IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd, 27 ta' Ġunju, 2021

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fl-Evanġelju tal-lum (cfr Mk 5,21-43) Ġesu jiltaqa' mal-aktar żewġ sitwazzjonijiet drammatiċi tagħna, il-mewt u l-mard.  U jeħles minnhom lil tnejn min-nies: tifla li tmut propju fil-ħin li missierha mar jitlob l-għajnuna lil Ġesù; u mara li għal għadd kbir ta' snin kienet tiltef id-demm.  Ġesù jħalli n-niket u l-mewt tagħna jmissuh u jagħmel żewġ sinjali ta' fejqan biex jgħidilna li la t-tbatija u l-anqas il-mewt m'għandhom l-aħħar kelma.  Jgħidilna li l-mewt mhix it-tmiem.  Hu jegħleb dan l-għadu li minnu ma nistgħux ninħelsu bil-ħila tagna biss.

Però, f'daż-żmiem li fih il-mard għadu l-qofol tal-aħbarijiet, ejjew nikkonċentraw fuq is-sinjal l-ieħor, il-fejqan tal-mara.  Aktar milli lil saħħitha l-akbar ħsara kienet qed issir lis-sentimenti tal-għozza tagħha.  Għaliex?  Kienet titlef id-demm u għalhekk, skont il-mentalità  ta' dak iż-żmien, kienet meqjusa mniġġsa.  Kienet mara emarġinata, ma setax ikollha relazzjonijiet stabbli, lanqas setgħet tiżżewweġ, ma setax ikollha familja u lanqas setgħet titħallat soċjalment b'mod normali għax kienet "imniġġsa", kellha marda li kienet tagħmilha "mniġġsa".  Kienet tgħix waħedha, b'qalbha mweġġa'.  Liema hi l-marda l-akbar iebsa tal-ħajja, il-kanċer? it-tuberkolożi? il-pandemija?  Le.  L-akbar marda tal-ħajja hi n-nuqqas tal-imħabba, li ma tkunx tista' tħobb.  Minnu li dil-mara kienet tbati bin-nixxiegħa tad-demm, imma bħala konsegwenza, kienet nieqsa mill-imħabba, għax ma setgħetx titħallat soċjalment mal-oħrajn.  U l-fejqan li l-aktar jiswa hu l-fejqan tal-għozza.  Imma kif terġa' ssibu?  Aħna nistgħu niftakru f'dawk li ngħozzu: huma morda jew f'saħħithom?  Huma morda?  Ġesù għandu s-setgħa jfejjaqhom.

L-istorja ta' dil-mara bla isem - insejħulha hekk "il-mara bla isem" - hija eżemplari, nistgħu naraw fiha mera tagħna nfusna.  It-test jgħidilna li kienet għaddiet minn ħafna kura, "nefqet kulma kellha, u mhux biss ma swielha xejn, imma talli marret għall-agħar" (v. 26).  Kemm-il darba aħna wkoll fittixna rimedji żbaljati biex nissodisfaw in-nuqqas ta' mħabba li jkun hemm fina?  Naħsbu li s-suċċess, il-flus, se jagħmluna hienja, imma l-imħabba ma tinxtarax, hi b'xejn.  Ngħoddsu f'dak li hu virtwali, imma l-imħabba hi konkreta.  Ma naċċettawx lilna nfusna kif aħna u nistaħbew wara l-qerq ta' dak li jidher, imma l-imħabba mhix apparenza.  Infittxu s-soluzzjonijjiet għand is-sħaħar, għand il-qarrejja tax-xorti biex nispiċċaw bla flus u bla paċi bħal dik il-mara.  Hi fl-aħħar, għażlet lil Ġesù u ndiehset qalb il-folla biex tmiss il-mantell, il-mantell ta' Ġesù.  Ifisser li dik il-mara fittxet il-kuntatt dirett, il-kuntatt fiżiku ma' Ġesù.  F'dan iż-żmien, aktar minn ieħor, aħna fehmna kemm huma importanti l-kuntatti, ir-relazzjonijiet.  L-istess jgħodd ma' Ġesù: kultant nikkuntentaw ruħna li nobdu xi preċett u ntennu xi talb - bosta drabi qiesna pappagalli - imma l-Mulej jistenna li aħna niltaqgħu miegħu, li niftħulu qalbna, illi, bħal dik il-mara, mmissu l-mantell tiegħu biex infiequ.  Għax meta nidħlu f'intimità ma' Ġesù, nitfejjqu fl-imħabbiet tagħna.

Dan hu li jrid Ġesù.  Infatti naqraw li minkejja l-folla tgħafas fuqu, jgħarrex madwaru biex ifittex lil min missu.  Id-dixxipli jgħidulu: "Il-folla qed tgħafas fuqek..".  Le.  "Min missni?"  Hija l-ħarsa ta' Ġesù: hawn tant nies, imma Hu jfittex il-wiċċ u l-qalb mkebbsin bil-fidi.  Ġesù ma jħarisx lejn il-folla, kif nagħmlu aħna, imma jħares lejn il-persuna.  Ma jieqafx quddiem il-ġrieħi tagħna u l-iżbalji tal-imgħoddi iżda jmur 'l hinn mid-dnubiet u l-preġudizzji.  Ilkoll kemm aħna għandna storja, u kollha kemm aħna, fil-qalb ta' qalbna, nafu x'hemm ikraħ fl-istorja personali.  Imma Ġesù jħares lejhom biex ifejjaqhom.  Iżda aħna nogħxew inħarsu lejn l-affarijiet koroħ tal-oħrajn.  Kemm drabi, meta nitkellmu, naqgħu fit-tqassis, li mhu xejn aktar ħlief "it-tqaxxir" tal-oħrajn.  Imma ara: x'xefaq tal-ħajja hu dan?  Mhux bħal Ġesù li dejjem ifittex il-mod kif isalvana, iħares lejn l-illum, lejn ir-rieda tajba u mhux lejn l-istorja kerha li għandna.  Ġesù jmur 'l hinn mid-dnubiet.  Ġesù jmur 'l hinn mill-preġudizzji.  Ma jieqafx iħares lejn l-apparenza, Ġesù jasal fil-qalb.  U jfejjaq propju lilha, li kulħadd kien jiskartaha.  Bit-tenerezza jsejħilha "binti" ((v. 34) – l-istil ta' Ġesù kien il-qrubija, il-ħniena u t-tenerezza: "Binti.." u jfaħħar il-fidi tagħha, u jroddilha lura l-fiduċja fiha nfisha.

Oħti, ħija, li tinsab hawn, ħalli lil Ġesù jħares u jfejjaqlek qalbek.  Jien ukoll irrid nagħmel dan: inħalli lil Ġesù jħares lejn qalbi u jfejjaqha.  U jekk diġa ġarrabt il-ħarsa tenera tiegħu, imitah, għamel bħalu.  Ħares madwarek: tara li hemm bosta persuni jgħixu qribek li jħossuhom miġrugħin u waħedhom, għandhom bżonn iħossu li hemm min iħobbhom: midd il-pass.  Ġesù qed jitlob minnek li ħarstek ma tieqafx fuq dak li jidher, imma li tmur dritt lejn il-qalb; ħarsa li ma tiġġudikax - nispiċċaw niġġudikaw lill-oħrajn - Ġesù qed jitlobna li l-ħarsa tagħna ma tkunx waħda ta' ġudizzju, iżda li tilqa'.  Niftħu qalbna  biex nilqgħu lill-oħrajn.  Għax l-imħabba biss tfejjaq il-ħajja.  Il-Madonna, Faraġ tal-Imnikktin, tgħinna nwasslu tmellisa lil kull miġrugħ fil-qalb li niltqagħu miegħu tul il-mixja tagħna.  U tiġġudikawx, tiġġudikawx ir-realtà personali, soċjali, tal-oħrajn.  Alla jħobb lil kulħadd!  Tiġġudikawx, ħallu lill-oħrajn jgħixu u ppruvaw ersqu qribhom bl-imħabba.

 

Wara l-Angelus

 

Għeżież ħuti!

Illum, kif aħna qrib il-festa tal-Qaddisin Pietru u Pawlu, nistedinkom titolbu għall-Papa.  Itolbu b'mod speċjali:  il-Papa jeħtieġ it-talb tagħkom!  Grazzi.  Naf li se tagħmluh dan.

Fl-okkażjoni tal-lum, il-Jum tal-Paċi fl-Orjent, nistieden lil kulħadd biex jitlob bil-ħrara l-ħniena t'Alla u l-paċi fuq dak ir-reġjun.  Jalla l-Mulej iwieżen l-isforzi ta' kull min hu impenjat biex ikun hemm id-djalogu u l-konvivenza fraterna fil-Lvant Nofsani, fejn twieldet u għadha ħajja l-fidi nisranija, minkejja s-soffernzi.  Jalla Alla jagħti dejjem aktar qawwa, perseveranza u kuraġġ lil dawk il-popolazzjonijiet għeżież.

Lill-popolazzjonijiet tal-lvant tar-Repubblika Ċeka li ntlaqtu mill-uragan, niżgurahom li jien qrib tagħhom.  Nitlob għall-mejtin u għall-feruti u għal kull min kellu jabbadnuna daru għax ġarrbet ħsarat kbar.

Insellem minn qalbi u nagħti merħba lilkom ilkoll, intom li ġejtu minn Ruma, mill-Italja u minn pajjiżi oħra.  Qed nara pollakki, spanjoli...  Ħafna mifruxin 'l hemm u 'l hawn...  Jalla ż-żjara tagħkom lill-oqbra tal-Qaddisin Pietru u Pawlu ssaħħaħ fikom l-imħabba lejn Kristu u lejn il-Knisja.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci.  Kemm huma bravi dawk l-adoloxxenti tal-Immakulata!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber