IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd 23  ta' Awwissu, 2020

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju ta' dal-Ħadd (cfr Mt 16,13-20) jippteżentalna l-waqt li fih Pietru jistqarr il-fidi tiegħu f'Ġesù u jistqarr li hu l-Messija u Iben Alla.  Din l-istqarrija tal-Appostlu pprovokaha Ġesù nnifsu, għax irid imexxi lid-dixxipli biex jagħmlu l-pass deċisiv fir-relazzjoni tagħhom miegħu.  Infatti l-mixja kollha ta' Ġesù ma' dawk li kienu jsegwuh, speċjalment it-Tnax, hi mixja biex jedukalhom il-fidi tagħhom.  Qabel xejn Hu jistaqsi: "In-nies min jgħidu li hu Bin il-Bniedem?" (v. 13).  L-appostli kienu jehdew jitkellmu dwar in-nies, bħal ma' nagħmlu aħna lkoll.  Il-pettegolezzi jingħoġbu.  M'hemmx wisq impenn meta titkellem dwar ħaddieħor minħabba f'hekk, għax aħna nħobbu nagħmluh dan; anki "nqaxxru" lill-oħrajn.  F'dal każ diġà hemm is-sejħa għall-perspettiva tal-fidi u mhux tat-tqassis, għax jistaqsi: "In-nies min jgħidu li jien?"  U d-dixxipli donnhom jidħlu f'kompetizzjoni biex joffrulu opinjonijiet diversi, li forsi, xi ftit jew wisq kienu jaqblu magħhom huma wkoll.  Fis-sustanza, Ġesù ta' Nażaret kien meqjus bħala profeta (v. 14).

Bit-tieni mistoqsija Ġesù jolqothom fil-laħam il-ħaj: "Imma intom min tgħidu li jien?" (.15).  F'dal punt donnu jidhrilna li kien hemm xi waqt ta' silenzju, għax kull wieħed li kien preżenti kellu s-sejħa li jirriskja u juri ċar għal liema raġuni kien qed isegwi lil Ġesù; u għalhekk xi ftit tal-inċertezza hija leġittima.  Jekk issa jien ukoll nistaqsikom: "Min hu Ġesù għalik?", se jkun hemm xi ftit tal-eżitazzjoni.  Xmun jeħlishom mill-mistħija u b'ħerqa kbira jiddikjara: "Int Kristu, Iben Alla l-ħaj" (v. 16).  Din it-tweġiba, hekk sħiħa u mdawla, ma kinitx frott tal-impuls tiegħu, minkejja l-ġenerożità tiegħu - Pietru kien ġeneruż -, imma frott ta' grazzja partikolari tal-Missier ċelesti.  Infatti Ġesù stess jgħidlu: "Hieni int, Xmun bin Ġona, għax mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan, imma Missieri li hu fis-smewwiet" (v. 17).  Li tistqarr lil Ġesù hija grazzja tal-Missier.  Tgħid li Ġesù hu Iben Alla l-ħaj, li hu r-Redentur, hi grazzja li għandna nitolbu għaliha: "Missier, tini l-grazzja li nistqarr lil Ġesù".  Fl-istess ħin, il-Mulej jagħraf kif Xmun minnufih ikkorrisponda mal-ispirazzjoni tal-grazzja u għalhekk iżid jgħid: "Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi, u s-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex" (v. 18).  B'din l-affermazzjoni, Ġesu jfiehem lil Xmun is-sens tal-isem ġdid li kien tah, "Pietru": il-fidi li kien għadu kif stqarr hija "l-blata" li ma tiġġarrafx, li fuqha Iben Alla jrid jibni l-Knisja tiegħu, jiġifieri l-Komunità.  U l-Knisja tibqa'  miexja dejjem fuq il-fidi ta' Pietru, fuq dik il-fidi li Ġesù jagħraf (f'Pietru) u jagħmlu kap tal-Knisja.

Illum inħossu l-mistoqsija ta' Ġesù indirizzata lilna: "U intom min tgħidu li jien?"  Lil kull wieħed u waħda minna.  U lkoll kemm aħna għandna nagħtu tweġiba li ma tkunx teorika, imma mibnija fuq il-fidi, jiġifieri l-ħajja, għax il-fidi hi l-ħajja!  "Għalija int....." u nżidu l-istqarrija dwar Ġesù.  Tweġiba li minna wkoll tistenna, bħall-ewwel dixxipli, is-smigħ tal-leħen interjuri tal-Missier u l-qbil ma' dak li l-Knisja, miġbura madwar Pietru, għadha xxandar.  Ifisser li nifhmu min hu Kristu għalina: jekk Hu hux iċ-ċentru ta' ħajjitna, jekk Hu huwiex l-għan ta' kull impenn tagħna fil-Knisja, tal-impenn tagħna fis-soċjetà.  Min hu Ġesù Kristu għalija?  Min hu Ġesù Kristu għalik, għalik, għalik...  Tweġiba li għandna nagħtu kuljum.

Imma iftħu għaknejkom: indispensabbli u ta' min ifaħħru l-fatt li l-pastorali tal-komunitajiet tagħna tkun miftuha għal tant faqar u emerġenzi li jinsabu kullimkien.  Il-karità hija dejjem it-triq ewlenija tal-mixja tal-fidi, tal-perfezzjoni tal-fidi.  Imma jeħtieġ ukoll li l-opri ta' solidarjetà, l-opri ta' karità li aħna nagħmlu, ma jifirduniex mill-kuntatt mal-Mulej Ġesù.  Il-karità nisranija  mhix sempliċi filantropija imma, min-naħa hi li tħares lejn l-ieħor bl-istess għajnejn ta' Ġesù, u, mill-oħra,  hi li tara lil Ġesù fil-wiċċ tal-fqir.  Din hi l-veru triq tal-karità nisranija, b'Ġesù fiċ-ċentru, dejjem.

Marija Santissma, beata għax emmnet, tkun gwida u mudell għalina fil-mixja tal-fidi fi Kristu, u tgħinna nkunu konxji li l-fiduċja fih tagħti sens sħih lill-karità tagħna u lill-eżistenza kollha tagħna.

 

Wara l-Angelus

 

Għeżież ħuti,

ilbieraħ kien iċċelebrat il-Jum Dinji b'tifkira tal-atti ta' vjolenza mwettqin minħabba r-reliġjon u t-twemmin.  Nitolbu għal dawn ħutna u bit-talb tagħna nuru solidarjetà wkoll ma dawk - u huma ħafna - li llum ukoll huma persegwitati minħabba l-fidi tagħhom.  Bosta!

Għada, 24 ta' Awwissu, jaħbat l-għaxar anniversarju mill-massakru tat-tnejn u sebgħin migranti f'San Fernando, fTamaulipas, fil-Messiku.  Kienu persuni minn diversi pajjiżi jfittxu ħajja aħjar.  Nesprimi s-solidarjetà tiegħi mal-familji tal-vittmi li għadhom sal-lum jitolbu l-ġustizzja u l-verità dwar dak li seħħ.  Il-Mulej għad jitlobna kont tal-migranti kollha li ntemmew fil-vjaġġi tat-tama.  Sfaw vittmi tal-kultura tal-iskart.

Għada wkoll tkun ir-raba' sena minn mindu seħħ it-terremot fl-Italja tan-Nofs.  Inġedded it-talb tiegħi għall-familji u l-komunitajiet li sofrew l-akbar danni, sabiex ikunu jistgħu jimxu 'l quddiem bis-solidarjetà u t-tama; u nawgura li l-bini mill-ġdid jimxi b'pass eħfef, ħalli n-nies ikunu jistgħu jerġgħu jmorru jgħixu bis-sliem f'dawn it-territorji mill-isbaħ tal-Appennini.

Nixtieq ukoll inġedded il-qrubija tiegħi mal-popolazzjoni ta' Capo Delgado, fit-tramuntana tal-Mozambique, li qed tbati minħabba t-terroriżmu internazzjonali.  Qed nagħmel dan bil-fakra ħajja taż-żjara li għamilt f'dak il-pajjiż għażiż madwar sena ilu.

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll, rumanii u pellegrini.  Partikolarment liż-żgħażagħ mill-Parroċċa ta' Cernusco sul Naviglio - dawn lebsin bl-isfar, qiegħdin hemm - li telqu minn Siena bir-roti u llum waslu Ruma tul it-triq Francigena.  Kontu bravi!  U nsellem ukoll il-grupp tal-familji minn Carobbio degli Angeli (provinċja ta' Bergamo), li ġew f'pellegrinaġġ biex ifakkru l-vittmi tal-Coronavirus.  Dalgħodu smajt it-testimonjanza ta' familja li, fl-istess jum, tilfet lin-nanniet bla ma setgħet issellmilhom.  Tant sofferenza, tant persuni li tilfu ħajjithom, vittmi tal-marda;  u tant volontiera, tobba, infermieri, sorijiet, saċerdoti li tilfu ħajjithom. Niftakru fil-famliji li sofrew minħabba f'dan kollu.

U nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber