IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 26 ta’ Diċembru, 2021

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum qed nagħmlu l-festa tal-Familja Mqaddsa ta’ Nażret.  Alla għażel familja umli u sempliċi biex jiġi fostna.  Nikkuntemplaw is-sbuħija ta’ dal-misteru billi minnu nisiltu żewġ aspetti konkreti għall-familji tagħna.

L-ewwel: il-familja hija l-istorja li sawwritna.  Kull wieħed u waħda minna għandna l-istorja tagħna, ħadd ma twieled bil-maġija, bil-bakketta maġika, kollha kemm aħna għandna storja u l-familja hi l-istorja li aħna ġejjin minnha.  L-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum ifakkarna li Ġesù wkoll hu iben imnissel minn storja ta’ familja.  Narawh jivvjaġġa lejn Ġerusalemm flimkien ma’ Marija u Ġużeppi għall-Għid; imbagħad iġib fixla f’ommu u missieru għax ma setgħux isibuh; meta sabuh mar lura d-dar magħhom (Lq 2, 41-52).  Sabih tara lil Ġesù mwaħħad man-nisġa tal-għożża tal-familja, li jitwieled u jikber bit-tgħannieqa u t-tħassib tal-ġenituri tiegħu.  Dan huwa importanti għalina wkoll: aħna ġejjin minn storja minsuġa minn rabtiet ta’ mħabba u l-persuna li aħna llum ma saritx l-aktar bis-saħħa tal-ġid materjali li kellna imma mill-imħabba li rċevejna b’imħabba fi ħdan il-familja.  Forsi ma twelidniex f’xi familja eċċezzjonali u bla problemi, imma dik hi l-istorja tagħna – kulħadd għandu jifhem: hija l-istorja tiegħi -, huma għeruqna: jekk inqaċċtuhom, il-ħajja tinxef!  Alla ma ħalaqniex biex inkunu kaptani iżolati, imma biex nimxu flimkien.  Niżżuh ħajr u nitolbuh għall-familji tagħna.  Alla jarana u jridna flimkien: grati, magħqudin, bil-ħila li nħarsu l-għeruq.  U rridu naħsbu f’dan, fl-istorja personali.

It-tieni aspett: kull jum li jgħaddi nibqgħu nitgħallmu nkunu familja.  Fl-Evanġelju naraw li anki fil-Familja Mqaddsa mhux kollox lixx: hemm problemi mhux mistennija, diqa ta’ qalb, tbatijiet.  Il-Familja Mqaddsa tas-santi ma teżistix.  Marija u Ġużeppi jitilfu lil Ġesù u mnikktin ifittxuh, biex isibuh tliet ijiem wara.  U meta, bilqiegħda qalb l-imgħallmin tat-Tempju jweġibhom  li kellu jkun f’dak li hu ta’ Missieru, ma jifhmux.  Kellhom bżonn aktar żmien biex jitgħallmu jagħrfu min kien binhom.  L-istess għalina: kuljum, fil-familja, hemm bżonn nitgħallmu nsimgħu lil xulxin, nifhmu lil xulxin, nimxu flimkien, inħabbtu wiċċna ma’ kunflitti u diffikultajiet.  Hija l-isfida tal-ħajja ta’ kuljum, u din negħlbuha bl-atteġġjament xieraq, bl-attenzjoni lejn l-affarijiet iż-żgħar, bil-ġesti sempliċi, billi neħdu ħsieb id-dettalji tar-relazzjonijiet ta’ bejnietna.  U dan ukoll, jgħinna ħafna: li nitkellmu fil-familja, waqt l-ikel, id-djalogu bejn il-ġenituri u l-ulied, id-djalogu bejn l-aħwa, ikun ta’ għajnuna għalina ngħixu b’dak l-għerq familjari li jiġi min-nanniet.  Id-djalogu man-nanniet!

U kif isir dan?  Inħarsu lejn Marija li fl-Evanġelju tal-lum lil Ġesù tgħidlu: “Missierek u jien konna qed infittxuk” (v. 48).  Missierek u jien, ma tgħidx jien u missierek: qabel il-jiena hemm l-int.  Fil-lingwa tiegħi hemm aġġettiv għan-nies li l-ewwel jgħidu jien u mbagħad int: “Jien jien u miegħi u għalija u għall-vantaġġ tiegħi”.  Nies magħmulin hekk, l-ewwel jien u mbagħad int.  Le, fil-Familja Mqaddsa l-ewwel hemm l-int u mbagħad il-jien.  Biex inżommu l-armonija fil-familja hemm bżonn niġġieldu d-dittatura tal-jien, meta l-jien jintefaħ bih innifsu.  Hemm periklu meta, minflok nisimgħu lil xulxin, nakkużaw lil xulxin bl-iżbalji; meta, minflok ġesti ta’ kura għall-oħrajn, niffissaw fuq il-ħtiġijiet personali; meta, minflok niddjalogaw, ninqatgħu għalina waħedna bil-mowbajl; meta nakkużaw lil xulxin u nirrepetu dejjem l-istess ħaġa, nibdew kummiedja li nkunu diġà rajnieha, fejn kulħadd irid ir-raġun u fl-aħħar jaqa’ silenzju kiesaħ.  Dak is-silenzju li jaqta’, kiesaħ, wara xi diskussjoni fil-familja, huwa ikraħ, ikraħ għall-aħħar!  Intenni parir: filgħaxija, wara kollox, għamlu paċi, dejjem.  Qatt tmorru torqdu bla ma tkunu għamiltu paċi, inkella l-għada tibda’ “gwerra bierda”!  U din hi perikoluża għax tagħti bidu għal storja ta’ ċanfir, storja ta’ għadab.  Kemm drabi, sfortunatament, bejn il-ħitan tad-dar jitwieldu u jikbru l-kunflitti minħabba silenzju fit-tul u rjus iebsa bl-egoiżmu!  Kultant dawn iwasslu saħansitra għall-vjolenza fiżika u morali.  Dan ifarrak l-armonija u joqtol il-familja.  Ejjew nikkonvertu mill­-jien għall-int.  U kuljum, jekk jogħġobkom itolbu ftit flimkien, jekk tistgħu tagħmlu l-isforz, biex titolbu ‘l Alla id-don tal-paċi fil-familja.  U ejjew nimpenjaw ruħna lkoll – ġenituri, ulied, soċjetà ċivili – biex insostnu, niddefendu u nħarsu l-familja li hi t-teżor tagħna!

Jalla l-Verġni Marija, għarusa ta’ Ġużeppi u omm Ġesù, tħares il-familji tagħna.

 

Wara l-Angelus

 

Issa se nindirizza lill-miżżewġin tad-dinja kollha.

Illum, fil-festa tal-Familja Mqaddsa, ħarġet Ittra li ktibt apposta għalikom.  Irridha tkun rigal tal-Milied għalikom, miżżewġin: inkoraġġiment, sinjal ta’ qrubija u wkoll okkażjoni ta’ meditazzjoni.   Importanti nirriflettu u nġarrbu t-tjubija u t-tenerezza ta’ Alla li b’id ta’ missier imexxi l-passi tal-miżżewġin fit-triq tas-sewwa.  Jalla l-Mulej jagħti lill-miżżewġin kollha l-qawwa biex ikomplu l-mixja li bdew.  Irrid infakkarkom ukoll li resqin lejn il-Laqgħa Dinjija tal-Familji: nistedinkom titħejjew għal dil-ġrajja, speċjalment bit-talb, u biex tgħixuha fid-djoċesijiet tagħkom, flimkien mal-familji l-oħra.

U jien u nitkellem dwar il-famlja għandi tħassib, preokkupazzjoni vera, tal-anqas hawn fl-Italja: ix-xitwa demografika.  Donnu li ħafna tilfu x-xenqa li jrabbu l-ulied u bosta koppji jippreferu jibqgħu mingħajrhom inkella b’wild wieħed.  Aħsbu ftit f’dan, hi traġedja.  Ftit minuti ilu, fil-prgramm “A Sua immagine” rajt kif kienu qed jitkellmu dwar dil-problema tax-xitwa demografika.  Ejjew ilkoll nagħmlu ħilitna biex niksbu lura l-kuxjenza, ħalli negħlbu din ix-xitwa demografika li tmur kontra l-istess familji tagħna, kontra l-patrija, u kontra l-ġejjieni tagħna wkoll.

Issa nsellem lilkom ilkoll, pellegrini li ġejtu mill-Italja u minn pajjiżi differenti: - hawn qed nara pollakki, brażiljani, u hemmhekk qed nara wkoll lill-kolombjani – lill-familji, lill-gruppi parrokkjali, lill-assoċjazzjonijiet.  Inġedded l-awguri li l -kontemplazzjoni tal-Bambin Ġesù, il-qofol u ċ-ċentru tal-festi tal-Milied, tqajjem fina atteġġjamenti ta’ fraternità u kondiviżjoni fil-famliji u fil-komunitajiet.  U biex tiċċelebraw xi ftit il-Milied żuru l-presepju li għandna fil-pjazza u l-100 presepju li hemm taħt il-kolonnat, dan ukoll ikunilna ta’ għajnuna.

Dal-ġranet irċevejt bosta messaġġi ta’ awguri minn Ruma u minn bosta nħawi oħra tad-dinja.  Sfortunatament mhux possibbli għalija nwieġeb lil kulħadd, imma nitlob għal kull wieħed u waħda u rrodd ħajr speċjalment għat-talb li wegħedtu għalija.  Itolbu għalija, tinsewx.  Grazzi ħafna u l-festa tal-Familja Mqaddsa t-tajba.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber