IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 23 ta’ Ġunju, 2024

Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!                                               

L-Evanġlju tal-lum jippreżentalna lil Ġesù fuq id-dgħajsa flimkien mad-dixxipli fl-għadira ta’ Tiberijade.  F’daqqa waħda tinqala’ tempesta kbira u d-dgħajsa tkun fil-periklu li tegħreq.  Ġesù, li kien rieqed, qam, ordna lir-riħ biex jieqaf u kollox ikkalma (cfr Mt 4,35-41).

Imma fil-fatt Hu ma qamx, qajmuh!  Kienu d-dixxipli maħkumin mill-biża’ li qajmuh.  Lejliet filgħaxija kien Ġesù stess li qal lid-dixxipli biex jaqbdu d-dgħajjes u jaqsmu l-għadira.  Huma kienu esperti, kienu sajjieda, dak kien l-ambjent tal-ħajja tagħhom; imma tempesta setgħet iddaħħalhom f’diffikultà.  Donnu li Ġesù ried jgħaddihom minn prova.  Madankollu ma jħallihomx waħedhom, imur magħhom fid-dgħajsa, kalm, anzi, rieqed.  U meta faqqgħet it-tempesta, jserrħilhom rashom bil-preżenza tiegħu, jagħmlilhom kuraġġ u jħeġġiġhom biex ikollhom fidi isħaħ waqt li ħariġhom mill-periklu.  Imma nistgħu nagħmlu mistoqsija: għaliex ġab ruħu hekk, Ġesù?

Biex isaħħaħ il-fidi tad-dixxipli u jagħmilhom aktar kuraġġużi.  Infatti, huma ħarġu minn din l-esperjenza aktar konxji mis-setgħa ta’ Ġesù u tal-preżenza tiegħu fosthom, għalhekk issaħħew u kienu aktar lesti biex jaffrontaw l-ostakli, id-diffikultajiet, fosthom il-biża’ li jidħlu fl-avventura tat-tħabbir tal-Evanġelju.  Ladarba għelbu dil-prova flimkien miegħu, huma kellhom jagħrfu kif jaffrontaw provi oħra, sas-salib u l-martirju, biex iwasslu l-Evanġelju lill-ġnus kollha.

Ġesù jagħmel magħna l-istess, partikolarment fl-Ewkaristija: jiġborna madwaru, itina Kelmtu, jitmagħna bil-Ġisem tiegħu u b’Demmu, imbagħad jistedinna biex naqdfu ‘l barra, biex nittrasmettu lil kulħadd dak kollu li nkunu ħassejna u naqsmu ma’ kulħadd dak li rċevejna, fil-ħajja ta’ kuljum, anki meta din tkun iebsa.  Ġesù ma jeħlisniex mill-għawġ, imma bla ma jabbadunana, jgħinna naffrontawh.  Itina l-kuraġġ.  Hekk, aħna wkoll, negħlbu d-diffikultajiet bl-għajnuna tiegħu u nitgħallmu nkunu aktar qrib tiegħu, nafdaw fil-qawwa tiegħu li tmur ferm aktar ‘l hinn mill-ħiliet tagħna, negħlbu l-inċertezzi, il-qtigħ il-qalb, l-għeluq u l-preġudizzji, bil-kuraġġ u b’qalb kbira, biex ngħidu lil kulħadd li s-Saltna t’Alla tinsab hawn, u li b’Ġesù maġenbna nistgħu nkabbruha lil hinn minn kull ostaklu.

Allura nsaqsu lilna nfusna: fil-waqtiet tal-prova, niftakar fid-drabi li fihom tul ħajti ġarrabt il-preżenza u l-għajnuna tal-Mulej?  Naħsbu ftit: Meta tasal xi tempesta ninħakem mill-ansjetà jew inkella nitħaddan aktar miegħu, - hemm it-tempesti interjuri - biex insib il-kalma u l-paċi, bit-talb, bis-silenzju, bis-smigħ tal-Kelma, bl-adorazzjoni u billi fraternament naqsam mal-oħrajn il-fidi tiegħi?

Il-Verġni Marija, li laqgħet bl-umiltà u l-kuraġġ ir-rieda t’Alla, ittina s-serenità biex fil-waqtiet iebsin nintelqu għal kollox f’idejh.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

insellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini mill-Italja u minn diversi pajjiżi.

Insellem b’mod partikolari lill-fidili minn Sant Boi de Llobregat (Barcellona) u lil dawk minn Bari.  Insellem lill-parteċipanti tal-manifestazzjoni “Nagħżlu l-ħajja”, lill-kor “Edelweiss” tas-Sezzjoni Alpini minn Bassano del Grappa, liċ-ċiklisti minn Bollate li ġew bir-roti.

Inkomplu nitolbu għall-paċi,  speċjalment fl-Ukrajna, fil-Palestina, f’Iżrael.  Inħares lejn il-bandiera ta’ Iżrael.  Illum rajt waħda jien u ġej lura mill-Knisja tal-Erbgħin Qaddisin Martri, hi sejħa għall-paċi!  Nitolbu għall-paċi!  Fil-Palestina, f’Ġaża, fit-Tranmuntana tal-Congo… Nitolbu għall paċi!  U jalla fl-Ukrajna tant mifluġa, issaltan il-paċi!  Jalla l-Ispirtu s-Santu jqawwl l-imħuħ tal-governanti, itihom l-għaqal u s-sens ta’ responsabbiltà, biex jevitaw kull azzjoni jew kelma li ssaħħan il-qiegħa u minflok, b’fehma soda jimmiraw lejn soluzzjoni paċifika tal-kunflitti.  Hemm bżonn in-negozjati.

Il-bieraħtlura ħalliena Padre Manuel Blanco, franġiskan li għex fil-Knisja tal-Erbgħin Qaddisin Martri u San Baskal Baylon f’Ruma.  Kien superjur, konfessur, bniedem ta‘ pariri.  Jien u niftakar fih irrid infakkar il-memorja ta‘ tant ħutna franġiskani, konfessuri, predikaturi, li onoraw il-Knisja ta‘ Ruma.  Grazzi lilhom ilkoll!

U nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber