IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 26 ta’ Frar, 2023

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju ta’ dan l-ewwel Ħadd tar-Randan jippreżentalna lil Ġesù fid-deżert ittentat mix-xitan (cfr Mt 4,1-11).  Il-kelma “diavolo” tfisser “dak li jifred”.  Ix-xitan dejjem lest biex joħloq il-firda, u dak jipprova jagħmel anki meta ttenta lil Ġesù.  Ħa naraw, allura minn min irid jifirdu u b’liema mod jittentah.

Minn ma’ min irid jifred lil Ġesù x-xitan?  Wara li rċieva l-Magħmudija minn Ġwanni, fil-Ġordan, il-Missier għaraf lil Ġesù bħala “Ibni  l-maħbub” (Mt 3,17) u l-Ispirtu niżel fuqu f’għamla ta’ ħamiema (cfr v. 16).  B’hekk l-Evanġelju jippreżentalna lit-tlett Persuni divini magħqudin fl-imħabba.  Wara, Ġesù stess jgħid li kien ġie fid-dinja biex itina sehem mill-għaqda li hemm bejnu u bejn il-Missier (cfr Ġw 17,11).  Iżda x-xitan jagħmel il-maqlub; jidħol fix-xena biex jifred lil Ġesù minn mal-Missier u jaljenah mill-missjoni tal-għaqda mħejjija għalina.  Jifred dejjem.

Naraw issa b’liema mod jipprova jagħmel dan.  Ix-xitan irid japprofitta ruħu mill-kundizzjoni umana ta’ Ġesù, li hi dgħajfa għax kien ilu sajjem erbgħin jum u għandu l-ġuħ (cfr Mt 4,2).  Allura l-malinn jipprova jinfdu bi tlett “veleni” qawwija biex jgħattablu l-missjoni li jgħaqqad.  Dawn il-veleni huma d-dipendenza, l-isfiduċja u s-setgħa.  Qabel kollox il-velenu tad-dipendenza mill-affarijiet, mill-bżonn; ix-xitan jipprova jinpressjona lil Ġesù b’raġunamenti perswassivi “Għandek il-ġuħ, għalfejn għandek issum?  Agħti widen għal dak li teħtieġ, issodisfah, għandek id-dritt u s-setgħa: ibdel il-ġebel f’ħobż”.  Imbagħad it-tieni velenu, l-isfiduċja: “Inti żgur – jinsinwa l-malinn – li l-Missier iridlek il-ġid?”,  ittestjah, irrikattah!  Intefa’ għal isfel mill-aktar post għoli tat-tempju u ġagħalu jagħmel dak li trid int”.  Fl-aħħar is-setgħa, il-poter: “Lil Missierek m’għandekx bżonnu!  Għalfejn toqgħod tistenna d-doni tiegħu?  Imxi fuq il-kriterji tad-dinja, aħtaf kollox b’idejk, waħdek, u jkollok is-setgħa!”  It-tlett tentazzjonijiet ta’ Ġesù.  U aħna wkoll ngħejxuhom dawn it-tlett tentazzjonijiet, dejjem.  Terribbli, imma hekk hu, l-istess jiġri lilna wkoll: id-dipendenza mill-affarijiet, l-isfiduċja, l-għatx għall-poter huma tlett tentazzjonijiet mifruxin ħafna u perikolużi li x-xitan juża biex jifridna mill-Missier u ma jħalliniex inħossuna aktar aħwa bejnietna, biex iressaqna lejn is-solitudni u lejn id-disperazzjoni.  Hekk ried jagħmillu lil Ġesù, hekk irid jagħmel lilna: iressaqna lejn id-disperazzjoni.

Iżda Ġesù jegħleb it-tentazzjonijiet.  U kif jegħlibhom?  Billi jevita li jiddiskuti max-xitan u jwieġeb bil-Kelma t’Alla.  Dan hu l-importanti: max-xitan ma niddiskutux, max-xitan ma niddjalogawx!  Ġesù jikkonfrontah bil-Kelma t’Alla.  Jikkwotalu tlett sentenzi mill-Iskrittura li jitkellmu dwar il-ħelsien mir-rabta mal-affarijiet (cfr Dewt 8,3), il-fiduċja (cfr Dewt 6,16) u s-servizz lil Alla (Dewt 6,13), tlett sentenzi opposti għat-tentazzjonijiet.  Qatt ma jiddjaloga max-xitan, ma jinnegozjax miegħu imma jirribatti l-insinwazzjonijiet tiegħu bil-Kliem ta’ fejda tal-Iskrittura.  Hi stedina għalina wkoll: max-xitan ma niddiskutux!  Ma ninnegozjawx, ma niddjalogawx; mhux se negħlbuh jekk ninnegozjaw miegħu, hu aktar b’saħħtu minna.  Lix-xitan negħlbuh billi bil-fidi nopponuh bil-Kelma divina.  Hekk Ġesù jgħallimna niddefendu l-għaqda ma’ Alla u bejnietna mill-attakki ta’dak li jifred.  Il-Kelma divina, li hi t-tweġiba ta’ Ġesù lix-xitan.

U nistaqsu: x’post għandha l-Kelma t’Alla f’ħajti?  Fit-taqbid spiritwali tiegħi nirrikorri għaliha?  Jekk għandi vizzju jew tentazzjoni li ttanbar spiss, għaliex ma ngħinx lili nnnifsi billi nfittex vers mill-Kelma t’Alla li jkun tweġiba għal dak il-vizzju?  Imbagħad, meta tasal it-tentazzjoni, ngħidu, nitlob bih bil-fiduċja fil-grazzja ta’ Kristu.  Nippruvaw, dak ikun għajnuna fit-tentazzjonijiet, jgħinna qatigħ, għax fost il-bosta ilħna li jidwu ġewwa fina, tidwi l-Kelma t’Alla li taħji.  Jalla Marija, li laqgħet il-Kelma t’Alla u li bl-umiltà tagħha għelbet is-suppervja ta’ dak li jifred, takkumpanjana fit-taqbida spiritwali fir-Randan.

Wara l-Angelus

Għeżieħ ħuti!

Għadhom qed jaslu aħbarijiet ta’ niket mill-Art Imqaddsa: tant persuni maqtulin, tfal ukoll....  Kif tista’ tieqaf din l-ispirali tal-gwerra?”  Inġedded l-appell tiegħi biex id-djalogu jegħleb il-mibegħda u l-vendetta, u nitlob lil Alla għall-palestinjani u l-iżraeljani sabiex isibu t-triq tal-fraternità u tal-paċi, bl-għajnuna tal-Komunità Internazzjonali.

Dalgħodu sirt naf b’sogħba kbira, bin-nawfraġju li seħħ fuq il-kosta tal-Calabria, qrib Crotone.  Diġa nġabru erbgħin katavru, fosthom bosta tfal.   Nitlob għal kull wieħed u waħda minnhom, għal min għadu mitluf u għall-migranti l-oħra li ħelsuha.  Irrodd ħajr lil dawk li wasslu l-għajnuna u lil dawk li qed jilqgħuhom.  Jalla l-Madonna twieżen li dawn ħutna.  U ma ninsewx it-traġedja tal-gwerra fl-Ukrajna li diġà ilha sejra sena.  U ma ninsewx in-niket tal-poplu sirjan u dak tork minħabba t-terremot. 

Insellem lilkom ilkoll li ġejtu mill-Italja u minn pajjiżi oħra.  Insellem lill-pellgrini minn Spanja, mill-Portugall, mill-Messiku u mill-Kroazja.  Insellem lill-fidili minn Palermo, Montelepre, Termini Imerese u Riese Pio X; lill-istudenti mis-seminarju Campo Interregionale minn Napli; lill-adoloxxenti minn diversi parroċċi mid-djoċesi ta’ Milan; lill-adoloxxenti tal-Griżma minn Cavaion u Sega (Verona), lill-grupp minn Limbadi u lit-tfal tal-Ewwel Tqarbina minn Sant’Aurea u Ostia Antica.

Nagħti merħba lill-Assoċjazzjoni Taljana tad-Donaturi tal-Organi li qed tiċċelebra l-50 sena mit-twaqqif: irroddilkom ħajr għall-impenn ta’ solidarjetà soċjali tagħkom u nħeġġiġkom tkomplu tippromwovu l-ħajja permezz tad-donazzjoni tal-organi.  Tislima speċjali, imbagħad, lil kull min ġie hawn fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Mard Rari, li jaħbat pitgħada: inġedded l-inkoraġġiment tiegħi lill-Assoċjazzjonijiet tal-morda u tal-familjari; jalla qatt ma tonqos, speċjalment għat-tfal, il-qrubija tagħna biex huma jħossu l-imħabba u t-tenerezza ta’ Alla.

U nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber