IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 24 ta’ Settembru, 2023

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum jippreżentalna parabbola sorprendenti: sid ta’ għalqa tad-dwieli joħroġ fis-siegħat bikrin tal-għodwa u jibqa’ joħroġ sa filgħaxija biex isib il-ħaddiema, iżda fl-aħħar jagħti lil kulħadd l-istess ħlas anki lil dawk li kienu ħadmu siegħa waħda biss (cfr Mt 20,1-16).  Donnha inġustizzja, imma m’għandniex ninterpretaw il-parabbola mill-kriterju ta’ salarju; pjuttost din trid turina x’inhuma l-kriterji ta’ Alla, li ma joqgħodx ikejjel il-merti tagħna iżda jħobbna bħala wliedu.  Nieqfu fuq żewġ azzjonijiet divini li joħorġu mir-   rakkont.  L-ewwel Alla joħroġ fis-siegħat kollha biex isejħilna, it-tieni iħallas lil kulħadd bl-istess “munita”.

Qabel kollox, Alla hu dak li joħroġ fis-siegħat kollha biex isejħilna.  Il-parabbola tgħidilna li s-sid “ħareġ filgħodu kmieni biex jikri l-ħaddiema għall-għalqa tad-dwieli tiegħu” (v. 1), imma mbagħad ikompli joħroġ  f’ħinijiet oħra tal-ġurnata sa nżul ix-xemx, biex ifittex lil min ħadd ma kien għadu qabbadhom jaħdmu.  Hekk nifhmu li fil-parabbola l-ħaddiema mhumiex biss il-bnedmin, imma fuq kollox Alla li jibqa’ joħroġ bla ma jgħejja, il-ġurnata kollha.  Hekk hu magħmul Alla: ma joqgħodx jistenna l-isforzi tagħna biex jiġi jiltaqa’ magħna; qabel ma jiġi jfittixna ma joqgħodx jeżaminana biex iqis il-valur tal-merti tagħna, ma jaqtax qalbu jekk aħna niddawru ma nweġbuh; għall-kuntrarju Hu stess jieħu l-inizjattiva u permezz ta’ Ġesù “ħareġ” lejna, biex jurina mħabbtu.  U jfittixna f’kull siegħa tal-ġurnata illi, kif jafferma San Girgor il-Kbir, jirrappeżentaw l-istaġuni ta’ ħajjitna sax-xjuħija (cfr Omeliji dwar l-Evanġelju, 19).  Għall-qalb tiegħu qatt mhu tard wisq, Hu jfittixna u jibqa’ jistenniena dejjem!

Propju għaliex Hu tant qalbu mill-aħjar, Alla – din hi t-tieni azzjoni – iħallas lil kulħadd bl-istess “munita” li hi mħabbtu.  Dan hu s-sens aħħari tal-parabbola: il-ħaddiema tal-aħħar siegħa jħallashom daqs tal-ewwel għax fir-realtà, il-ġustizzja t’Alla hi superjuri.  Tmur aktar ‘l hinn.  Il-ġustizzja umana tgħid li “kulħadd għandu jitħallas skont kemm jistħoqqlu”, filwaqt li l-ġustizzja t’Alla ma togħqodx tkejjel l-imħabba bil-miżien ta’ kemm niswew, x’għandna ħila nagħmlu jew tqis tal-fallimenti tagħna: Alla jħobbna u daqshekk, iħobbna għax uliedu u jħobbna b’imħabba bla kundizzjonijiet, imħabba gratwita.

Ħuti, kultant nirriskjaw li r-relazzjoni tagħna ma’ Alla nagħmluha biċċa “negozju” u aktar niffukaw fuq il-bravura tagħna milli fuq il-ġenerożità u l-grazzja tiegħu.  Kultant, anki bħala Knisja, minflok noħorġu f’kull siegħa tal-ġurnata u niftħu dirgħajna għal kulħadd, inħossu li aħna l-ewwel tal-klassi u lill-oħrajn narawhom imbegħdin bla ma nqisu  li Alla jħobb lilhom ukoll bl-istess imħabba li jħobb lilna.   U fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna, li huma n-nisġa tas-soċjetà, il-kejl tal-ġustizzja li nħaddmu, kultant ma jirnexxilux joħroġ mill-gaġġa tal-kalkolu u nillimitaw ruħna li nirċievu daqskemm nagħtu, bla ma nirriskjaw dik ix-xiħaġa aktar, bla ma nqisu kemm hu effikaċi l-ġid li nagħmlu bla ma nistennew xejn lura jew tal-imħabba offruta b’qalb mill-aktar ġeneruża.  Ħuti, insaqsu lilna nfusna: jien, nisrani, jien nisranija, naf noħroġ infittex lill-oħrajn?  Jien ġeneruz, ġeneruża lejn kulħadd, naf nagħti dik ix-xiħaġa aktar biex nifhem, biex naħfer, kif għamel Ġesù miegħi u kif Ġesù jagħmel miegħi ta’ kuljum?

Il-Madonna tgħinna nikkonvertu biex il-qies tagħna jkun Alla li hu mħabba bla qies.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Illum qed infakkru l-Jum Dinji tal-Migrant u r-Rifuġjat bit-tema “Ħielsa li nagħżlu nemigrawx jew nibqgħu”, biex niftakru li l-migrazzjoni għandha tkun għażla ħielsa u qatt l-unika waħda possibbli.  Infatti llum, il-migrazzjoni, għal ħafna saret inevitabbli, filwaqt li għandu jitħaddem id-dritt li bniedem jista’ ma jemigrax biex jibqa’ jgħix fejn twieled.  Hemm il-ħtieġa li kull raġel, mara jkollhom il-garanzija li jgħixu ħajja dinjituża fis-soċjetà fejn ikunu jgħixu.  Sfortunatament, il-miżerja, il-gwerer u l-kriżi tal-klima qed iġagħlu ħafna nies jaħarbu.  Għalhekk aħna lkoll imsejħin biex noħolqu komunitajiet lesti u miftuħin biex jilqgħu, jippromwovu, jakkumpanjaw u jintegraw lil min iħabbat fuq il-bibien tagħna.

Din l-isfida kienet il-qofol tar-Rencontres Méditerranéennes, li saru dawn l-aħħar ġranet f’Marsilja u li jien ħadt sehem fl-aħħar sessjoni tagħhom ilbieraħ meta mort f’dik il-belt, salib it-toroq ta’ popli u kulturi.

Irrodd ħajr b’mod speċjali lill-Isqfijiet tal-Konferenza Episkopali Taljana li jagħmlu minn kollox biex jgħinu lil ħutna migranti.  Ftit ħin ilu smajna lil Mons. Baturi fil-programm ‘A Sua Immagine” li kien qed jispjega dil-ħidma.

Insellem lilkom ilkoll rumani u pellegrini mill-Italja u minn tant pajjiżi, partikolarment lis-Seminarju djoċesan internazzjonali Redemptoris Mater minn Köln fil-Ġermanja.  Kif ukoll insellem lill-grupp ta’ persuni li jbatu mill-marda rari tal-“atassia” flimkien mal-familjari tagħhom.

Inġedded l-istedina biex tieħdu sehem fil-Velja Ekumenika ta’ Talb “Together” – “Flimkien” li se ssir nhar is-Sibt li ġej 30 ta’ Settembru fi Pjazza San Pietru, bi tħejjija għall-Assemblea sinodali li se tibda’ fl-4 ta’ Ottubru.

Niftakru fl-Ukrajna fflaġellata u nitolbu għal dal-poplu li qed isofri ħafna.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber