IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Kappella tad-Dar Santa Marta

Il-Ħadd 26 ta’ Novembru, 2023

Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!

Il-Papa: Illum ma nistax noħroġ fit-tieqa għax għandi infezzjoni fil-pulmuni u se jaqra r-riflessjoni Mons Braida għax jafha sew, għax hu jagħmilhom u dejjem ikunu tajbin ħafna!  Grazzi ħafna tal-preżenza tagħkom.

Mons Braida:

Illum, l-aħħar Ħadd tas-Sena Liturġika hija s-Solennità ta’ Kristu Sultan tal-Ħolqien kollu, l-Evanġelju jkellimna dwar il-ġudizzju universali (cfr Mt 25,31-46) u jgħidilna li dan se jkun dwar il-karità.

Ix-xena li għandna quddiemna hi ta’ sala regali li fiha Ġesù,, “Bin il-Bniedem” (v. 31), qiegħed bilqiegħda fuq tron.  Il-popli kollha huma miġburin f’riġlejh u fosthom  jispikkaw “l-imbierkin” (v. 34), il-ħbieb tar-Re.  Imma min huma?  X’għandhom speċjali dawn il-ħbieb f’għajnejn Sidhom?  Skont il-kriterji tad-dinja l-ħbieb tar-re għandhom ikunu dawk li jtuh ir-rikkezzi u s-setgħa, li għenuh jikseb territorji u jirbaħ il-battalji, għenuh jikber imqabbel ma rejiet oħra, u forsi jidher bħala stilla fuq l-ewwel faċċati tal-ġurnali inkella fuq il-mezzi soċjali, u lilhom imbagħad jgħidilhom: “Grazzi, għamiltuni sinjur, famuż, l-għira tal-oħrajn u jibżgħu minni”  Dan skont il-kriterji tad-dinja.

Iżda skont il-kriterji ta’ Ġesù il-ħbieb huma oħrajn: huma dawk li servewh fl-aktar persuni dgħajfa.  Dan għaliex Bin il-Bniedem huwa Re differenti għal kollox, li lill-foqra jsejħilhom “ħuti”, li jidentifika ruħu ma’ min hu bil-ġuħ, bil-għatx, barrani, marid, ħabsi, u jgħid: “kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi “ (v. 40).  Hu Re sensibbli għall-problema tal-ġuħ, għall-ħtiġijiet ta’ xi dar, għall-mard, għall-priġunerija (cfr vv. 5-36): kollha realtajiet li sfortunatament dejjem huma attwali.  L-imġewħin, il-persuni bla saqaf, spiss lebsin kif ġie ġie, jimlew triqatna: niltaqgħu magħhom kuljum.  U wkoll fil-kas ta’ mard u ħabs: ilkoll nafu xi jfisser tkun marid,  tiżbalja u tbati l-konsegwenzi.

L-Evanġelju llum jgħidilna li aħna “mberkin” jekk inwieġbu għal dal-faqar bl-imħabba, bis-servizz: mhux indawru wiċċna n-naħa l-oħra, imma billi nitimgħu u nisqu, illibsu, nospitaw, inżuru, fi kliem ieħor inkunu qrib ta’ min hu fil-bżonn.  Dan għaliex ir-Re tagħna li jgħid li hu Bin il-Bniedem, ħutu l-favoriti huma n-nisa u l-irġiel l-aktar dgħajfa.  Is-“sala rjali” tiegħu hi mħejjija fejn jinsab min qed ibati u għandu bżonn l-għajnuna.  Dan hu l-palazz tar-re tagħna.  Huwa l-istil li bih ħbiebu għandhom sejħa biex jingħarfu, dawk li Ġesù hu l-Mulej, is-Sid tagħhom u għandhom l-istil tiegħu: il-kumpassjoni, il-ħniena, il-ħlewwa.  Qalbhom tinnobilita ruħha u jinżlu bħaż-żejt fuq il-pjagi ta’ min hu miġruħ mill-ħajja.

Allura, ħuti, nistaqsu: aħna nemmnu li l-veru regalità hija l-ħniena?  Nemmnu fil-qawwa tal-imħabba?  Nemmnu li l-karità hi l-manifestazzjoni l-aktar regali tal-bniedem, u hija esiġenza li n-nisrani ma jistax jaħrab minnha?  U fl-aħħar, mistoqsija partikolari: jien ħabib tar-Re, inħoss li għandi ninvolvi ruħi personalment fil-ħtiġijiet tal-batuti li niltaqa’ magħhom fit-triqti?

Marija, Reġina tas-Sema u l-Art, tgħinna nħobbu lil Ġesù Sultan tagħna, fl-iżgħar fost ħutu.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Illum, fil-Knejjes partikolari qed issir iċ-ċelebrazzjoni tat-38 Jum Dinji taż-Żgħażagħ, bit-tema Henjin bit-tama.  Inbierek lil kulmin qed jieħu sehem fl-inizjattivi mnedija mid-djoċesijiet, bi tkomplija tal-JDŻ ta’ Lisbona.  Inħaddan liż-żgħażagħ, il-preżent u l-futur tad-dinja, u nħeġġiġhom biex ikunu protagonisti ferħana tal-ħajja tal-Knisja.

Ilbieraħ, l-Ukrajna martri, fakkret il-Holodomor, il-ġenuċidju mwettaq mir-reġim sovjetiku li, 90 sena ilu, ħalla jmutu bil-ġuħ miljuni ta’ persuni.  Dik il-ferita ta’ wġigħ kbir, minflok fieqet, saret ta’ niket akbar minħabba l-atroċitajiet tal-gwerra li minħabba fiha dak il-poplu għażiż għadu jbati.  Inkomplu nitolbu bla heda għall-popli kollha mfarrkin minħabba l-kunflitti, għax it-talb hu l-forza tal-paċi li jkisser l-ispirali tal-mibgħeda, ifarrak iċ-ċirku tat-tpattija u jiftaħ toroq mhux mistennija ta’ rikonċiljazzjoni.  Illum niżżu ħajr ‘l Alla għax bejn Iżrael u l-Palestina sa fl-aħħar issiktu l-armi u nħelsu xi ostaġġi.  Nitolbu biex mill-aktar fis jinħelsu kollha – niftakru fil-familji tagħhom -, jalla f’Gaża tidħol għajnuna umanitarja u jalla d-djalogu jirbaħ: huwa t-triq waħdanija, hu biss iwassal għall-paċi. Min ma jridx jiddjaloga ma jridx il-paċi.

Minbarra l-gwerra d-dinja tagħna hi mhedda minn periklu kbir ieħor, dak tal-klima, li qed iqiegħed f’riskju l-istess ħajja fuq l-Art, speċjalment għall-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni.  Dan hu l-maqlub tal-proġett ta’ Alla li ħalaq kollox għall-ħajja.  Għalhekk, fi tmiem il-ġimgħa li ġej se mmur fl-Emirati Għarab Magħquda biex is-Sibt nieħu sehem fil-konferenza COP28 f’Dubai.  Irrodd ħajr li dawk li se jakkumpanjaw dal-vjaġġ it-talb u bl-impenn li jagħmlu tagħhom il-ħarsien tad-dar komuni.

Nilqa’ b’għożża lilkom pellegrini mill-Italja u minn inħawi oħra tad-dinja, partikolarment lil dawk li ġew mill-Pakistan, mill-Polonja u mill-Portugall.  Insellem lill-fidili minn Civitavecchia, Tarquinia u Piacenza, lid-Deputazzjoni San Vito Martri mill-Lequile (Lecce).  Insellem lill-adoloxxenti tal-Griżma minn Viserba (Rimini), lill-grupp “Assisi nel vento” u lill-kor “Don Giorgio Trotta” minn Vieste.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan  minn Joe Huber