|
ANGELUS
t-Tielet Ħadd tar-Randan
Il-Ħadd, 23 ta’ Marzu, 2025
Test imħejji mil-Papa Franġisku
Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!
Il-parabbola li nsibu fl-Evanġelju tal-lum tkellimna dwar il-paċenzja t’Alla, li jixprunana biex ħajjitna nagħmluha żmien ta’ konverżjoni. Ġesù juża t-tixbiha tas-siġra tat-tin ħawlija, li ma tatx il-frott mixtieq u li, madankollu, il-bidwi ma jridx iqaċċatha: irid itiha d-demel mill-ġdid biex jara jekk għadx tagħti l-frott (cfr Lq 13, 9). Dal-bidwi paċenzjuz hu l-Mulej li jaħdem l-art tal-ħajja tagħna b’attenzjoni kbira u jistenna fiduċjuz li nerġgħu lura għandu.
Tul daż-żmien twil li fih ilni rikoverat, ġarrabt il-paċenzja tal-Mulej, u naraha riflessa fl-attenzjoni bla heda tat-tobba u tal-operaturi sanitarji, kif ukoll fl-attenzjoni u t-tamiet tal-familjari tal-morda. Dil-paċenzja fiduċjuża, ankrata fl-imħabba t’Alla li qatt ma jittradina, hi verament meħtieġa għall-ħajjitna, partikolarment biex naffrontaw is-sitwazzjonijiet l-aktar diffiċli u ta’ tbatija.
Tnikkitt ħafna li reġgħu bdew bumbardamenti kbar mill-iżareljani fuq l-Istrixxa ta’ Gaża, li ħallew bosta mejtin u feruti. Nitlob li jieqfu l-armi; li jinstab il-kuraġġ biex jerġa’ jibda d-djalogu, biex jinħelsu l-ostaġġi kollha u jasal waqfien mill-ġlied definittiv. Is-sitwazzjoni umanitarja f’Gaża mill-ġdid reġgħet saret waħda mill-aktar gravi u tesiġi impenn urġenti min-naħa ta’ dawk li qed jitqabdu u mill-komunità internazzjonali.
Iżda jien kuntent li l-Armenja u l-Azerbajġan waslu għal fetheim definittiv dwar il-paċi. Nawgura li dan ikun iffirmat mill-aktar fis possibbli u li jkun ta’ kontribut biex fil-Kawkasu tan-Nofsinhar ikun hemm paċi dejjiema.
B’ħafna paċenzja u perseveranza għadkom qed titoblu għalija: nirringrazzjakom ħafna! Jien ukoll nitlob għalikom. U flimkien nitolbu bil-ħerqa biex jieqfu l-gwerer u ssaltan il-paċi, speċjalment fl-Ukrajna mbiċċra, fil-Palestina, f’Iżrael, fil-Libanu, fil-Myanmar, fis-Sudan, fir-Repubblika Demokratika tal-Congo.
Il-Verġni Marija tħarisna u tkompli takkumpanjana fil-mixja lejn l-Għid.
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber