IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

24 ta’ Marzu, 2024

Ħadd il-Palm

Għeżież ħuti,

nesprimi l-qrubija tiegħi mal-Komunità San Josè de Apartado, fil-Kolombja, fejn xi jiem ilu sfaw assassinati mara żgħażugħa u ġuvni.  Fl-2018, dil-komunità kienet ġiet ippremjata bħala eżempju ta’ impenn favur l-ekonomija solidali, il-paċi u d-drittijiet umani.

Niżgura talbi għall-vittmi tal-attentat terroristiku vili li sar ilbieraħ filgħaxija f’Moska.  Il-Mulej jilqagħhom fil-paċi tiegħu u jfarraġ il-familji tagħhom.  Jalla jikkonverti l-qlub ta’ min jippjana, jorganizza u jwettaq dawn l-azzjonijiet diżumani li joffendu lil Alla, li kien għamar: “La toqtolx” ( 20,13).

Insellem lilkom fidili minn Ruma u pellegrini minn pajjiżi oħra.  Insellem b’mod partikolari lid-delegazzjoni mill-belt ta’ Sanremo, li din is-sena wkoll, fidila lejn tradizzjoni li ilha erba’ sekli, offriet il-weraq tal-palm minsuġ għal din iċ-ċelebrazzjoni.  Grazzi, nies ta’ Sanremo!  Il-Mulej iberikkom.

Għeżież ħuti, Ġesù daħal Ġerusalemm bħala Re umli u paċifiku: niftħulu qlubna!  Hu biss jista’ jeħlisna mill-ostilità, mill-odju, mill-vjolenza, għaliex huwa l-ħniena u l-maħfra tad-dnubiet.  Nitolbu għal ħutna kollha li qed ibatu  minħabba l-gwerra; qed niftakar b’mod speċjali fl-Ukrajna mikduda fejn bosta nies m’għandhomx enerġija elettrika minħabba l-attakki bla ħniena fuq l-infrastrutturi li, minbarra li jġibu mewt u tbatija, jġorru magħhom ukoll riskju ta’ katastrofi umanitarja ta’ qies bla tarf.  Jekk jogħġobkom, ma ninsewx lill-imsejkna Ukrajna mifluġa!  U niftakru, f’Gaża, li għaddejja minn tbatija kbira, u f’tant aktar inħawi fejn hemm il-gwerra.

U issa nduru bit-talb lejn il-Verġni Marija: nitgħallmu minnha nkunu qrib Ġesù f’dal-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa, biex naslu għall-hena tal-Qawmien.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber