Laikos

 

 IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Il-Ħadd, 23 ta’ Frar, 2025

 Ħuti,il-Ħadd it-tajeb!

 

Dalgħodu, fil-Bażilika ta’ San Pietru saret iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija bl-ordinazzjoni ta’ xi kandidati għad-djakonija.  Insellem lilhom u lill-parteċipanti li ħadu sehem fil-Ġublew tad-Djakni li kien qed isir dal-ġranet fil-Vatikan; u rrodd ħajr lid-Dikasteri għall-Kleru u għall-Evanġlizzazzjoni li ħejjew dan l-avveniment.

 

Għeżież ħuti Djakni, intom tiddedikaw ruħkom għat-tħabbir tal-Kelma u għas-servizz tal-karità; twettqu l-ministeru tagħkom fil-Knisja bil-kliem u bl-opri, biex twasslu l-imħabba u l-ħniena t’Alla lil kulħadd.  Inħeġġiġkom biex tkomplu l-appostolat tagħkom bil-ferħ u – kif jissuġġerixxi l-Evanġelju tal-lum – tkunu sinjal ta’ mħabba li tħaddan lil kulħadd, li l-ħażen tibdlu f’ġid u jsiġġenera dinja fraterna.  Tibżgħux tirriskjaw l-imħabba!

 

Min-naħa tiegħi qed inkompli nqatta’ daż-żmien fil-Policlinico Gemelli bil-fiduċja, għaddej bil-kura li għandi bżonn; u l-mistrieħ ukoll hu parti it-terapija!  Irrodd ħajr minn qalbi lit-tobba u lill-operaturi sanitarji ta’ dan l-isptar għall-attenzjoni li qed ituni u għad-dedikazzjoni li biha jeżerċitaw is-servizz tagħhom mal-morda.

 

Għada jaħbat it-tielet anniversarju minn meta bdiet il-gwerra bla ħniena fuq l-Ukrajna: anniversarju ta’ niket u ta’ mistħija għall-umanità kollha!  Filwaqt li nġedded il-qrubija tiegħi mal-poplu mbiċċer tal-Ukrajna, nistedinkom tiftakru fil-vittmi tal-kunflitti armati kollha u titolbu għad-don tal-paċi fil-Palestina, f’Iżrael u fil-Lvant Nofsani kollu, fil-Myanmar, f’Kivu u fis-Sudan.

 

Dal-ġranet wasluli bosta messaġġi ta’ għożża imma laqtuni ħafna l-ittri u t-tpinġijiet tat-tfal.  Grazzi ta’ dil-qrubija u għat-talb ta’ faraġ li rċevejt minn madwar id-dinja kollha!  Nafda lil kulħadd fl-interċessjoni ta’ Marija u nistedinkom titolbu għalija.

 

 

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber