IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd 25 ta' Ottubru, 2020

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fil-paġna tal-Evanġelju tal-lum (cfr Mt 22,34-40), dutttur tal-Liġi jistaqsi lil Ġesł liema hu "l-akbar kmandament" (v. 36) tal-Liġi divina kollha.  Ġesł jwieġeb sempliċiment: "Ħobb lill-Mulej Alla tiegħek, b'qalbek kollha, b'ruħek kollha u b'moħħok kollu" (v. 37).  U minnufih iżid: "It-tieni wieħed jixbħu: "Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek" (39).

It-tweġiba ta' Ġesł tiġbor u tgħaqqad żewġ preċetti fundamentali li Alla ta lill-poplu tiegħu permezz ta' Mosč (cfr Dewt 6,5; Lv 19,18).  U b'hekk joħroġ min-nasba li kienet tħejjiet "biex iġġarbu" (35).  Infatti, dak li għamillu l-mistoqsija pprova jdaħħlu fid-diskussjoni bejn l-esperti tal-Liġi dwar il-ġerarkija tal-preskrizzjonijiet.  Imma Ġesł jistabbilixxi żewġ prinċipji essenzjali tal-ħajja għal min jemmen f'kull żmien.  L-ewwel hu li l-ħajja morali u reliġjuża ma tistax titqies bħala sempliċi ubbidjenza ansjuża u sfurzata.  Hemm nies li jippruvaw jobdu l-kmandamenti b'ansjetą jew bil-fors, u Ġesł jfehemna li l-ħajja morali u reliġjuża  mhix ubbidjenza ansjuża u sfurzata, imma bħala prinċipju għandu jkollha l-imħabba.  It-tieni fus hu li l-imħabba dejjem għandha tmil, magħquda u mingħajr firda lejn Alla u lejn il-proxxmu.  Din hi waħda min-novitajiet ewlenin tat-tagħlim ta' Ġesł u tgħinna nifhmu li l-imħabba awtenitka mhix imħabba vera dment li ma tesprimix ruħha fl-imħabba lejn il-proxxmu; u, bl-istess mod, mhix imħabba vera tal-proxxmu dik li ma tixrobx mill-ilma tar-relazzjoni ma' Alla.

Ġesł jtemm it-tweġiba tiegħu b'dal-kliem: "Dawn iż-żewġ kmandamenti huma l-qofol tal-Liġi kollha u tal-Profeti" (v. 40).  Dan ifisser li l-preċetti kollha li l-Mulej ta lill-poplu tiegħu huma marbutin flimkien mal-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu.  Infatti, il-kmandamenti kollha qiegħdin hemm biex titwettaq, biex jesprimu dik l-imħabba doppja li ma tistax tinfired.  L-imħabba t'Alla nistqarruha fuq kollox permezz tat-talb, partikolarment bl-adorazzjoni.  Aħna nittraskurawha wisq l-adorazzjoni ta' Alla.  Nagħmlu talb ta' radd il-ħajr, supplika biex naqilgħu xi ħaġa.., imma nittraskuraw l-adorazzjoni.  Ir-ruħ tat-talb hi l-adorazzjoni.  U l-imħabba tal-proxxmu, li tissejjaħ ukoll karitą fraterna, hi qrubija, smigħ, qsim, kura tal-ieħor.  U tant drabi aħna ma rridux nisimgħu lill-ieħor għax idejjaqna inkella għax jaħlilna l-ħin, inkella għax ikollna nġorru miegħu, nakkumpanjawh fid-dwejjaq tiegħu, fil-provi li jgħaddi minnhom....  Imma dejjem insibu ħin biex inpaċpċu, dejjem!  M'għandniex ħin biex infarrġu lill-imnikktin, imma nsibu ħafna ħin għat-tpaċpiċ.  Oqgħodu attenti!  L-appostlu Ġwanni jikteb: "Jekk ma tħobbx lil ħuk li qed tara kif tista' tħobb lil Alla li ma tarahx?" (1 Ġw 4, 20).  F'hekk tidher l-għaqda  bejn dawn iż-żewġ kmandamenti.

Fl-Evanġelju tal-lum, għal darb'oħra, Ġesł jgħinna biex immoru lejn l-għajn ħajja u li tgelgel, tal-Imħabba.  U din l-għajn hija Alla nnifsu, li għandna nħobbuh b'qalbna kollha f'komunjoni li xejn u ħadd ma jista' jkisser.  Komunjoni li hi don li għanda nitolbu għalih kuljum, imma wkoll impenn personali biex ma nħallux li ħajjitna ssir ilsiera tal-idoli tad-dinja.  U l-qies tal-mixja tagħna lejn il-konverżjoni u l-qdusija dejjem jinsab fl-imħabba tal-proxxmu.  Din hi l-konferma: jekk jien ngħid "inħobb 'l Alla" u ma nħobbx il-proxxmu, mhix imħabba.  Il-konferma li jien inħobb 'l Alla hi li nħobb il-proxxmu.  Sakemm jibqa' ħija jew oħti li qalbna magħluqa għalihom, inkunu għadna bogħod milli nkunu dixxipli kif iridna Ġesł.  Imma l-ħniena divina tiegħu ma tħalliniex nitilfu l-kuraġġ, anzi ssejħilna biex nibdew mill-ġdid, kuljum, biex ngħixu l-Evanġelju b'mod koerenti.

L-interċessjoni ta' Maria Santissma tiftħilna qlubna biex nilqgħu "l-kmandament il-kbir", il-kmandament doppju tal-imħabba, li jiġbor fih il-liġi kollha ta' Alla u li minnu tiddependi s-salvazzjoni tagħna.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

qed insegwi bi tħassib kbir l-aħbarijiet li qed jaslu min-Niġerja, dwar il-ġlied vjolenti li kien hemm dan l-aħħar bejn il-forzi tal-ordni u xi żgħażagħ li kienu jipprotestaw.  Nitolbu lill-Mulej sabiex dejjem tkun miċħuda kull għamla ta; vjolenza, fit-tiftix bla heda tal-armonija soċjali billi nippromwovu l-ġustizzja u l-ġid komuni.

Insellem lillkom ilkoll, rumani u pellegrini minn diversi pajjiżi: familji, gruppi parrokkjali, assoċjazzjonijiet u fidili singoli.  Insellem b'mod partikolari lill-grupp "Ċellula ta' evanġeliżżazzjoni" mill-parroċċa ta' San Mikiel Arkanġlu f'Ruma; u wkoll lill-adoloxxenti tal-Immakolata, li llum huma f'għadd ġmielu.

Fit-28 ta' Novembru li ġej, fil-vġilli tal-ewwel Ħadd tal-Avvent, se nlaqqa' Konċistorju għall-ħatra ta' tlettax-il Kardinal ġodda. 

Dawn huma l-ismijiet tal-Kardinali l-ġodda:

Mons. Mario Grech, Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet;

Mons. Marcello Semeraro, Prefett tal-Kongregazzjoni għall-Kawżi tal-Qaddisin;

Mons. Antoine Kambanda, Arċisqof ta' Kigali, fir-Rwanda;

Mons. Wilton Gregory, Arċisqof ta' Washington;

Mons. José Advincula, Arċisqof ta' Capiz, fil-Filippini;

Mons. Celestino Aós Braco, Arċisqof ta' Santiago del Cile;

Mons. Cornelius Sim, Isqof titulari ta' Puzia di Numidia u Vigarju Appostoliku ta' Brunei,Kuala Lumpur;

Mons. Augusto Paolo Lojudice, Arċisqof ta' Siena-Colle Val d’Elsa-Montalcino;

Fra Mauro Gambetti, franġiskan konventwali, Kustodju ta' Kunvent Imqaddes ta' Assisi

Flimkien magħhom se ngħaqqad bħala membri tal-Kulleġġ tal-Kardinali lil:

Mons. Felipe Arizmendi Esquivel, Isqof emeritu ta' San Cristobal de las Casas, fil-Messiku;

Mons. Silvano M. Tomasi, Arċisqof titulari ta' Asolo, Nunzju Appostoliku;

Fra Raniero Cantalamessa, kapuċċin, Predikatur tad-Dar Pontifiċja;

Mons. Enrico Feroci, kappillan ta' Santa Maria del Divino Amore f'Castel di Leva.

 

Nitolbu għall-Kardinali l-ġodda sabiex filwaqt li jikkonfermaw l-għaqda tagħhom ma' Kristu, jgħinuni fil-ministeru ta' Isqof ta' Ruma, għall-ġid tal-poplu qaddis u fidil ta' Alla.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber