IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 26 ta’ Marzu, 2023

 Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

 Illum, il-ħames Ħadd tar-Randan, l-Evanġelju jtina l-qawmien mill-mewt ta’ Lażżru (cfr Ġw 11, 1-45).  Huwa l-aħħar miraklu ta’ Ġesù li nsibu rakkuntat qabel l-Għid: il-qawmien mill-mewt ta’ ħabibu Lażżru.  Lażżru hu ħabib tal-qalb ta’ Ġesu, li jaf li wasal biex imut; jibda miexi, iżda jasal fid-dar ta’ Lażżru erbgħat ijien wara li difnuh, meta kull tama kienet mitlufa.  Il-preżenza tiegħu, però terġa’ tkebbes xi ftit tal-fiduċja f’qalb ħutu Marta u Marija (cfr vv. 22.27)  Huma, minkejja n-niket, jiggranfaw ma’ dan id-dawl, ma’ din it-tama ċkejkna.  Ġesù jistedinhom biex ikollhom il-fidi u jitlob li jinfetaħ il-qabar.  Imbagħad jitlob lil-Missier, u lil Lażżru jordnalu: “Oħroġ!”  U dan jibda jgħix mill-ġdid u joħroġ.  Dan hu l-miraklu, hekk, sempliċiment.

Il-messaġġ hu ċar: Ġesù jagħti l-ħajja wkoll meta donnha tkun intelfiet kull tama.  Kultant jiġri li nħossuna bla tama – kulħadd jgħaddi minnha din -, inkella tiltaqa’ ma’ xi persuni li waqfu jittamaw, mimlijin imrar għax għaddew minn esperjenzi koroħ, b’qalb miġrugħa li ma tistax tittama.  Minħabba l-weġgħa ta’ xi telfa, marda, bin-nigża ta’ xi delużjoni, xi tort jew tradiment imġarrab, xi żball gravi li jkunu għamlu... ikunu waqfu jittamaw.  Kultant nisimgħu lil xi ħadd jgħid: “mhemm xejn aktar x’nagħmel!”, u jagħlaq il-bieb għal kull tama.  Huma waqtiet li fihom il-ħajja tixbaħ qabar magħluq: kollox dlam, madwar hemm biss tbatija u disperazzjoni.  Il-miraklu tal-lum jurina li l-affarijiet huma xort’oħra, it-tmiem mhux dan, li f’dawn il-waqtiet m’aħniex waħedna, anzi, propju f’dawn il-mumenti Hu jersaq lejna daqs qatt qabel biex jerġa’ jtina l-ħajja.  Ġesù jibki: L-Evanġelju jgħidilna li quddiem il-qabar ta’ Lażżru Ġesù beka, u llum Ġes,ù jibki magħna, kif seta’ jibki lil Lażżru: l-Evanġelju darbtejn jgħidilna li Ġesù ħassu mqanqal (cfr vv. 33.38) u jisħaq li Ġesù nfaqa’ jibki (cfr v. 35).  U, fl-istess waqt Ġesù jistedinna biex ma nieqfux nemmenu u nittamaw, jgħidilna, biex ma nħallux is-sentimenti negattivi, li jisiltulna d-dmugħ, jgħaffġuna.  Jersaq lejn l-oqbra tagħna u jgħidilna, bħal dakinhar: “neħħu l-blata” (v. 39).  F’waqtiet bħal dawn aħna qiesu jkollna blata  ġewwa fina u l-uniku li għandu ħila jneħħiha hu Ġesù, bil-kelma tiegħu: “Neħħu l-blata”.

Ġesù jgħid dan lilna wkoll.  Neħħu l-blata: in-niket, l-iżbalji, il-fallimenti wkoll, taħbuhomx ġewwa fikom, f’xi kamra mudlama u solitarja, magħluqa.  Neħħu l-blata: berrħu dak kollu lil hemm ġo fikom.  “Ah! Iġagħalni nistħi”.  Itfgħuh quddiemi bil-fiduċja, jgħid il-Mulej, jien ma nieħux skandlu; itfgħuh fija bla biża’ għax jiena magħkom, inħobbkom u nixtiequ li terġgħu tibdew tgħixu. U, bħalma qal lil Lażżru, jirrepeti lil kull wieħed u waħda minna: “Oħroġ!”  Qum mill-ġdid, erġa’ ibda miexi, ikseb il-kuraġġ mill-ġdid!  Kemm drabi fil-ħajja sibna ruħna hekk, f’sitwazzjoni fejn ma jkunx baqgħalna saħħa nerġgħu nqumu.  U Ġesù: “Ibqa’ miexi, ibqa’ miexi ‘l quddiem!  Jien miegħek”.  Naqbdek minn idek, jgħid Ġesù, bħal meta kont żgħir u kont titgħallem tmidd l-ewwel  passi.  Għażiż ħija, għażiża oħti,  neħħi l-faxex li qed jorbtuk (cfr v. 45); jekk jogħġobkom iċċedux quddiem il-pessimiżmu li jiddemoralizzakom, iċċedux għall-biża’ li jiżolakom, iċċedux quddiem l-iskoraġġiment intom u tiftakru esperjenzi koroħ, iċċedux quddiem il-biża’ li jipparalizzakom.  Ġesù jgħidilna: “Jien irridek ħieles, irridek ħaj, ma nabbandunakx u jien miegħek!.  Kollox dlam imma jien ninsab miegħek!  Tħallix l-uġigħ ijassrek, tħallix it-tama tmut.  Ħija, oħti, erġa’ ibda għejx!” – “U kif nagħmel?? – “Aqbadni minn idejja”, u Hu jmexxina minn idejna.  Ħallih jiġbdek ‘il barra: Hu għandu ħila jagħmel dan, waqt dawn il-waqtiet koroħ li ngħaddu minnhom ilkoll.

Għeżież ħuti, dis-silta mill-kapitlu 11 tal-Evanġelju ta’ Ġwanni, li jagħmlilkom tajjeb ħafna jekk taqrawh, huwa innu lill-ħajja, u qed jitħabbar meta l-Għid hu qrib.  Forsi aħna wkoll, f’dal-mument, għandna xi piż itaqqal qlubna jew xi tbatija, li donnhom qed jgħaffġuna; xi ħaġa kerha, xi dnub antik li ma jirnexxilniex nistqarruh, xi żball taż-żgħożija, qatt ma tista’ tkun taf.  Dawn l-affarijiet koroħ għandhom joħorġu.  U Ġesù jgħid: “Oħroġ!”  Dak ikun il-mument li nneħħu l-blata u li noħorġu niltaqgħu ma’ Ġesù li hu qrib.  Jirnexxielna niftħulu qalbna u nafdawlu l-preokkupazzjonijiet tagħna?  Nagħmluh dan?  Jirnexxielna niftħu l-qabar tal-problemi, għandna ħila, u nħarsu lil hinn mill-għatba, lejn id-dawl tiegħu, jew nibżgħu minnu dan?  U min-naħa tagħna, bħala merja żgħar tal-imħabba t’Alla, jirnexxielna ndawlu l-ambjenti li ngħixu fihom bi kliem u ġesti tal-ħajja?  Aħna xhieda tat-tama u l-glorja ta’ Ġesù?  Aħna, midinbin, ilkoll?  U rrid ngħid ukoll kelma lill-konfessuri: għeżież ħuti, tinsewx li intom ukoll midinbin, u tkunu fil-kunfessinarju mhux biex tittorturaw imma biex taħfru, u taħfru kollox, bħalma l-Mulej jaħfer kollox.

Jalla Marija, Omm it-Tama, ġġdedded fina l-ferħ li ma nħossuniex waħedna u s-sejħa biex inwasslu d-dawal fid-dlam li mdawrin bih.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Ilbieraħ, solennità tat-Tħabbira tal-Anġlu, ġeddidna l-konsagrazzjoni lill-Qalb Immakulata ta’ Marija, biċ-ċertezza li l-konverżjoni tal-qlub biss tista’ tiftaħ it-triq li twassalna għall-paċi.  Inkomplu nitolbu għall-poplu ukren ittorturat b’kefrija.

U nibqgħu qrib ukoll it-terremotati tat-Turkija u s-Sirja.  Il-ġabra speċjali li qed issir illum fil-parroċċi kollha tal-Italja se tmur għalihom.  Nitolbu wkoll għall-popolazzjoni tal-Istat tal-Mississippi, li ntlaqtu minn tromba tal-arja qerrieda.

Insellem likom ilkoll, rumani u pellegrini minn tant pajjiżi, partikolarment lil dawk minn Madrid u minn Pamplona u lill-messikani; kif ukoll lill-peruvjani, waqt li nġedded is-sejħa għat-talb biex ikun hemm ir-rikonċiljazzjoni u l-paċi fil-Perù.  Għandna nitolbu għall-Perù li qed isofri ħafna.

Insellem lill-fidili minn Zollino, Rieti, Gazzani u Capriano del Colle, Bellizzi, Crotone u Castelnovo Monti flimkien mal-Unitalsi; u nsellem lil dawk li se jagħmlu l-Griżma minn Pavia, Melendugno, Cavaion u Sega, Settignano u Prato; lill-adoloxxenti minn Ganzanigo, Acilia u Longi; u l-Assoċjazzjoni Ħbieb tal-Kurċifiss mir-reġjun ta’ Marche.

Insellem b’mod speċjali lid-delegazzjoni tal-Forzi Militari tal-Ajru Taljani, li qed jiċċelebraw iċ-ċentinarju tal-fundazzjoni.  Nagħtikom xewqat mill-isbaħ għal din ir-rikorrenza u ninkoraġġikom biex taħdmu dejjem għall-bini tal-ġustizzja u l-pa         ċi.

Nitlob għalikom ilkoll u intom għamlu hekk ukoll għalija.  U nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  L-ikla t-tajba u arrivederci..

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber