IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 27 ta’ Marzu, 2022

 

Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-Liturġija ta’ dan il-Ħadd jirrakkonta l-parabbola li nafuha bħala dik tal-iben il-ħali (cf Lq 15, 11-32).  Din tressaqna lejn il-qalb ta’ Alla, li jaħfer dejjem bil-ħniena u l-ħlewwa, dejjem.  Alla jaħfer dejjem, aħna ngħejjew nitolbu maħfra imma Hu dejjem jaħfer.  Tgħidilna li Alla hu Missier, li mhux biss jilqa’ mill-ġdid, imma jifraħ u jagħmel festa lil-ibnu, li reġa’ lura d-dar wara li kien berbaq kulma kellu.  Dak l-iben huwa aħna, u nħossuna nitqanqlu meta niftakru kemm il-Missier iħobbna dejjem u dejjem jistenniena.

Imma fl-istess parabbola hemm ukoll l-iben il-kbir, li jidħol fi kriżi quddiem Missier bħal dan.  U li jista’ jdaħħal fi kriżi lilna wkoll.  Infatti fina hemm ukoll dan l-iben il-kbir, u jekk mhux għal kollox, għandna t-tentazzjoni li ntuh raġun: dejjem qeda dmiru, ma telaqx mid-dar, għalhekk jixxokkja ruħu meta jara lill-Missier jgħannaq mill-ġdid lil ħuh li kien ġab ruħu ħażin.  Jipprotesta u jgħid: “Ili dawn is-snin kollha naqdik, kelmtek ma ksirthielek qatt”, iżda “lil dan ibnek”, saħansitra tagħmillu festa! (vv. 29-30).  “Ma nifhmekx”.  Hija l-istmerrija tal-iben il-kbir.  Minn dal-kliem tinbet il-problema tal-iben il-kbir.  Fir-relazzjoni tiegħu mal-Missier hu jibni kollox fuq l-osservanza stretta tal-amar, fuq is-sens tad-dmir.  Din tista’ tkun problema tagħna wkoll, il-problema bejnna u bejn Alla: ninsew li hu Missier u ngħixu reliġjon distanti, magħmula biss minn projbizzjonijiet u dmirijiet.  U l-konsegwenza ta’ dan id-distakk hija l-ebusija lejn il-proxxmu, li ma narawhx aktar bħala ħuna.  Fil-parabbola, infatti, l-iben il-kbir lill-Missier ma jgħidlux ħija, le, jgħidlu ibenk, qiesu qed jgħid: dan mhux ħija.  U fl-aħħar mill-aħħar hu propju huwa stess li jirriskja li jibqa’ barra mid-dar.  Infatti, t-test jgħidilna, “ma riedx jidħol” (v. 28).  Għax kien hemm l-ieħor.

Meta jara dan, il-Missier joħroġ jitolbu bil-ħniena: “Ibni, int dejjem miegħi, kulma hu tiegħi huwa tiegħek” (v. 31).  Jipprova jfehemu li għalih kull iben hu l-ħajja tiegħu kollha.  Dan jafuh tajjeb il-ġenituri, li jersqu qrib ħafna lejn il-mod kif iħoss Alla.  Sabiħ dak li jgħid missier f’rumanz: “Meta sirt missier, fhimt lil Alla” (H. De Balzac, Il-padre Goirot, Milan, 2004, 112).  F’dal-punt tal-parabbola, il-Missier jiftaħ qalbu għall-iben il-kbir u jistqarrlu żewġ ħtiġijiet, li mhumiex kmand, imma ħtieġa għall-qalb: “Kien hemm bżonn nagħmlu festa u nifirħu għax dan ħuk kien mejjet u reġa’ qam” (v. 32).  Neżaminaw ftit biex naraw jekk fi qlubna hemmx dawn iż-żewġ ħtiġijiet tal-Missier: nagħmlu festa u nifirħu.

Qabel xejn nagħmlu festa, jiġifieri lil min jindem jew jinsab f’mixja, min jinsab fi kriżi jew imbiegħed, nuruh li aħna qribu.  Għaliex hemm bżonnu dan?  Għax dan jgħin biex tingħeleb il-biża’ u l-iskoraġġiment, li jistgħu jiġu mill-fakra tad-dnubiet ta’ dak li jkun.  Min żbalja, spiss iħossu lill-qalbu stess iċċanfru; distanza, indifferenza u kliem li jniggez ma jgħinuhx.  Għalhekk, skont il-Missier, hemm bżonn li ntuh merħba ħerqana, li tinkoraġġih jibqa’ miexi ‘l quddiem.  “Imma, padre dan qaleb id-dinja!: merħba ħerqana.  U aħna nagħmlu hekk?  Infittxu lil min hu mbiegħed, nixtiequ nagħmlu festa miegħu?  Kemm tista’ tagħmel ġid qalb miftuħa, smigħ veru, tbissima trasparenti; nagħmlu festa mhux lil dak li jkun inġagħaluh iħossu skomdu!  Il-Missier seta’ qal: tajjeb ibni, erġa’ idħol id-dar, erġa’ ibda aħdem, mur f’kamartek, organizza rużek, u ibda aħdem!  U din kienet tkun maħfra tajba.  Iżda le!  Alla ma jafx jaħfer bla ma jagħmel festa!  U l-missier jagħmel festa, minħabba l-ferħ li jħoss għax ibnu reġa’ lura.

Imbagħad, skont il-Missier, hemm bżonn nifirħu.  Min għandu qalbu tħabbat ma’ dik ta’ Alla, meta jara l-indiema ta’ xi persuna, kbar kemm huma kbar l-iżbalji li tkun għamlet, jifraħ.  Ma jibqax imaħħaħ fuq l-iżbalji, ma jippontax sebgħu lejn il-ħażin, imma jifraħ bit-tajjeb, għax it-tajjeb tal-ieħor huwa wkoll it-tajjeb tiegħi!  U aħna għandna ħila nħarsu lejn l-oħrajn b’dal-mod?

Ippermettuli nirrakkonta storja, mhux vera, imma turi x’inhi l-qalb tal-missier.  Kien hemm opra pop, tlieta jew erba’ snin ilu, fuq it-tema tal-iben il-ħali, bl-istorja kollha tagħha.  U fl-aħħar, meta dak l-iben jaqtagħha li jmur lura għand missieru, jiddiskuti ma’ ħabib u jgħidlu: “Tafx, qed nibża’ li missieri jirrifjutani, li ma jaħfrilix” U l-ħabib itih parir: “Ibgħat ittra żgħira lil missierek u għidlu: “Missier, indimt, nixtieq nerġa’ lura lejn id-dar, minix żgur li int se tkun kuntent.  Jekk trid tilqagħni, jekk jogħġbok,  dendel maktur abjad mat-tieqa”.  U mbagħad beda t-triq.  U meta kien qrib id-dar, fejn il-liwja tat-triq, meta dar l-aħħar kantuniera, tfaċċat id-dar tiegħu quddiemu.  U x’ra?  Mhux maktur: kienet mimlija mkatar bodjod, mat-twieqi kollha!  Hekk jilqagħna l-Missier, bil-milja, bil-ferħ.  Dan hu Missierna!

Nafu nifirħu minħabba l-oħrajn?  Il-Verġni Marija tgħallimna nilqgħu l-ħniena t’Alla, sabiex issir id-dawl li fih għandna nilmħu lill-proxxmu tagħna.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti

Għadda aktar minn xahar minn mindu bdiet l-invażjoni tal-Ukrajna, mill-bidu ta’ dil-gwerra krudili u bla sens li, bħal kull gwerra oħra, tfisser telfa għal kulħadd, għalina lkoll.  Hemm bżonn nirroftaw il-gwerra, imkien tal-mewt fejn il-missirijiet u l-ommijiet jidfnu ‘l uliedhom, fejn bnedmin joqtlu lil  ħuthom bla ma qatt biss ikunu rawhom, fejn is-setgħanin jiddeċiedu u l-foqra jmutu.

Il-gwerra ma tirvinax biss il-preżent, imma wkoll il-ġejjieni ta’ soċjetà.  Qrajt li minn mindu bdiet l-aggressjoni tal-Ukrajna, tifel/tifla minn kull tnejn sfaw itturufnati minn pajjiżhom.  Dan ifisser il-qerda tal-ġejjieni, jikkawża trawmi drammatiċi fl-aktar ċkejknin u innoċenti fostna.  Din hi l-bestjalità tal-gwerra, att barbaru u sagrilegu.

Il-gwerra qatt ma tista’ tkun ħaġa inevitabbli; m’għandniex nidrawha l-gwerra!  Minflok, għandna nibdlu l-istmerrija tagħna tal-lum f’impenn għal għada.  Għax jekk noħorġu minn dil-ġrajja l-istess bħalma konna qabel, b’xi mod ilkoll kemm aħna nkunu ħatja.  Quddiem il-periklu li teqred lilha nfisha, l-umanità għandha tifhem li wasal iż-żmien li nabolixxu l-gwerra, li nikkanċellawha mill-istorja tal-bniedem qabel ma tkun hi li tikkanċella l-bniedem mill-istorja.

Nitlob biex kull politiku responsabbli jirrifletti dwar dan, jimpenja ruħu f’dar-rigward!  U aħna u nħarsu lejn l-Ukrajna martitizzata, nifhmu li kull jum ta’ gwerra jgħarraq is-sitwazzjoni għal kulħadd.  Għalhekk inġedded l-appell tiegħi: biżżejjed, nieqfu, insikktu l-armi, niddiskutu l-paċi bis-serjetà!  Nibqgħu nitolbu bla ma nhedew lir-Reġina tal-Paċi, li lilha kkonsagrajna l-umanità, partikolarment lir-Russaja u l-Ukrajna, bis-sehem kbir u magħqud li għalih irrodd ħajr lilkom ilkoll.  Nitolbu flimkien.  Sliem għalik, Marija....

Insellem lilkom ilkoll rumani u pellegrini li ġejtu mill-Italja u minn diversi pajjiżi.  Insellem partikolarment lill-fidili mill-Messiku, minn Madrid u minn León; lill-istudenti minn Pamplona u minn Huelva u lill-adoloxxenti minn diversi pajjiżi li qattgħu żmien ta’ formazzjoni f’Loppiano.  Insellem lill-parruċċani ta’ Nostra Signora di Valme ta’ hawn f’Ruma u lil dawk minn San Giorgio in Bosco, Bassano del Grappa u Gela; lill-dawk li se jagħmlu l-Griżma minn Frascati u lill grupp “Ħbieb ta’ Żakkew” minn Reggio Emilia; kif ukoll lill-Kumitat promutur tal-mixja Perugia-Assisi għall-Paċi u l-Fraternità, li ġew flimkien mat-tfal tal-iskola biex iġeddu l-impenn għall-edukazzjoni għall-paċi.

Insllem lill-parteċipanti tal-Maratona ta’ Ruma!  Dis-sena, bl-inizjattiva ta’ “Athletica Vaticana” bosta atleti ħadu sehem f’inizjattiva ta’ solidarjetà ma dawk il-persuni tal-belt li jinsabu fil-bżonn.  Nifirħilkom!

Propju sentejn ilu, minn dil-pjazza, għollejna talbna biex tintemm il-pandemija.  Illum għamilna l-istess biex tintemm il-gwerra fl-Ukrajna.  Intom u ħerġin mil-pjazza se jingħatalkom ktieb tifkira, li tħejja mill-Kummissjoni Covid-19 tal-Vatikan flimkien mad-Dikasteru għall-Komunikazzjoni, bħala stedina għat-talb fil-mumneti ta’ diffikultà, bla biża’, bil-fidi ma taqta’ xejn fil-Mulej.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber