FESTA TA' SAN STIEFNU PROTOMARTRI

ANGELUS

Biblijoteka tal-Palazz Appostoliku

Is-Sibt, 26 ta' Diċembru, 2020

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-bieraħ kellimna dwar Ġesł "il-veru dawl" li ġie fid-dinja, dawl "li jiżreġ fid-dlam" u li "d-dlam ma għelbux" (Ġw 1, 9.5).  illum naraw lix-xhud ta' Ġesł, San Stiefnu, li jiddi fid-dlam.  Ix-xhieda jiddu bid-dawl ta' Ġesł mhumiex dawl fihom infushom.  Lanqas il-Knisja m'għandha d-dawl tagħha; minħabba f'hekk il-missirijiet tal-qedem kienu jagħrfu l-Knisja bħala: "l-misteru tal-qamar".   L-istess kif il-qamar m'għandux id-dija fih innifsu, ix-xhieda m'għandhomx dija fihom infushom, il-ħila tagħhom hi li jieħdu d-dawl minn Ġesł u jkunu rifless tiegħu.  Stiefnu jiġi mixli bil-qerq u mħaġġar bla ħniena, imma fid-dlam tal-mibgħeda, waqt it-turment tat-tħaġġir, hu jilma d-dawl ta' Ġesł: jitlob għal dawk li kienu qed joqtluh u jaħfrilhom, bħal Ġesł fuq is-salib.  Hu l-ewwel martri, jiġifieri l-ewwel xhud, l-ewwel minn sensiela ta' ħutna rġiel u nisa li, sal-lum, għadhom iwasslu d-dawl fid-dlam: persuni li jwieġbu għall-ħażin bit-tajjeb, li ma jaqgħux għall-vjolenza u għall-gideb, imma jkissru l-ispirali tal-mibgħeda bil-manswetudni tal-imħabba.  Dawn ix-xhieda jixgħelu ż-żerniq ta' Alla fl-iljieli tad-dinja.

Imma kif insiru xhieda?  Bl-imitazzjoni ta' Ġesł, billi nieħdu d-dawl minn Ġesł.  Din hi t-triq għal kull nisrani: jimita lil Ġesł, jixrob id-dawl minn Ġesł.  San Stiefnu jtina l-eżempju: Ġesł ġie biex jaqdi mhux biex ikun moqdi (cfr Mk 10,45), u hu jgħix biex jaqdi u mhux biex ikun moqdi, u hu jiġi biex jaqdi: Stiefnu kien magħżul djaknu, jiġifieri qaddej, u kien jgħin lill-foqra fl-imwejjed (Atti 6,2).  Jagħmel ħiltu biex jimita lill-Mulej kuljum u jagħmel hekk sal-aħħar:  jisfa arrestat bħal Ġesł, ikkundannat u maqtul 'il barra mill-belt, u, bħal Ġesł, jitlob u jaħfer.  Waqt li kienu qed iħaġġruh jgħid: "Mulej, tgħoddhulhomx dan id-dnub" (7,60).  Stiefnu hu xhud għax jimita lil Ġesł.

Imma tista' tqum mistoqsija: jiswew verament dawn it-testimonjanzi ta' tjubija, meta fid-dinja ssaltan il-kattiverja?  X'jiswa li titlob u taħfer?  Biex tkun ta eżempju tajjeb biss?  Imma għal xiex iservi dak?  Le, hemm ħafna aktar minn hekk.  Niskopruh minn dettall.  Fost dawk li Stiefnu kien qed jitlob għalihom u li kien qed jaħfrilhom, kien hemm, jgħidilna t-test, "żagħażugħ jismu Sawlu" (v. 58) li kien "fehma waħda magħhom fil-mewt li tawh" (8, 1).  Ftit wara, bil-grazzja t'Alla, Sawl jikkonverti, jirċievi d-dawl ta' Ġesł, jaċċettah, jikkonverti u jsir Pawlu, l-akbar missjunarju tal-istorja.  Pawlu jitwieled propju mill-grazzja t'Alla imma permezz tal-maħfra ta' Stiefnu.  Din hi ż-żerreigħa tal-konverżjoni.  Hi l-prova li l-ġesti ta' mħabba jibdlu l-istorja: ukoll dawk żgħar, moħbija, ta' kuljum.  Għaliex Alla jmexxi l-istorja permezz tal-kuraġġ umli ta' min jitlob, iħobb u jaħfer.  Tant qaddisin moħbija, il-qaddisin tal-bieb ta' ħdejna, xhieda moħbija tal-ħajja, b'ġesti żgħar ta' mħabba li jibdlu l-istorja.

Li nkunu xhieda ta' Ġesł jgħodd għalina wkoll.  il-Mulej irid li ħajjitna nagħmluha opra straordinarja permezz tal-ġesti ordinarji, il-ġesti tal-ħajja ta' kuljum.  Hemmhekk, fejn ngħixu, fil-familja, fuq ix-xogħol, kullimkien, aħna msejħin biex inkunu xhieda ta' Ġesł, anki billi nagħtu d-dawl bi tbissima, dawl li mhuwiex tagħna: hu ta' Ġesł, anki jekk biss naħarbu mid-dellijiet tat-tqassis u tal-pettegolezzi.  Imbagħad, meta naraw xi ħaġa li mhix sejra sew, minflok nikkritikaw, inpaċpċu, nilmentaw, nitolbu għal min ikun żbalja u għal dik is-sitwazzjoni diffiċli.  U meta fid-dar tinqala' diskussjoni, minflok nippruvaw nieħdu tagħna minn fuq, nippruvaw inberrdu' u nerġgħu nibdew mill-ġdid kull darba, naħfru lil min offenda.  Affarijiet żgħar, imma jibdlu l-istorja għax jiftħu l-bieb, jiftħu t-tieqa għad-dawl ta' Ġesł.  Waqt li kien qed jilqa' ġo fih il-ġebel tal-mibgħeda, San Stiefnu kien qed irodd lura kliem ta' maħfra.  B'hekk bidel l-itorja.  Aħna wkoll, ta' kuljum, nistgħu nbiddlu l-ħażin f'tajjeb, kif jissuġġerixxi proverbju sabih li jgħid: "Agħmel bħal-palma: jitfgħulha l-ġebel u hi tħalli t-tamal jaqa'".

Illum nitolbu għal kull min qed isofri l-persekuzzjoni f'isem Ġesł.  Sfortunatament huma ħafna.  Huma aktar milli kien hemm fl-ewwel żminijiet tal-Knisja.  Inħallu f'idejn il-Madonna lil dawn ħutna li jwieġbu bil-maswetudni għall-oppressjoni u, bħala xhieda veri ta' Ġesł, jegħlbu l-ħażen bit-tajjeb.

 

Wara l-Angelus

 

Għeżież ħuti,

insellem likom ilkoll, familji, gruppi u fidili singoli li qed issegwu dan il-waqt ta' talb permezz tal-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali.  Ikollna nagħmlu hekk biex nevitaw li n-nies jiġu fil-pjazza.  Hekk, biex nikkollaboraw mad-dispożizzjonijiet li tawna l-awtoritajiet, biex ngħinu lil xulxin naħarbu minn dil-pandemija.

Jalla l-atmosfera tal-ferħ tal-Milied, li llum għadha tidwi fi qlubna, tqanqal f'kulħadd ix-xewqa li nikkuntemplaw lil Ġesł fil-presepju, biex naqduh u nħobbuh fil-persuni li jinsabu maġenbna.  F'dal ġranet irċevejt messaġġi ta' awguri minn Ruma u minn inħawi oħra tad-dinja.  Impossibbli nwieġeb għalihom wieħed wieħed, imma napprofitta ruħi biex issa nesprimi l-gratitudni tiegħi, speċjalment għad-don tat-talb li intom toffru għalija u li jien irroddilkom lura minn qalbi

Il-festa ta' San Stiefnu t-tajba.  Jekk jogħġobkom, komplu itolbu għalija.

L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber