IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd 23 ta’ Lulju, 2023

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-lum joffrielna l-parabbola tal-qamħ u s-sikrana (cfr Mt 13,24-43).  Bidwi li ferrex żerriegħa tajba fl-għalqa tiegħu, jiskopri li xi għadu żera’ wkoll is-sikrana matul il-lejl, pjanta li tixbaħ ħafna l-qamħ, imma tinfesta.

B’dal-mod, Ġesù qed jitkellem dwar id-dinja tagħna, li fil-fatt tixbaħ għalqa kbira, fejn Alla jiżra’ l-qamħ u l-malinn is-sikrana, b’hekk jikbru flimkien kemm it-tajjeb u wkoll il-ħażin.  It-tajjeb u l-ħażin jikbru flimkien.  Naraw dan mill-aħbarijiet, fis-soċjetà, fil-familja wkoll u fil-Knisja.  U meta flimkien mal-qamħ it-tajjeb, nindunaw bil-ħaxix ħażin, jiġina li nqaċċtuh minnufih, li “nikinsu kollox”.  Iżda llum il-Mulej iwissina li dan hu frott ta’ tentazzjoni: mhux possibbli tinħoloq dinja perfetta, u ma jistax isir il-ġid billi dak li mhux sejjer sew naqbdu u nqaċċtuh kif ġieb u laħaq, għax l-effetti jistgħu jkunu agħar; nispiċċaw  - kif jingħad – biex “narmu t-tarbija flimkien mal-ilma maħmuġ” (thorw away the baby with the bathwater).

Però hemm għalqa oħra fejn nistgħu nagħtu  tindifa: l-għalqa ta’ qalbna, l-unika għaqla li fiha nistgħu nintervjenu direttament.  Hemmhekk ukoll hemm il-qamħ u s-sikrana, anzi propju minn hemm, dawn jinfirxu fl-għalqa l-kbira, fid-dinja.  Ħuti, qalbna infatti, hi l-għalqa tal-libertà: mhux laboratorju sterilizzat imma spazju miftuħ u għalhekk vulnerabbli.  Biex nikkultavawha kif jixraq, min-naħa hemm bżonn nieħdu ħsieb b’attenzjoni ż-żerriegħa tat-tajjeb, mill-oħra nagħrfu u nqaċċtu l-pjanti li jinfestaw, fil-mument it-tajjeb.  Allura nħarsu fina nfusna u neżaminaw ftit x’qed jiġri, x’qed jikber fija, x’inhu t-tajjeb jew il-ħażin li qed jikber fija.  Hemm metodu sabiħ biex nagħmlu dan: dak li nsejħulu ‘l-eżami tal-kuxjenza’, li neżamina kulma għadda minn ħajti matul il-ġurnata, x’laqatli ‘l qalbi u liema deċiżjonijiet ħadt.  U dan iservi biex, fid-dawl ta’ Alla, niċċekkjaw fejn jinsab il-ħaxix ħażin u fejn hemm iż-żerriegħa t-tajba.

Wara l-għalqa tad-dinja u l-għalqa tal-qalb hemm għalqa oħra.  Nistgħu nsejħulha l-għalqa ta’ gârna.  Huma l-persuni li niltaqgħu magħhom kuljum u li spiss niġġudikawhom.  Kemm hu ħafif għalina nagħrfu s-sikrana tagħhom, kemm inħobbu “nqaxxru” lill-oħrajn!!  Iżda kemm hi iebsa naraw il-qamħ it-tajjeb li qed jikber fihom!  Però niftakru li jekk irridu nikkultivaw l-għelieqi tal-ħajja, importanti li qabel kollox infittxu l-opra t’Alla: nitgħallmu kif fl-oħrajn, fid-dinja, fihom infushom, naraw is-sbuħija li żera’ l-Mulej, il-qamħ imbewwes mix-xemx biż-żbul dehbieni.  Ħuti, nitolbu l-grazzja li nagħrfu dan fina u fl-oħrajn ukoll, u nibdew minn dawk li għandna madwarna.  Mhux ħarsa inġenwa, iżda ħarsa ta’ emmna, għax Alla, il-bidwi tal-għalqa l-kbira tad-dinja, jħobb jara t-tajjeb u jkabbru sakemm mill-ħsad jagħmel festa!

Allura llum ukoll nistgħu nagħmlu xi ftit mistoqsijiet lilna nfusna.  Aħna w naħsbu fl-għalqa tad-dinja”: naf negħleb it-tentazzjoni “li nitfa’ kollox f’keffa waħda”, li bil-ġudizzji tiegħi lill-oħrajn niknishom kinsa sewwa?  Imbagħad, aħna u naħsbu fl-għalqa ta’ qalbna: jien onest miegħi innifsi meta nfittex il-ħaxix ħażin?, jien narmih b’rieda soda fin-nar tal-ħniena t’Alla?  U, jien u naħseb fl-għalqa tal-ġâr: għandi l-għerf nagħraf dak li hu tajjeb bla ma nħalli l-limitazzjonijiet u t-tkaxkir ta’ ħaddieħor jiskoraġġini?

Il-Verġni Marija tgħinna nikkultivaw bil-paċenzja dak li l-Mulej jiżra’ fl-għalqa tal-ħajja, fl-għalqa tiegħi, f’dik tal-ġâr fl-għalqa ta’ kulħadd.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Illum, meta bosta żgħażagħ qed iħejju biex imorru għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, qed niċċelebraw il-Jum Dinji tan-Nanniet u l-Anzjani.  Għalhekk, maġenbi hawn żagħażugħ u nanna: in-nanna u n-neputi.  Applaws lilhom it-tnejn!  Il-fatt li dawn il-Jiem Dinjin jinsabu tant qrib xulxin għandu tkun stedina biex nippromwovu alleanza bejn il-ġenerazzjonijiet, għax hemm bżonn kbir tagħha, għax il-ġejjieni nibnuh ilkoll flimkien, bil-kondiviżjoni tal-esperjenzi u billi ż-żgħażagħ u l-anzjani jieħdu ħsieb xulxin.  Ma ninsewhomx.  U nagħtu applaws lin-nanniet irġiel u nisa kollha!  Applaws qawwi!

Hawnhekk u f’ħafna pajjiżi qed jinħassu avvenimenti klimatiċi estremi: min-naħa, xi reġjuni għaddejjin minn mewġiet ta’ sħana anomali u huma milqutin minn nirien qerrieda; mill-oħra, mhux fi ftit postijiet hemm xita qliel u għarar, bħal dak li dawn l-aħħar ġranet ifflaġella lill-Korea t’Isfel: jien qrib ta’ kulmin qed isofri u kulmin qed jassisti lill-vittmi u lil dawk li sfaw bla dar.  U, jekk jogħġobkom, intenni l-appell tiegħi lil min hu responsabbli fost  in-nazzjonijiet biex jagħmlu xi ħaġa aktar konkreta ħalli jitnaqqsu l-gassijiet li qed inġġsu: hi sfida urġenti li ma nistgħux inħalluha għal għada, tolqot lil kulħadd.  Ejjew nipproteġu d-Dar Komuni tagħna!

U issa nixtieq niġbed l-attenzjoni dwar id-dramm li għadu għaddej u li jolqot lill-migranti fin-naħa t’isfel tal-Afrika.  Eluf minnhom, bi tbatija li ma titfissirx, ilhom ġimgħat maqbudin u abbandunati fi rqajja deżertiċi.  Indur bl-appell tiegħi, partikolarment lejn il-kapijiet tal-Istati u tal-gvernijiet ewropej u afrikani, biex dawn ħutna jingħataw għajnuna u assistenza urġentement.  Il-Mediterran qatt aktar m’għandu jkun teatru tal-mewt u diżumanità.  Il-Mulej idawwl l-imħuħ u l-qlub ta’ kulħadd u jqanqal sentimenti ta’ fraternità, solidarjetà u akkoljenza.

U nkomplu nitolbu għall-paċi, b’mod speċjali fl-għażiża Ukrajna, li għadha mġarrba bil-mewt u d-distruzzjoni, kif, sfortunatament ġara dal-lejl f’Odessa.

Insellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini mill-Italja u minn tant pajjiżi, partikolarment lil dawk ġejjin mill-Brażil, mill-Polonja, mill-Urugwaj... huma bosta!  Ukoll lill-istudenti tfajliet minn Buenos Aires, il-fidili mid-Djoċesi ta’ Legnica, fil-Polonja.  Insellem ukoll lill-grupp ċikloturistiku “Erbgħin Sena Wara” minn Cogorno, lill-parteċipanti tal-inizjattiva “Pedalar pela Paz”: u lit-tfal li jinsabu fil-kura ta’ xi komunitajiet (fir-reġjun) tal-Lazio.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.   U nitolbu wkoll għal din in-nanna u dan-neputi, kif ukoll flimkien man-nanniet kollha u  n-neputijiet. 

L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber