IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd, 24 ta’ Ottubru, 2021

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum jirrakkonta li waqt li kien ħiereġ minn Ġeriko, Ġesù jagħti lura d-dawl lil Bartimew, għama li kien jittallab fit-triq (cfr Mk 10, 46-52).  Hi laqgħa importanti, l-aħħar waħda qabel ma’ l-Mulej jidħol Ġerusalemm għall-Għid.  Bartimew kien tilef id-dawl, imma mhux leħnu!  Infatti, meta jisma’ li kien se jgħaddi Ġesù jibda jgħajjat: “Bin David, Ġesù, ikollok ħniena minni!” (v. 47).  U jgħajjat, jgħajjat dan.  Id-dixxipli u l-folla jiddejqu b’dak l-għajjat u jċanfruh ħalli jieqaf.  Imma hu jżid jgħolli leħnu: “Bin David, ikollok ħniena minn!” (v. 48).  Ġesù semgħu u minnufih, jieqaf.  Alla dejjem jisma’ l-għajta tal-foqra u leħen Bartimew bl-ebda mod ma jtih fastidju, anzi jinduna li hu leħen mimli fidi, fidi li ma tibżax tinsisti, tħabbat fuq il-qalb ta’ Alla, minkejja li ma kienx mifhum u ċ-ċanfir.  U hawn jinsab l-għerq tal-miraklu.  Infatti Ġesù jgħidlu: “Il-fidi tiegħek salvatek” (v. 52).

Il-fidi ta’ Bartimew tider ċar fit-talba tiegħu.  Mhix talba mgerrxa, konvenzjonali.  Qabel xejn, lill-Mulej isejjaħlu “Bin David”: jiġifieri jagħrfu bħala l-Messija, Re li jiġi fid-dinja.  Imbagħad isejjaħlu b’ismu, bil-kunfidenza: “Ġesù”.  Ma jibżax minnu, ma jibqax imbiegħed minnu.  U hekk, minn qalbu, iferra’ lil Alla ħabib, id-dramm kollu tiegħu: “Ikollok ħniena minni!”  Dik it-talba u xejn aktar: “Ikollok ħniena minni!”.  Ma jitolbux xi ftit flus kif jagħmel ma’ min ikun għaddej.  Le. Lil dak li jista’ kollox jitolbu kollox.  Lin-nies jitlobhom xi ħaġa tal-flus, lil Ġesù li kollox jista’, jitolbu kollox: “Ikollok ħniena minni, ikollok ħniena minn dak kollu li jien jien”.  Ma jitlobx grazzja, imma jippreżenta lilu nnifsu: jitlob ħniena għall-persuna tiegħu, għal ħajtu.  Mhix xi talba ħafifa, imma hi wkoll sabiħa ħafna, għax titlob il-ħniena, jiġifieri l-kompassjoni, il-ħniena t’Alla, it-tenerezza tiegħu.

Bartimew jaqta’ fil-qasir.  Jgħid dak li hu essenzjali u jafda fl-imħabba t’Alla li jista’ jerġa’ jaħjilu ħajtu billi jagħmel dak li għall-bnedmin huwa impossibbli.  Għalhekk lill-Mulej ma jitolbux karità, imma jurih kollox, l-għama tiegħu u t-tbatija tiegħu, li kienet tmur ‘l hinn mis-sempliċi għama li kien ibati bih.  L-għama tiegħu kien il-ponta tal-icberg, imma f’qalbu aktarx kien hemm ġerħat, umiljazzjonijiet, ħolm imfarrak, żbalji, rimorsi.  Hu kien qed jitlob bil-qalb.  U aħna?  Meta nitolbu grazzja lil Alla, fit-talba tagħna nqegħdu wkoll l-istorja tagħna, il-ġerħat, l-umiljazzjonijiet, il-ħolm imfarrak, l-iżbalji, ir-rimorsi?

Bin David, Ġesù, ikollok ħniena minni!”  Ejjew nagħmlu din it-talba aħna wkoll illum.  U, nistaqsu lilna nfusna: “Kif qed ikun it-talb tiegħi?”.  Hu kuraġġuz, fih l-insistenza tajba bħal dik ta’ Bartimew, jaf “jaħtaf” lill-Mulej hu u għaddej, jew jikkuntenta li jsellimlu b’tislima formali kultant, meta niftakar?  B’dak it-talb biered li xejn mhu ta’ għajnuna.  Imbagħad: it-talb tiegħi fih “sustanza”, iberraħ qalbi quddiem il-Mulej?  Nirrakkuntalu l-istorja u l-uċuħ ta’ ħajti?  Jew hu anemiku, superfiċjali, magħmul minn ritwali bla għożża u bla qalb?  Meta l-fidi tkun ħajja, it-talb ikun ħerqa tal-qalb: ma jittallabx il-laqx, ma jibqax biss idur fuq il-ħtiġijiet tal-mument.

Lil Ġesù, li jista’ kollox, nitolbuh kollox.  Tinsewhx dan.  Lil Ġesù li jista’ kollox nitolbuh kollox, bl-insistenza quddiemu.  Hu ħerqan biex iferrex il-grazzja u l-ferħ tiegħu fi qlubna, iżda sfortunatament inkunu aħna li nibqgħu bogħod, forsi b‘mistħija jew għal-għażż jew minħabba nuqqas ta’ fidi.

Ħafna minna, meta nitolbu ma nemmnux li l-Mulej jista’ jagħmel il-miraklu.  Qed tiġini f’moħħi din l-istorja  - li jien rajtha – ta’ dak il-missier li t-tobba kienu qalulu li bintu ta’ disa’ snin ma kinitx se tara s-sebħ; kienet l-isptar.  U hu rikeb karozza u mar sebgħin kilometru bogħod fis-Santwarju tal-Madonna.  Kien magħluq, u hu ggranfa mar-rixtellu u qatta’ l-lejl jitlob:  “Mulej, salvaha!!  Mulej, tiha l-ħajja!”  Beda jitlob lill-Madonna, il-lejl kollu jerfa’ leħnu lejn Alla, jgħajjat minn qigħ qalbu.  Imbagħad filgħodu, meta reġa’ lura lejn l-isptar, sab lil-martu tibki.  U ħaseb: “Mietet”.  U martu qaltlu: “Ma nistgħux nifhmu, ma nistgħux nifhmu, it-tobba qed jgħidu li hi xi ħaġa stramba, tidher li fieqet”.  L-għajta ta’ dak ir-raġel kienet tagħtu kollox.  Din mhix ħlieqa: dan rajtu b’għajnejja fid-djoċesi l-oħra.

Aħna għandna dal-kuraġġ fit-talb?  Lil Dak li jista’ kollox nitolbuh kollox, bħal Bartimew, li hu mgħallem kbir tat-talb.  Hu, Bartimew, għandu jkun ta’ eżempju għalina bil-fidi konkreta tiegħu, insistenti u kuraġġuża.  U l-Madonna, il-Verġni li titlob, tgħallimna nduru lejn Alla b’qalbna kollha, bil-fiduċja li Hu jisma’ b’attenzjoni kull talba.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Nesprimi l-qrubija tiegħi lejn l-eluf ta’ migranti, rifuġjati u oħrajn li jeħtieġu l-protezzjoni, fil-Libja: ma ninsiekom qatt; nisma’ l-krib tagħkom u nitlob għalikom.  Bosta minn dawn l-irġiel, nisa, tfal huma esposti għal vjolenza diżumana.  Għal darb’oħra nitlob lill-komunità internazzjonali biex iżżomm kelmtha u tfittex soluzzjonijiet maqbula, konkreti u dejjiema għall-kontroll u t-tmexxija tal-mewġ migratorju fil-Libja u fil-Mediterran kollu.  U kemm ibatu dawk li ma jintlaqgħux!  Hemmehkk hemm lager fil-veru sens tal-kelma.  Hemm bżonn li darba għal dejjem il-migranti ma jerġgħux jintbagħtu lura lejn pajjiżi fejn hemm nuqqas ta’ sigurtà u (hemm bżonn) li l-prijorità tingħata għall-għajnuna lill-ħajjiet umani fuq il-baħar b’meżżi ta’ salvataġġ u sbark prevedibbli, u li jkollhom granzija ta’ kundizzjonijiet ta’ ħajja dinjituża, alternattiva għad-detenzjoni, toroq regolari għall-migrazzjoni u aċċess għall-proċeduri tal-ażil.  Ejjew ilkoll kemm aħna nħossuna responsabbli ta’ dawn ħutna li ilhom wisq snin vittmi ta’ dis-sitwazzjoni mill-aktar gravi.  Flimkien nitolbu għalihom fis-skiet.

Ilbieraħ fi Brescia saret il-beatifikazzjoni ta’ swor Luċija tal-Immakulata, reliġjuża tal-Qaddejja tal-Karità.  Mara mansweta u akkoljenti li mietet fl-1954 ta’ 45 sena, wara ħajja mgħoddija fil-qadi tal-proxxmu anki meta l-mard kien dgħajjifa kemm f’ġisimha u wkoll fl-ispirtu.  U llum f’Rimini qed tkun beatifikata iż-żgħażugħa Sandra Sabattini, studentessa tal-mediċina, li mietet ta’ 22 sena f’inċident tat-traffiku.  Tfajla ferrieħa, imħeġġa b’karità kbira u t-talb ta’ kuljum, kienet ingħatat b’entużjażmu għall-qadi tal-aktar dgħajfa fit-triq tal-kariżma tal-Qaddej t’Alla Don Oreste Benzi.  Applaws lill-beati l-ġodda.  Ilkoll flimkien!

Illum, il-Ġurnata Missjunarja Dinjija, inħarsu lejn dawn iż-żewġ beati ġodda bħala xhieda li ħabbru l-Evanġelju b’ħajjithom.  U bi gratitudni nsellem lil tant missjunarji rġiel u nisa – saċerdoti, reliġjużi rġiel, reliġużi nisa u fidili lajċi – li minn ta’ quddiem nett jgħatu l-enerġiji tagħhom għas-servizz tal-Knisja, u jħallsu personalment – kultant bi prezz għoli ħafna – ix-xhieda tagħhom.  U ma jagħmlux dan għall-prożelitiżmu imma biex ikunu xhieda tal-Evanġelju b’hajjithom f’artijiet fejn Ġesù mhux magħruf.  Grazzi ħafna ill-missjunarji!  Applaws kbir lilhom ukoll, kulħadd!  Insellem ukoll lis-seminaristi tal-Collegio Urbano.

U nsellem lilkom ilkoll, għeżież rumani u pellegrini minn pajjiżi varji.  B’mod partikolari nsellem lill-komunità peruvjana – tant bnadar tal-Perù! – li qed tiċċelebra l-festa tas-Señor de los Milagros.   Dis-sena l-presepju wkoll se jkun mogħti mill-komunità peruvjana.  Kif ukoll insellem lill-komunità filippina ta’ Ruma; insellem liċ- Centro Academico Romano Fundación (Spagna); lill-Ulied il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù miġburin għall-kapitlu ġenerali u lill-grupp tal-Komunità ta’ Emmanuel.  Insellem ukoll lill-parteċipanti tal-maratona minn Treviso sa Ruma u lil dawk li qed jagħmlu “l-Mixja” tas-Sagra di San Michele sa Monte Sant’Angelo; lill-pellegrinaġġ taċ-ċiklisti b’tifkira ta’ San Luiġi Guanella; insellem lill-fidili minn Palmi, Asola u San Cataldo.  U nibgħat tislima speċjali lill-parteċipanti tal-Ġimgħa Soċjali tal-Kattoliċi Taljan miġburin f’Taranto bit-tema “Il-Pjaneta li Nittamaw fiha”.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Temp sabih!  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber