IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 27 ta’ Frar, 2022

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fl-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum Ġesù jistedinna nirriflettu fuq ħarsitna u kliemna.  Il-ħarsa u l-kliem.

Qabel xejn, il-ħarsa.  Il-Mulej jgħid li għandna r-rskju li nikkonċentraw ħarsitna fuq it-tibna f’għajn ħuna bla ma nindunaw bit-travu li għandna f’tagħna (cfr Lq 6,41).  Fi kliem ieħor, inkunu attenti ħafna għad-difetti tal-oħrajn, anki ż-żgħar daqs tibna, u bil-kalma kollha ninsew tagħna u ftit intuhom importanza.  Hu minnu dak li jgħid Ġesù: dejjem insibu raġuni biex infittxu l-ħtija fl-oħrajn u niġġustifikaw lilna nfusna.  U tant drabi nilmentaw minħabba dak li ma jkunx sejjer sew fis-soċjetà, fil-Knisja, fid-dinja, bla ma qabel neżaminaw lilna nfusna u bla ma nimpenjaw ruħna biex qabel kollox nibdlu lilna nfusna.  Kull bidla għammiela, pożittiva, għandha tibda minna nfusna.  Bil-maqlub ma jkun hemm ebda tibdil.  Imma – jispjega Ġesù – meta nġibu ruħna hekk, ħarsitna tkun għamja.  U jekk aħna għomja ma nistgħux nippretendu li nkunu gwidi u mgħallmin għall-oħrajn: infatti l-għama ma jistax imexxi għama ieħor (cfr v. 39).

Għeżież ħuti, il-Mulej jistedinna biex innaddfu ħarsitna.  Qabel kollox jitlobna nħarsu fina nfusna biex nagħrfu l-miżerji tagħna.  Għax jekk ma jkollniex ħila naraw id-difetti tagħna, nibqgħu dejjem moħħna biex nesaġeraw dawk tal-oħrajn.  Jekk minflok, aħna nagħrfu l-iżbalji tagħna u l-miżerji tagħna, jinfetħilna l-bieb tal-ħniena.  U wara li nkunu ħarsina fina nfusna, Ġesù jistedinna nħarsu lejn l-oħrajn bil-mod kif iħares lejhom Hu – dan hu s-sigriet: inħarsu lejn l-oħrajn kif iħares Hu -, li qabel kollox ma jarax il-ħażin, imma t-tajjeb.  Hekk iħares lejna Alla: fina ma jarax żbalji li ma jistgħux jissewwew, imma fina jara ulied li jaqgħu fl-iżball.  Jibdel il-perspettiva: ma jikkonċentrax fuq l-iżbalji imma fuq uliedu li jiżbaljaw.  Alla dejjem jifred il-persuna mill-iżbalji tagħha.  Dejjem isalva lill-persuna.  Dejjem jemmen fil-persuna u dejjem lest biex jaħfer l-iżbalji.  Nafu li Alla jaħfer dejjem.  U jistedinna nagħmlu l-istess: biex fl-oħrajn ma noqgħodux infittxu l-ħażin imma t-tajjeb.

Wara l-ħarsa llum Ġesù jistedinna nirriflettu fuq kliemna.  Il-Mulej jispjega li l-fomm “jistqarr dak kollu li bih mimlija bl-abbundanza l-qalb” (v. 45).  Hu minnu li minn kif wieħed jitkellem tinduna minnufih x’ikollu f’qalbu.  Il-kliem li nużaw juru x’persuna aħna.  Kultant, però,  ftit nagħtu kas ta’ kliemna u nużawhom b’mod superfiċjali.  Imma l-kliem għandu l-piż, jippermettulna nesprimu ħsibijiet u sentimenti, li nagħtu leħen lill-biżgħat li jkollna u lill-proġetti li jkollna f’moħħna nwettqu, infaħħru ‘l Alla u lill-oħrajn.

Sfortunatament, però, b’ilsienna nistgħu nkebbsu l-preġudizzji, nibnu ħitan, nattakkaw u saħansitra niddistruġġu; b’ilsienna nistgħu nkissru lill-aħwa: it-tqassis iġerraħ u l-kalunnja taf tkun taqta’ aktar minn sikkina!  Illum, imbagħad, speċjalment fid-dinja diġitali, il-kliem jiġri b’ħeffa; imma ħafna minnu hu mimli rabja u aggressività, ixerred aħbarijiet foloz u japprofitta ruħu mill-biżgħat kollettivi biex iwassal ideat mgħawġin.  Diplomatiku, li kien Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda u kien rebaħ il-premju Nobel għall-Paċi, qal li “l-abbuz tal-kelma jissarraf f’disprezz lejn l-essri uman” (Dan Hammarskjöld, Traċċi tal-mixja, Mangano BI 1992, 131).

Allura, neżaminaw lilna nfusna dwar liema tip ta’ kliem nużaw: kliem li jesprimi attenzjoni, rispett, fehim, qrubija, kumpassjoni, jew kliem li l-għan ewlieni tiegħu jkun li nidhru sbieħ quddiem l-oħrajn?  Imbagħad, nitkellmu bil-ħlewwa jew inniġġsu d-dinja bit-tixrid tal-veleni: nikkritikaw, nilmentaw, u nkomplu nsaħħnu l-qiegħa tal-aggressività tant imxerrda?

Il-Madonna, Marija, li Alla ħares lejn l-umiltà tagħha, il-Verġni tas-silenzju li issa se nitolbuha, tgħinna nsaffu ħarsitna u kliemna.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

F’dawn il-jiem konna xxukkjati minħabba xi ħaġa traġika: il-gwerra.  Bosta drabi tlabna biex ma tinqabadx dit-triq.  U mhux se nehdew nitolbu, anzi, nitolbu bil-ħerqa u b’aktar intensità lil Alla.   Għaldaqstant inġedded l-istedina lil kulħadd biex it-2 ta’ Marzu, l-Erbgħa tal-Irmied, tkun ġurnata ta’ talb u sawm għall-paċi fl-Ukrajna.  Ġurnata biex inkunu qrib it-tbatijiet tal-poplu ukren, biex inħossuna lkoll aħwa u nitolbu b’ħeġġa kbira lil Alla biex il-gwerra tintemm.

Min jagħmel il-gwerra, min jipprovoka l-gwerra, ikun qed jinsa l-umanità.  Ma jimpurtahx min-nies, mill-ħajja konkreta tal-persuni, imma jqiegħed l-interessi tiegħu u tas-setgħa qabel kollox.  Idur lejn il-loġika djabolika u perversa tal-armi, loġika mill-aktar imbegħeda mir-rieda t’Alla.  U jinqata’ min man-nies komuni li trid il-paċi u li f’kull kunflitt tkun il-veru vittma, li tħallas b’ġildha l-ġenn tal-gwerra.  Qed niftakar fl-anzjani, f’dawk li f’das-siegħet qed ifittxu kenn, fl-ommijiet maħruba b’uliedhom magħhom...Dawn huma ħutna li hemm bżonn urġenti niftħulhom kuriduri umanitarji u li għandhom ikunu milqugħin.

B’qalbi mċarrta minħabba dak li qed jiġri fl-Ukrajna – u ma ninsewx il-gwerer f’inħawi oħra tad-dinja bħall-Yemen, is-Sirja, l-Etjopja... – intenni: ħa jissikktu l-armi!  Alla jieqaf mal-operaturi tal-paċi mhux ma’ min juża l-vjolenza.  Għax min iħobb il-paċi, kif tgħid il-Kostituzzjoni Taljana, “jirrifjuta l-gwerra bħala strument ta’ offiża għal-libertà tal-popli l-oħra u bħala mezz biex isolvi l-kontroversji internazzjonali” (Art. 11).

Ilbieraħ fi Granada, fi Spanja, ġew iddikjarati Beati s-saċerdot Gaetano Giménez Martín u ħmistax sħabu martri, maqtulin minħabba odju lejn il-fidi fil-qafas tal-persekuzzjoni reliġjuża tat-tletinijiet tas-seklu li għadda.  Jalla x-xhieda ta’ dawn id-dixxipli erojċi ta’ Kristu tqanqal f’kulħadd ix-xewqa li jaqdi l-Evanġelju bil-fedeltà u l-kuraġġ.  Applaws lill-beati l-ġodda.

Insellem lilkom ilkoll rumani u pellegrini!

Insellem b’mod partikolari lil “las niñas Quinceñeras” mill-Panama; liż-żgħażagħ universitarji mid-djoċesi ta’ Porto’ lill-fidili minn Mérida-Badajoz u minn Madrid, fi Spanja; lil dawk minn Pariġi u mill-Polonja; lill-gruppi minn Reggio Calabria, minn Sqallija u mill-Unità Pastorali Alta Langa; lil dawk li se jagħmlu l-Griżma minn Urgnano u lill-adoloxxenti minn Petosino, djoċesi ta’ Bergamo.

Tislima speċjali li kulmin ġie hawn fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Mard Rari, li jaħbat għada: nagħmel kuraġġ lid-diversi Assoċjazzjonijiet tal-Morda u lill-familjari, kif ukoll lir-riċerkaturi f’dal-kamp.  Jien qribkom!  Insellem lill-popli li hawn preżenti... Qed nara wkoll bosta bnadar tal-Ukrajna! (Bl-ukren) Ikun imfaħħar Ġeù Kristu!

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber