ŻJARA PASTORALI F’MATERA
GĦALL-GĦELUQ TAS-27 KUNGRESS EWKARISTIKU NAZZJONALI

Il-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Stadio comunale XXI Settembre (Matera)
Il-Ħadd, 25 ta’ Settembru, 2022

 

Fi tmiem din iċ-ċelebrazzjoni, nixtieq irrodd ħajr lilkom ilkoll li ħadtu sehem u rrappreżentajtu l-Poplu qaddis ta’ Alla li hawn fl-Italja.  Jien grat lejn il-Kardinal Zuppi li tkellem f’isimkom.  Nifraħ lill-komunità djoċesana ta’ Matera-Irsina għall-impenn fl-organizzazzjoni u l-akkoljenza; u rrodd ħajr lil dawk kollha li taw sehemhom f’dal-Kungress Ewkaristiku.

Issa, qabel intemmu, induru lejn il-Verġni Marija, Mara ewkaristika.  Nafdawlha l-mixja tal-Knisja fl-Italja, sabiex f’kull komunità tinxtamm il-fwieħa ta’ Kristu Ħobż ħaj li niżel mis-Sema.  Illum nażżarda nitlob aktar twelid, aktar ulied fl-Italja.  U ninvokaw l-interċessjoni materna tagħha għall-ħtiġijiet urġenti tad-dinja.

Qed niftakar partikolarment fil-Myanmar.  Għal aktar minn sentejn dak il-pajjiż nobbli huwa martri ta’ taqbid armat u vjolenza, li ħallew bosta vittmi u turufnati.  Dil-ġimgħa waslitli l-karba ta’ niket minħabba l-mewt tat-tfal fi skola li sfat ibbumbardjata.  Donnu din saret moda llum fid-dinja: il-bumbardament tal-iskejjel!  Jalla l-għajta ta’ dawn iċ-ċkejknin ma tibqax mhux mismugħa!  Dawn ir-taġedji m’għandhomx iseħħu!

Marija Reġina tal-Paċi tfarraġ lill-poplu martirizzat tal-Ukrajna u lill-kapijiet tan-nazzjonijiet ittihom il-qawwa li minnufih isibu inizjattivi effikaċi li jwasslu għat-tmiem tal-gwerra.

Ningħaqad mal-appell tal-Isqfijiet ta’ Camerun biex jingħataw il-ħelsien xi persuni li sfaw maħtufa fid-djoċesi ta’ Mamfe, fosthom ħames saċerdoti u soru.  Nitlob għalihom u għall-popolazzjoni tal-provinċja ekkleżjastika ta’ Bamenda: jalla l-Mulej inissel il-paċi fil-qlub u fil-ħajja soċjali ta’ dan il-pajjiż għażiż.

Illum, f’dan il-Ħadd, il-Knisja tiċċelebra l-Jum Dinji tal-Migranti u r-Rifuġjati, bit-tema “Nibnu l-ġejjieni mal-migranti u r-rifuġajti”.  Ejjew inġeddu l-impenn biex nibnu futur skont il-pjan t’Alla: futur li fih kull persuna ssib postha u tkun rispettata; li fih il-migranti u r-rifuġjati, l-itturufnati u l-vittmi tat-traffikar tal-persuni jkunu jistgħu jgħixu fil-paċi u bid-dinjità.  Sabiex is-Saltna t’Alla tinkiseb flimkien magħhom mingħajr ħadd ma jitwarrab.  Huwa wkoll bis-saħħa ta’ dawn ħutna li l-komunitajiet jistgħu jikbru fuq livell soċjali, ekonomiku, kulturali u spiritwali; u l-kondiviżjoni tat-tradizzjonijiet differenti tgħani lill-Poplu t’Alla.  Ejjew nimpenjaw ruħna lkoll kemm aħna biex nibnu ġejjieni aktar inklussiv u fratern!  Il-migranti għandhom ikunu milqgħuin, akkumpanjati, immexxija ‘l quddiem u integrati.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber