IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd, 24 ta’ Diċembru, 2023

 Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!

Illum, fir-raba’ Ħadd tal-Avvent, l-Evanġelju jippreżentalna x-xena tat-Tħabbira tal-Anġlu (cfr Lq 1,26-38).  Biex jispjega lil Marija kif kellha tnissel lil Ġesù, l-anġlu jgħidilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek” (v. 35).  Nieqfu ftit fuq din it-tixbiha: id-dell.

F’art bħal dik fejn kienet għix Marija, b’xemx tiżreġ bla ma taqta’, sħaba għaddejja, siġra li tirreżisti n-nixfa, tinda li tilqgħek, jaħju u jipproteġu.  Id-dell hu don li jstejqer, l-anġlu propju hekk  jiddeskrivi l-mod li bih l-Ispirtu s-Santu jinżel fuq Marija, il-mod ta’ kif jaħdem Alla.  Alla dejjem iġib ruħu b’imħabba ġentili li tħaddan, hi għammiela, tindokra, bla ma tagħmel vjolenza, bla ma ġġerraħ il-libertà.  Hekk iġib ruħu Alla.

Dik tad-dell li jindokra hi xbieha li tidher spiss fil-Bibbja.  Niftakru fid-dell  li jakkumpanja lill-poplu t’Alla fid-deżert cfr 13,21-22).  Insomma, id-dell ikellimna dwar il-ġentilezza ta’ Alla.  Kien qiesu qed jgħid lil Marija, imma lilna lkoll illum: “jien ninsab hawn għalik u qed noffrilek lili nnifsi bħala rifuġju u bħala kenn: ejja fid-dell tiegħi, ibqa’ miegħi”.  Ħuti hekk iġġib ruħa l-imħabba għammiela ta’ Alla.  U hi ħaġa illi, b’ċertu mod, nistgħu nġarrbu bejnietna wkoll, per eżempju bejn il-ħbieb, l-għarajjes, il-miżżewġin, il-ġenituri u l-ulied, delikati, rispettużi, nieħdu ħsieb l-oħrajn bil-ġentilezza.  Niftakru fil-ġentilezza ta’ Alla!

Alla hekk iħobb u jistieden lilna nagħmlu bħalu: nilqgħu, nipproteġu, nirrispettaw lill-oħrajn.  Naħsbu f’kulħadd, naħsbu f’min hu emarġinat, f’min f’dal-ġranet imbiegħed mill-ferħ tal-Milied.  Naħsbu f’kulħadd bil-ġentilezza ta’ Alla.  U allura nistaqsu, illum lejlet il-Milied: jien nixtieq inħalli d-dell tal-Ispirtu s-Santu, tal-ħlewwa u l-manswetudni ta’ Alla, tal-ġentilezza ta’ Alla, jissawbu fuqi billi nagħmlilhom il-wisa’ f’qalbi, billi nersaq lejn il-maħfra, lejn l-Ewkaristija?  Imbagħad: għal liema persuni waħedhom u fil-bżonn nista’ nkun dell li bih jistejqru, ħbiberija li tfarraġ?

Marija tgħinna nkunu miftuħin, akkoljenti għall-preżenza ta’ Alla li bil-manswetudni jiġi biex isalvana.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Insellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini mill-Italja u minn diversi nħawi tad-dinja.  Insellem b’mod partikolari lid-delegazzjoni taċ-ċittadini taljani li jgħixu f’territorji li għandhom għarfien uffiċjali bħala mkejjen imniġġsa ħafna u li ilhom żmien jistennew rimedju.  Nesprimi solidarjetà ma’ dawn il-popolazzjonijiet u nawgura li leħinhom jinstama’.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u l-vġili tal-Milied fit-talb, fis-sħana tal-għeżież u bis-sobrjetà.  Ippermettuli nirriklmandalkom: ma nħalltux il-festa mal-konsumiżmu!  Bħala nsara nistgħu u għandna niffesteġġjaw bis-sempliċità, bla ħala, u billi naqsmu ma’ min hu nieqes mill-meħtieġ jew nieqes mill-kumpanija.  Inkunu qrib ħutna li qed ibatu minħabba l-gwerra: niftakru fil-Palestina, f’Iżrael, fl-Ukrajna.  Niftakru wkoll f’dawk li qed ibatu l-miżerja, il-ġuħ, il-jasar.  Jalla dak Alla li għamel tiegħu il-qalb umana jnissel l-umanità fil-qlub tal-bnedmin!

U jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u l-Milied it-tajjeb lil kulħadd! Arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber