-illum tiegħek, tal-illum tiegħi; mhux profeta mbiegħed:  Ġesù jrid ikun Alla qrib!

Kristu, ħuti, mhux tifkira tal-passat, iżda Alla tal-preżent. Kieku kien biss persunaġġ storiku, illum ma kienx ikun possibbli nimitawh: konna nsibu ruħna quddiem dagħbien taż-żmien u fuq kollox quddiem il-mudell tiegħu, li jixbaħ muntanja ta’ għoli bla qies li ma tistax tintlaħaq; imxennqin biex nixxabtu magħha, imma neqsin mill-ħila u mill-mezzi meħtieġa.  Iżda Ġesù hu ħaj: niftakruh dan.  Ġesù ħaj, Ġesù jgħix fil-Knisja, jgħix fid-dinja, Ġesù jakkumpanjana.  Ġesù jinsab maġenbna, joffrielna Kelmtu, joffrielna l-grazzja tiegħu, li jdawlu u jġeddu l-mixja: Hu, gwida espert u deheni, hieni li jakkumpanjana fil-mogħdijiet l-aktar diffiċli u fit-tlajja l-aktar iebsa.

Għeżież ħuti, fit-triq tal-ħajja m’aħniex waħedna, għax Kristu jinsab nagħna, Kristu jgħinna nimxu, kif għamel ma’ Pietru u mad-dixxipli l-oħra.  Propju Pietru, fl-Evanġelju tal-lum, jifhmu, u bi grazzja f’Ġesù jagħraf “il-Kristu, Bin Alla l-ħaj” (v. 16): Inti Kristu, jiġifieri l-Messija, il-mistenni; mhux xi eroj midfun, iżda Bin Alla l-ħaj, magħmul bniedem li ġie biex magħna jaqsam il-ferħ u t-tbatijiet tal-mixja tagħna.  Ma naqtgħux qalbna jekk xi drabi l-quċċata tal-ħajja nisranija donnha tidher wisq għolja u t-triq wisq wieqfa.  Inħarsu lejn Ġesù, dejjem; inħarsu lejn Ġesù li jimxi spalla ma’ spalla magħna, li jilqa’ d-dgħufijiet tagħna, jaqsam magħna l-isforzi tagħna u jqiegħed fuq l-ispallejn debboli tagħna driegħu sod u ġentili.  Bih qribna, aħna wkoll innewlu jdjena lil xulxin u nġeddu l-fiduċja: dak li għalina waħedna donnu jidher impossibbli ma jibqax aktar diffiċli flimkien ma’ Ġesù, flimkien ma’ Ġesù nistgħu nibqgħu mexjin ‘il quddiem!

Illum tajjeb nagħmlu lilna nfusna l-mistoqsija deċisiva, li toħroġ minn fommu: “Intom, min tgħidu li jien” (cfr v. 15).  Inti – jgħidlek Ġesù – int min tgħid li jien?  Nisimgħu leħen Ġesù li qed jitlobna dan.  Fi kliem ieħor: min hu Ġesù għalija?  Persunaġġ kbir, punt ta’ riferiment, mudell li ma nistax nilħqu?  Jew inkella hu Bin Alla, li jimxi maġenbi, li jista’ jwassalni sal-quċċata tal-qdusija, hemm, fejn waħdi ma nistax nasal?  Ġesù hu verament ħaj f’ħajti, Ġesù jgħix fija?  Hu l-Mulej tiegħi?  Nafda ruħi f’idejh fil-mumenti ta’ diffikultà?  Nagħti kas tal-preżenza tiegħu permezz ta’ Kelmtu, permezz tas-Sagramenti?  Inħallih imexxini flimkien ma’ ħuti, mal-komunità?

Marija, Omm il-mixja, tgħinna nħossu lil Binha ħaj u preżenti maġenbna.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Nhar il-Ħamis se nibda’ vjaġġ ta’ ftit jiem fil-qalba tal-Asja, fil-Mongolja.  Hi żjara ferm mixtieqa u se tkun okkażjoni biex inħaddan Knisja żgħira fl-għadd imma vivaċi fil-fidi u kbira fil-karità; u wkoll biex niltaqa’ mill-qrib ma’ poplu nobbli, għaref, ta’

tradizzjoni reliġjuża kbira li se jkolli l-unur insir nafha, speċjalment fil-kuntest ta’ ġrajja inter-reliġjuża.  Issa nixtieq indur lejkom, ħuti tal-Mongolja, u ngħidilkom li jien ferħan li se nivvjaġġa biex inkun fostkom bħala ħu kulħadd.  Irrodd ħajr lill-Awtoritajiet tagħkom għall-istedina ġentili u lil min, b’impenn kbir, qed iħejji għall-miġja tiegħi.  Nitlob lil kulħadd jakkumpanja diż-żjara bit-talb.

Niżgura li fit-talb tiegħi niftakar fil-vittmi tan-nirien li dal-ġranet ħakmu lill-punent tal-Greċja, u nesprimi qrubija solidali mal-poplu grieg.  U ejjew nibqgħu dejjem qrib ukoll tal-poplu ukren, li qed isofri minħabba l-gwerra, u qed isofri ħafna: ma ninsewhiex lill-Ukrajna!

Insellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini mill-Italja u minn bosta pajjiżi.

Insellem partikolarment lill-grupp parrokkjali li ġej minn Madrid; lis-saċerdoti mid-Djoċesi ta’ Molfetta-Ruvo-Giovinazzo-Terlizzi, flimkien mal-isqof tagħhom; lill-fidili minn San Gaetano da Thiene, f’Melìa; lill-familji tal-kwartier Pizzo Carrano minn San Cataldo u liċ-ċiklisti miċ-Ciociaria.  Insellem lill-ministranti tal-unità pastorali minn Codevigo, fid-Djoċesi ta’ Padova li jinsabu Ruma f’pellegrinaġġ flimkien mal-kappillan tagħhom.

Illum infakkru  lil Santa Monika, omm Santu Wistin: bit-talb tagħha u dmugħha kienet titlob lill-Mulej għall-konverżjoni ta’ binha; mara qawwija, mara brava!  Nitolbu għal tant ommijiet li jsofru meta wliedhom ikun xi ftit mitlufin jew ikunu għaddejjin minn toroq diffiċli fil-ħajja.

U nawgura lilkulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber