Il-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 23 ta’ Ottubru, 2022

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-liturġija tal-lum jippreżentalna parabbola li fiha żewġ protagonisti, farżew u pubblikan (cfr Lq 18,9-14), jiġifieri bniedem reliġjuż u midneb magħruf.  It-tnejn jitilgħu fit-Tempju biex jitolbu iżda l-pubblikan biss jerfa’ ruħu lejn Alla, għax bl-umiltà jinżel fil-verità tiegħu nnifsu u jippreżenta ruħu hekk, kif inhu, bla maskri, bil-faqar tiegħu.  Allura nistgħu ngħidu li l-parabbola fiha żewġ movimenti mfissrin minn żewġ verbi: tela’ u niżel.

L-ewwel moviment hu tela’.  Infatti t-test jibda jgħid: “Tnejn min-nies telgħu fit-tempju biex jitolbu” (v. 10).  Dan hu aspett li jfakkar f’bosta episodji fil-Bibbja, fejn il-laqgħa mal-Mulej kienet tfisser tlugħ fuq il-muntanja tal-preżenza tiegħu: Abraham jitla’ fuq il-muntanja biex joffri s-sagrifiċċju; Mosè jitla’ fuq is-Sinaji biex jirċievi l-Kmandamenti; Ġesù jitla’ fuq l-għolja fejn jinbidel fit-Trasfigurazzjoni.  Għalhekk li tilta’ jesprimi l-ħtieġa li l-qalb tinqata’ mill-ħajja bla ruħ biex tersaq tiltaqa’ mal-Mulej; li togħla ‘l fuq mill-pjanura tal-egoiżmu biex titla’,

 tersaq lejn Alla – tinħeles minnek innifsek -; li niġbru dak kollu li ngħixu fil-wied biex irressquh fi ħdan il-Mulej.  Dan hu t-tlugħ, u meta nkunu nitolbu aħna nintrefgħu ‘l fuq.

Imma biex ngħixu l-laqgħa miegħu u nħallu t-talb jibdilna, biex nintrefgħu lejn Alla, hemm bżonn it-tieni moviment: ninżlu.  Kif inhi din?  Xi jfisser dan?  Biex nitilgħu lejh hemm bżonn ninżlu fina nfusna: nikkultivaw is-sinċerità u l-umiltà tal-qalb, li jtuna bixra onesta fuq il-fraġilità tagħna u l-faqar interjuri tagħna.  Fl-umiltà, infatti,  ikollna l-ħila li lil Alla ntuh dak li aħna realment, mingħajr wiċċ b’ieħor, il-limitazzjonijiet u l-feriti, id-dnubiet, il-miżerji li jtaqqlulna qlubna, u li ninvokaw il-ħniena tiegħu sabiex jerġa’ jtina saħħitna, ifejjaqna, iqajjimna mill-ġdid.  Ikun Hu li jqajjimna mill-ġdid, mhux aħna.  Aktar ma ninżlu quddiemu bl-umiltà, aktar Alla jerfgħana fil-għoli.

Infatti, l-pubblikan tal-parabbola jibqa’ bogħod, bl-umiltà (cfr v. 13) – ma jersaqx qrib, jistħi – jitlob maħfra, u l-Mulej jerfgħu mill-ġdid.  Iżda l-fariżew jiftaħar bih innifsu, ċert minnu nnifsu, konvint li hu tajjeb: wieqaf, jibda jkellem lill-Mulej, waħdu, dwaru nnifsu, jiftaħar u jagħmel lista tal-opri reliġjużi tajbin li jagħmel, jiddisprezza lill-oħrajn: “Minix bħal dak t’hemm wara....”.  Din hi suppervja spiritwali – “Imma, padre, għaliex qed tkellimna dwar is-suppervja spiritwali?”  Għaliex aħna lkoll għandna r-riskju li naqgħu fiha.  Din twasslek biex tibda temmen li int tajjeb u tiġġudika lill-oħrajn.  Din hi s-suppervja spiritwali: “Jien tajjeb, aħjar mill-oħrajn: dan hu hekk, l-ieħor hu hekk...”.  U hekk, bla ma tinduna, tibda tadura lilek innifsek u lil Alla tiegħek tikkanċellah, twarrbu.  Iddur miegħek innifsek.  Dan hu talb nieqes għal kollox mill-umiltà.

Ħuti, il-fariżew u l-pubblikan jolqtuna mill-qrib.  Aħna u naħsbu fihom, ejjew inħarsu fina nfusna: naraw jekk fina, bħall-fariżew hemmx “il-prużunzjoni intima li aħna ġusti” (v. 9) li twassalna biex niddisprezzaw lil-oħrajn.  Dan jiġri, per eżempju meta noqgħodu nfittxu l-kumplimenti u nagħmlu l-lista tal-kwalitajiet tagħna u tal-opri tajba li nagħmlu, meta nkunu moħħna kif se nidhru aktar milli kif verament aħna, meta naqgħu fin-nassa tan-narċisiżmu u tal-esibizzjonijżmu.  Nishru fuq in-nariċisiżmu u fuq l-esibizzjoniżmu, li jinbnew fuq il-vanaglorja, li jwasslu lilna l-insara wkoll, lilna s-saċerdoti, lilna isqfijiet biex dejjem ikollna kelma lesta, liema kelma? “Jien”: jien għamilt hekk, jien ktibt din, jien hekk kont għidt, jien fhimt qabilkom” eċċ.  Fejn hemm wisq “jien” ftit hemm Alla.  F’pajjiż mi mnejn ġej jien kienu jgħidu li kien hemm qassis hekk, kollox idur miegħu, u b’ċajta n-nies kienu jgħidu: “Meta jkun qed jinċensa, jagħmilha bil-maqlub, jinċensa lilu nnifsu”.  U hekk tispiċċa wkoll taqa’ għar-redikolu.

Nitolbu l-interċessjoni ta’ Marija Santissma, il-qaddejja umli tal-Mulej, xbieha ħajja ta’ dak li jħobb jagħmel il-Mulej, iniżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom u jgħolli liċ-ċkejknin (cfr Lq 1, 52).

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

 

Illum qed niċċelebraw il-Ġurnata Missjunarju Dinjija bit-tema “Intom tkunu xhieda tiegħi”.  Hija okkażjoni importanti biex f’kull min hu mgħammed nerġgħu nkebbsu x-xewqa li jieħu sehem fil-missjoni universali tal-Knisja, permezz tax-xhieda u t-tħabbir tal-Evanġelju.  Ninkoraġġixxi lil kulħadd biex jgħin il-missjunarji bit-talb u b’solidarjetà konkreta, sabiex ikunu jistgħu jkomplu jaqdu madwar id-dinja kollha l-opra tal-evanġelizzazzjoni u l-promozzjoni umana.

Illum qed jinfetħu l-applikazzjonijiet għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li se jsir f’Lisbona f’Awwissu tal-2023.  Stedint żewġ żgħażagħ portugiżi biex ikunu hawn miegħi waqt li qed napplika jien ukoll bħala pellegrin.  Se nagħmilha issa.. (jikklikkja fuq it-tablet).  Hekk, inktibt. Inti inktibt?  Għamel hekk issa.  Int inktibt.... isa, inkiteb....  hekkhu, ibqgħu hawn.  Għeżież żgħażagħ. Nistedinkom tinkitbu għal dil-laqgħa li fiha, wara żmien twil imbegħdin minn xulxin, se nerġgħu nsibu l-ferħ tat-tgħannieqa fraterna bejn il-popli u l-ġenerazzjonijiet, li tant għandna bżonnha!

Ilbieraħ f’Madrid kienu beatifikati Vincenzo Nicasio Renuncio Toribio flimkien ma’ hdax-il membru tal-Kongreazzjoni tas-Santissmu Redentur, li nqatlu minħabba l-mibgħeda lejn il-fidi fi Spanja fl-1936.  Jalla l-eżempju ta’ dawn ix-xhieda ta’ Kristu, sat-tixrid ta’ demmhom, jimbuttana biex inkunu koerenti u kuraġġużi; jalla l-interċessjoni tagħhom twieżen lil dawk li llum isibuha diffiċli jiżirgħu l-Evanġelju fid-dinja.  Applaws lill-Beati l-ġodda!

B’ansjetà kbira għadni nsegwi s-sitwazzjoni ta’ kunflitt li għadha għaddejja fl-Etjopja.  Intenni mil-ġdid b’qalb maqsuma li l-vjolenza ma ssolvix in-nuqqas ta’ ftehim, imma żżid biss il-konsegwenzi traġiċi.  Nagħmel appell lil kull min hu responsabbli politikament biex itemmu t-tbatijiet tal-popolazzjoni bla difiża u jinstabu soluzzjonijiet ġusti għal paċi dejjiema fil-pajjiż kollu.  Jalla l-isforzi għad-djalogu u t-tfittxija għall-ġid komuni jmexxu lejn triq konkreta ta’ rikonċiljazzjoni.  U lill-ħutna tal-Etjopja, mifluġin kif inhuma, jalla ma jonqoshom qatt it-talb tagħna, is-solidarjetà tagħna u l-għajnuna umanitarja meħtieġa.

Jien imnikket minħabba l-għarar li qed jolqot lil diversi pajjiżi fl-Afrika, li ħallew mewt u distruzzjoni. Nitlob għall-vittmi u jien qrib il-miljuni li sfaw bla dar, filwaqt li nawgura impenn komuni mseddaq biex dawn it-traġedji nilqghulhom minn qabel.

U nsellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini minn pajjiżi varji.  Insellem partikolarment lill-kjeriċi u lir-reliġjużi indoneżjani li jgħixu f’Ruma; lill-komunità peruvjana li qed tiċċelebra l-festa ta’ Señor de los Milagros; liċ-Ċentru akkademiku Ruman Fundación u lill-grupp mid-djoċesi pollakka ta’ Tarnow.  Insellem lill-fidili minn San Donà di Piave, Padova, Pontedera u Molfetta; lill-adoloxxenti li għamlu l-Griżma minn Piacenza, lill-grupp “Tiberiade” minn Carrobbio degli Angeli u l-Moviment Non-vjolenti minn Verona.  U llum, fil-bidu ta’ gvern ġdid, nitolbu għall-għaqda u l-paċi fl-Italja.

Pitgħada, it-Tlieta 25 ta’ Ottubru se mmur fil-Kolossew biex nitlob għall-paċi fl-Ukrajna u fid-dinja, flimkien mar-rappreżentanti tal-Knejjes u l-Komunitajiet insara u tar-Reġiġjonijiet tad-dinja li hawn miġburin f’Ruma għal-laqgħa bit-tema “L-għajta tal-paċi”.  Nistedinkom tingħaqdu spiritwalment ma’ din l-invokazzjoni kbira lil Alla: it-talb, hu l-qawwa tal-paċi.  Nitolbu, inkomplu nitolbu għall-Ukrajna tant imkissra.

Nawgura lil-kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivedereci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber