FESTA TA’ SAN STIEFNU PROTOMARTRI

IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
It-Tlieta, 26 ta’ Diċembru, 2023

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum, minnufih wara l-Milied, niċċelebraw il-festa ta’ San Stiefnu, l-ewwel martri.  Insibu r-rakkont tal-martirju tiegħu fl-Atti tal-Appostli (cfr kapp. 6-7), li jiddeskrivuh bħala bniedem ta’ fama tajba li kien jaqdi fl-imwejjed u jagħmel il-karità (cfr 6,3).  U propju minħabba dil-ġenerożità integra tiegħu hu ma jistax ma jagħtix xhieda ta’ dak li hu tant prezzjuż għalih: li jagħti xhieda tal-fidi f’Ġesù.  Dan iqajjem l-għadab tal-avversarji tiegħu, li joqtluh bit-tħaġġir bla ħniena.  U kollox iseħħ quddiem żgħażugħ, Sawl, persekutur żelanti tal-insara, li hu “x-xhud” tal-qtil (cfr 7,58).

Nimmaġinaw ftit dix-xena: Sawl u Stiefnu, il-persekutur u l-ippersegwitat.  Bejniethom donnu hemm ħajt li ma jistax jintifed, iebes daqs l-integraliżmu tal-fariżew żgħażugħ u bħall-ġebel mitfgħuh lejn l-ikkundannat għall-mewt.  Madankollu, lil hinn mill-apparenzi, hemm xi ħaġa aqwa li tgħaqqadhom: biex xhieda ta’ Stiefnu, infatti, il-Mulej diġà qiegħed iħejji qalb Sawlu, bla ma dan biss intebaħ, għall-konverżjoni li twasslu jsir Appostlu kbir.  Stiefnu, il-qadi tiegħu, it-talb tiegħu u l-fidi li jħabbar, il-kuraġġ tiegħu u fuq kollox, il-maħfra fil-punt tal-mewt mhumiex fiergħa.  Fi żmien il-persekuzzjonijiet kien jingħad – u llum dan id-diskors għadu jiswa l-istess – “id-demm tal-martri hu ż-żerriegħa tal-insara”.  Donnu li jisfa fix-xejn, imma fil-verità is-sagrifiċċju tiegħu jitfa’ żerriegħa li tieħu direzzjoni opposta għal dik tal-ġebel, u titħawwel, bil-moħbi, f’sider l-agħar għadu tiegħu.

Illum, elfejn sena wara, sfortunatment għadna naraw li l-persekuzzjoni baqgħet għaddejja: hawn il-persekuzzjoni tal-insara... Għadha teżisti – u huma ħafna dawk li jsofru u jmutu biex jagħtu xhieda ta’ Ġesù, bħalma hemm min, f’livelli varji, ikun diskriminat għax imġiebtu hi koerenti mal-Evanġelju, u min isibha bi tqila biex jibqa’ fidil kull jum, mingħajr daqq ta’ trombi, leali lejn dmirijietu, waqt li d-dinja tkasbru u tipprietka kredu ieħor.  Dawn ħutna wkoll jistgħu jidhru bħala nies falluti, imma llum naraw li dan mhux minnu.  Illum, bħal dakinhar, infatti, iż-żerriegħa tas-sagrifiċċji tagħhom, li tidher qed tmut, twarrad, tagħti l-frott, għax permezz tagħhom Alla jkompli jwettaq il-mirakli (cfr Atti 18,9-10), jibdel il-qlub u jsalva lill-bnedmin.

Nistaqsu għalhekk: jinteressani, nitlob għal min, f’diversi nħawi tad-dinja, għadu jsofri u jmut għall-fidi llum?  Huma bosta dawk li jisfaw assassinati minħabba l-fidi.  U, min-naħa tiegħi, infittex li nagħti xhieda tal-Evanġelju bil-koerenza, bil-manswetudni u bil-fiduċja?  Nemmen li ż-żerriegħa tat-tajjeb tagħti l-frott anki meta ma narax riżultat minnufih?

Marija, Reġina tal-martri, tgħinna nkunu xhieda ta’ Ġesù.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Inġedded lilkom ilkoll l-awguri tal-paċi u l-ġid li jitnisslu mill-Milied tal-Mulej.  U nieħu din l-okkażjoni biex irrodd ħajr lil kull min bagħatli messaġġi ta’ awguri minn Ruma u minn bosta nħawi tad-dinja.   Grazzi, fuq kollox, għat-talb tagħkom!  U komplu itolbu għall-Papa!  Għandu bżonnu!

Bis-sinjal tax-xhieda ta’ San Stiefnu, jien qrib il-komunitajiet insara li jsofru diskriminazzjoni u nħeġġiġhom biex jippereseveraw fil-karità ma’ kulħadd u, bil-paċi, jitqabdu għall-ġustizzja u l-libertà reliġjuża.

Fl-interċessjoni tal-ewwel martri nafda wkoll l-għajta għall-paċi tal-popli mifluġin bil-gwerra.  Il-mezzi tal-komuikazzjoni juruna x’tipproduċi l-gwerra: rajna s-Sirja, qed naraw Gaża.  Niftakru fl-Ukrajna mbiċċra.  Deżert ta’ mewt.  Dan irridu?  Il-popli jridu l-paċi.  Nitolbu għall-paċi.  Nitqabdu għall-paċi.

Insellem lilkom rumani u pellegrini, familji, gruppi parrokkjali, komunitajiet reliġjużi, assoċjazzjonijiet.  Nistedinkom tieqfu ftit quddiem il-presepju kbir li hawn fi Pjazza San Pietru, imnebbaħ minn dak li kien għamel San Franġisk fi Greccio 800 sena ilu.  Intom u tosservaw l-istatwi taraw fl-uċuħ u fl-atteġġjamenti ħaġa li tgħaqqadhom: l-istagħġib.  Taraw stagħġib li jsir adorazzjoni.  Inħallu dan l-istagħġib quddiem it-twelid tal-Mulej, imissna.  Nawguralkom li tgħożżu fikom dan l-istagħġib u tħarsuh: l-istagħġib li jsir adorazzjoni.

U grazzi lilkom ilkoll, lill-adoloxxenti tal-Immacolata, u lil bosta li jinsabu hawn quddiemi!

Il-festi t-tajba lil kulħadd!  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber