IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd, 25  ta' Lulju, 2021

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-Liturġija ta' dan il-Ħadd jirrakkonta l-episodju magħruf tat-tkattir tal-ħobż u l-ħut li bih Ġesù tema' madwar ħamest elef ruħ li kienu ġew jisimgħuh (cfr Ġw 6,1-15).  Interessanti kif iseħħ dan il-prodiġju: Ġesù ma jġibx il-ħobż u l-ħut mix-xejn, le, imma jaħdem b'dak li jġibulu d-dixxipli.  Wieħed minnhom jgħid: "Hawn tfajjel li għandu ħames ħobżiet tax-xgħir u żewġ ħutiet; imma dawn x'inhuma għal daqshekk nies?" (v. 9).  Huma ftit, huma xejn, imma għal Ġesù biżżejjed.

Ejjew nieħdu post it-tfajjel.  Id-dixxipli jitolbuh jaqsam dak kollu li hu kellu biex imantni ruħu.  Tidher proposta bla sens, anzi, inġusta.  Għaliex iċċaħħad persuna, aktar u aktar tfajjel, minn dak li ġabet magħha mid-dar, u li għandha dritt li żżomm għaliha?  Għaliex lil xi ħadd għandek teħodlu dak li mhux biżżejjed biex jaqta' l-ġuħ ta' kulħadd?  Umanament dan mhux loġiku.  Iżda mhux għal Alla.  Anzi, propju bis-saħħa ta' dak ir-rigal żgħir gratwit, u għalhekk erojku, li Ġesù jista' jista' jitma' lil kulħadd.  Hi tagħlima kbira għalina.  Tgħidilna li l-Mulej jista' jagħmel ħafna bil-ftit li aħna nħallulu f'idejh.  Ikun sabiħ insaqsu lilna nfusna kuljum: "Illum x'se nagħti lil Ġesù?" Hu jista' jagħmel ħafna bit-talb tagħna, b'ġest ta' karità tagħna mal-oħrajn, saħansitra bil-miżerja tagħna meta npffruha lill-ħniena tiegħu.  Il-ftit tagħna lil Ġesù, u Hu jagħmel il-mirakli.  Hekk iħobb iġib ruħu Alla: jagħmel ħwejjeġ kbar billi jibda minn dawk żgħar, minn dak li hu gratwit.

Kull protagonista kbir tal-Bibbja - ibda minn Abram sa Marija, sat-tfajjel - juru din il-loġika taċ-ċokon u tal-għotja.  Il-loġika tal-għotja hi ferm differenti minn dik tagħna.  Aħna nfittxu li naħżnu u nkattru dak li għandna; iżda Ġesù jitlobna nagħtu, innaqqsu.  Aħna nħobbu nżidu, jogħġbuna s-somom; lil Ġesù jogħġbu 'l-minus', li nneħħu xi ħaġa biex intuha lill-oħrajn.  Aħna dejjem irrdu nimmoltiplikaw dak li għandna; Ġesù japprezza meta naqsmu ma' ħaddieħor.  Ħaġa kurjuża li fir-rakkonti tat-tkattir tal-ħobż li nsibu fl-Evanġelji qatt ma jidher il-verb "immoltiplika".  Anzi l-verbi wżati juru xi ħaġa bil-maqlub: "ikser", "agħti", "qassam" (cfr v. 11; Mt 14,19; Mc 6,41; Lc 9,16).  Iżda ma jintużax il-verb "immoltiplika".  Il-veru miraklu, jgħid Ġesù, mhux it-tkattir li miegħu jġib kburija u setgħa, imma l-qsim, il-kondiviżjoni li jixgeħlu l-imħabba u lil Alla jippermettulu jagħmel il-mirakli.  Ejjew nippruvaw naqsmu aktar, nippruvaw dit-triq li għallimna Ġesù.

Illum ukoll, it-tkattir tal-ġid mhux qed isolvi l-problemi dment li ma jkunx marbut ma' kondiviżjoni ġusta.  Tiġi f'moħħna t-traġedja tal-ġuħ li tolqot partikolarment lill-aktar ċkejknin.  Hu kkalkulat - uffiċjalment - li fid-dinja, ta' kuljum, madwar sebatelef tfal taħt il-ħames snin imutu minħabba raġunijiet marbutin man-nuqqas ta' ikel għax m'għandhomx il-meħtieġ biex jgħixu.  Quddiem skandli bħal dawn Ġesù jagħmel stedina lilna wkoll, stedina bħal dik li probabbilment kellu t-tfajjel tal-Evanġelju, li m'għandux isem, u li fih nistgħu naraw lilna lkoll kemm aħna: "Kuraġġ, agħti l-ftit li għandek, it-talenti tiegħek, il-ġid li għandek, poġġiehom għad-dispożizzjoni ta' Ġesù u tal-aħwa.  Tibżax, xejn mhu se jintilef, għax jekk taqsam, Alla jkattar.  Keċċi l-modestja falza li ma tħossokx dehen, afda.  Emmen fl-imħabba, emmen fis-setgħa tal-qadi, emmen fil-qawwa tal-gratwità.

il-Verġni Marija, li wieġbet "iva" għall-proposta inkredibbli ta' Alla, tgħinna niftħu qlubna għall-istedina tal-Mulej biex intaffu l-bżonnijiet tal-oħrajn.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

għadna kif iċċelebrajna l-Liturġija fl-okkażjoni tal-Ewwel Jum Dinji tan-Nanniet u l-Anzjani.  Applaws lin-nanniet kollha, lilhom kollha!  Nanniet u neputijiet, żgħażagħ u anzjani, flimkien urew wieħed mil-isbaħ uċuh tal-Knisja u saħħew l-allejanza bejn il-ġenerazzjonijiet.  Nagħmel stedina biex niċċelebraw dan il-Jum f'kull komunità u biex immorru nżuru lin-nanniet u lill-anzjani, lil dawk li l-aktar jinsabu waħedhom, biex intuhom il-messaġġ tiegħi, imnebbaħ mill-wegħda ta' Ġesù: "Jien miegħek il-jiem kollha".  Nitlob lill-Mulej sabiex dil-festa tgħinna lkoll, lilna li aħna mdaħħlin fiż-żmien, biex inwieġbu għas-sejħa tiegħu f'dan l-istaġun tal-ħajja,  biex lis-soċjetà nuruha l-valur tal-preżenza tan-nanniet u tal-anzjani, aktar u aktar qalb dil-kultura tal-iskart.  In-nanniet jeħtieġu liż-żgħar u ż-żgħar jeħtieġu lin-nanniet: għandhom jitkellmu bejniethom, għandhom jiltaqgħu!  In-nanniet għandhom l-ilma tal-ħajja tal-istorja li jkabbar u lis-siġra li qed tikber itiha l-forza.  Jiġini f'moħħi - jidhirli li diġa' kkwotajtu darb'oħra - dak il-pass tal-poeta: "Dak kollu li jwarrad fis-siġra jiġi minn dak li hemm taħt l-art".  Mingħajr id-djalogu bejn iż-żgħażagħ u n-nanniet, l-istorja ma timxix 'il quddiem, il-ħajja ma tisseddaqx:  hemm bżonn nerġgħu nibdew nagħtuh importanza, hija sfida għall-kultura tagħna.  In-nanniet għandhom dritt joħolmu huma u jħarsu lejn iż-żgħażagħ, u ż-żgħażagħ għandhom dritt għall-kuraġġ tal-profezija meta jixorbu l-ilma tal-ħajja mingħand in-nanniet.  Jekk jogħġobkom għamluh dan: laqgħat tan-nanniet maż-żgħażagħ u djalogu, jitkellmu.  B'hekk ikun kuntent kulħadd.

Fil-jiem li għaddew il-belt ta' Zhengzhou u l-provinċja ta' Henan fiċ-Ċina ntlaqtu minn xita torrenzjali li ġabet magħha għarar kbir.  Nitlob għall-vittmi u għall-familji tagħhom, u nesprimi l-qrubija tiegħi u s-solidarjetà ma' dawk kollha li qed isofru minħabba din it-traġedja.

Nhar il-Ġimgħa li għadda f'Tokyo bdiet it-tnejn u tletin edizzjoni tal-Logħob Olimpiku.  F'dan iż-żmien ta' pandemija, jalla dan il-logħob ikun sinjal ta' tama, sinjal ta' fratellanza universali li jsir fi klima ta' kompetizzjoni sana.  Alla jbierek lill-organizzaturi, lill-atleti u lil kull min qed jikkollabora f'din il-festa kbira ta' sports!

Insellem minn qalbi lilkom, rumani u pellegrini.  Insellem partikolarment lill-grupp tan-nanniet minn Rovigo - grazzi talli ġejtu hawn! -; liż-żgħażagħ minn Albinea li mxew tul il-Via Francigena mir-reġjun tal-Emilia sa Ruma; lill-parteċipanti tar-"Rally di Roma Capitale". Insellem ukoll lill-Komunità taċ-Ċenaklu.  Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!  Nifraħ lilkom adoloxxenti tal-Immakolata għall-approvazzjoni definittiva!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber