ŻJARA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU F'BARI

FL-OKKAŻJONI TAL-LAQGĦA TA' RIFLESSJONI U SPIRITWALITÀ

“IL-MEDITERRAN FRUNTIERA TA' PAĊI”

 

ANGELUS

 

Corso Vittorio Emanuele II (Bari)

Il-Ħadd, 23 ta' Frar, 2020

 

Għeżież ħuti,

kif aħna miġburin hawn biex nitolbu u nirriflettu dwar il-paċi u x-xorti tal-popli tal-pajjiżi tal-Mediterran, fuq in-naħa l-oħra ta' dal-baħar, partikolarment fil-majjistral tas-Sirja, qed isseħħ traġedja bla qies.  Minn qlubna ta' rgħajja joħroġ appell lill-atturi kollha mdaħħlin fis-sitwazzjoni u lill-komunità internazzjonali sabiex iwaqqfu d-diwi tal-armi u biex jingħata widen għall-biki taż-żgħar u ta' min hu bla difiża; sabiex jitwarrbu fil-ġenb il-kalkoli u l-interessi ħalli jkunu mħarsin il-ħajjiet tan-nies ċivili u ta' tant tfal innoċenti li qed iħallsu l-konsegwenzi.

Nitolbu lill-Mulej biex iqanqal il-qlub sabiex kulħadd ikun jista' jegħleb il-loġika tat-taqbid, tal-mibegħda u tat-tpattija ħalli nerġu niskopru li aħna aħwa, ulied Missier wieħed li jtella' x-xemx fuq it-tajbin u fuq il-ħżiena.  Nitolbu bil-ħerqa lill-Ispirtu s-Santu sabiex kull wieħed u waħda minna, ibda mill-affarijiet li nagħmlu ta' kuljum, jagħti sehemu biex jinbnew relazzjonijiet ġodda mnebbħin mill-fehim, mill-akkoljenza u l-paċenzja ħalli b'hekk jinkisbu l-kundizzjonijiet meħtieġa biex inġarrbu l-ferħ tal-Evanġelju u nxandruh f'kull ambjent tal-ħajja.  Il-Verġni Marija, Kewkba tal-Baħar (Omm Alla) li nħarsu lejha bħala l-għola eżempju ta' fedelta lejn  Ġesù u lejn kelmtu, tgħinna nimxu f'dit-triq.

Qabel ma ngħidu l-Angelus flimkien, irrodd ħajr minn qalbi lill-Isqfijiet kollha u lil kull min ħa sehem f'dil-laqgħa dwar il-Mediterran bħala fruntiera ta' paċi; kif ukoll lil dawk kollha - li huma ħafna! - li b'xi mod ħadmu biex dan jirnexxi.  Grazzi lil kulħadd!  Tajtu sehemkom biex titkattar il-kultura tal-laqgħa u tad-djalogu f'dar-reġjun tant importanti għall-paċi fid-dinja.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber