IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd 22 ta' Novembru, 2020

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum qed niċċelebraw is-solennità tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu Sultan tal-univers, u b'hekk qed nagħlqu wkoll is-sena liturġika, iż-żmien li tulu jintiseġ il-misteru ta' Kristu: is-sena liturġika.  Huwa hu l-Alfa u l-Omega, il-bidu u l-milja tal-istorja; u l-liturġija tal-lum tiffoka fuq 'l-omega', jiġifieri l-għan aħħari.  Is-sens tal-istorja jinftiehem jekk quddiem għajnejna nżommu l-qofol tagħha: it-tmiem u anki l-għan.  Huwa propju dan li jagħmel Mattew fl-Evanġelju ta' dal-Ħadd (25,31-46), meta jirrakkonta d-diskors dwar il-ġudizzju universali lejn tmiem il-ħajja ta' Ġesù f'din id-dinja: Hu li se jisfa kundannat mill-bnedmin, fil-fatt hu l-imħallef assolut.  Fil-mewt u l-qawmien tiegħu Ġesù juri ruħu bħala s-Sid tal-istorja, is-Sultan tal-univers, l-Imħallef ta' kulħadd.  Iżda l-paradoss nisrani hu li l-Imħallef mhux imlibbes b'xi regalità tat-twerwir, imma hu ragħaj imżejjen sħiħ bil-manswetudni u l-ħniena.

Infatti f'dil-parabbola tal-ġudizzju tal-aħħar, Ġesù jinqeda bix-xbieha tar-ragħaj.  Jieħu t-tixbiha tal-profeta Eżekjel li kien tkellem dwar l-intervent ta' Alla favur il-poplu, kontra r-rgħajja ħżiena ta' Iżrael (cfr 34,1-10). Dawn kienu krudili, jisfruttaw, u jippreferu jpaxxu lilhom infushom aktar milli lill-merħla; għalhekk Alla nnifsu jwiegħed li se jieħu ħsieb il-merħla tiegħu personalment, u jiddefendiha mill-inġustizzji u l-abbuż tal-poter.  Dil-wegħda ta' Alla lill-poplu tiegħu issib il-milja sħiħa tagħha f'Ġesù Kristu, ir-Ragħaj: propju huwa hu r-Ragħaj it-Tajjeb.  Hu stess jgħid dwaru nnifsu: "Jien ir-ragħaj it-tajjeb" (Ġw 10,11.14).

Fil-paġna tal-Evanġelju tal-lum, Ġesù ma jidentifikax ruħu biss mar-re ragħaj, imma wkoll man-nagħaġ mitlufa.  Nistgħu nitkellmu dwar "identità doppja":  ir-re ragħaj, Ġesù, jidentifika ruħu wkoll man-nagħaġ, jiġifieri l-iċken aħwa u dawk l-aktar fil-bżonn.  U b'hekk jindika l-kriterju tal-ġudizzju: dan se jittieħed a bażi tal-imħabba konkreta mogħtija jew miċħuda lil dawn il-persuni, għax Hu stess, l-Imħallef, jinsab preżenti f'kull wieħed u waħda minnhom.  Huwa mħallef, Hu Alla-bniedem, imma hu wkoll il-fqir, Hu moħbi, jinsab fil-persuna tal-foqra li jsemmi propju hemmhekk.  Ġesù jgħid: "Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu (jew m'għamiltux) ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh (jew m'għamiltuhx) miegħi” (vv. 40.45).  Għad inkunu ġudikati fuq l-imħabba.  Il-ġudizzju se jkun dwar l-imħabba.  Mhux fuq is-sentiment, le: se nkunu ġudikati fuq l-opri, fuq il-kumpassjoni li ssir qrubija u għajnuna ħerqana.

Jien nersaq lejn Ġesù preżenti fil-persuna tal-morda, tal-foqra, tal-batuti, tal-ħabsin, ta' dawk li huma bil-ġuħ u bil-għatx għall-ġustizzja?  Nersaq lejn Ġesù li huwa preżenti hemmhekk?  Din hi l-mistoqsija tal-lum.

Għalhekk, fl-aħħar tad-dinja, il-Mulej se jgħaddi għarbiel il-merħla tiegħu, u dan ma jagħmlux biss mill-aspett ta' ragħaj, imma wkoll mill-aspett tal-merħla, li Hu identifika ruħu magħha.  U se jistaqsina: "Kont xi ftit ragħaj bħali?"  "Kont ragħaj tiegħi meta jien kont preżenti f'dawn in-nies li kienu fil-bżonn, jew kont indifferenti?"  Ħuti, inħarsu lilna nfusna mil-loġika tal-indifferenza, minn dak li jiġina f'moħħna fil-mument: inħarsu n-naħa l-oħra meta naraw il-problema.  Niftakru fil-parabbola tas-Sammaritan it-Tajjeb.  Dak l-imsejken raġel miġrugħ mill-ħallelin, mitfuh fl-art bejn ħajja u mewt, kien hemmhekk, waħdu.  Għadda l-levita, ħares u dawwar wiċċu n-naħa l-oħra.  Jien, quddiem ħuti fil-bżonn, indifferenti bħal das-saċerdot, bħal dal-levita, u nħares lejn in-naħa l-oħra?  Se nkun iġġudikat fuq dan: fuq kif ersaqt, fuq kif ħarist lejn Ġesù preżenti f'min hu fil-bżonn.  Din hi l-loġika, u dan mhux jien qed ngħidu, qed jgħidu Ġesù: "Dak li għamiltu ma' dan, ma' dak, mal-ieħor, għamiltuh miegħi"  U dak  li m'għamiltux lil dan lil dak lill-ieħor m'għamiltuhx miegħi għax jien kont hemm".  Jalla Ġesù jgħallimna din il-loġika, dil-loġika tal-qrubija, li nersqu lejH, bl-imħabba, fil-persuna ta' min qed ibati.

Nitolbu lill-Verġni Marija tgħallimna nsaltnu bil-qadi.  Il-Madonna mtella' s-sema rċeviet il-kuruna regali mingħand Binha għax imxiet warajh fedelment - hija l-ewwel dixxiplu - fil-ħajja tal-Imħabba.  Nitgħallmu minnha biex minn issa nidħlu fis-Saltna t'Alla mill-bieb tas-servizz umli u ġeneruż.  U mmorru lura d-dar b'dis-sentenza biss f'moħħna: "Jien kont hemm.  Grazzi!, inkella: "Insejtni".

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Nixtieq inwassal ħsieb speċjali lill-popolazzjonijiet (tar-reġjuni Taljani) tal-Campania u tal-Basilicata f'għeluq l-erbgħin sena mit-terremot diżastruż li kellu l-epiċentru tiegħu fl-Irpinia u li ħalla warajh mewt u tifkrik.  Diġà għaddew erbgħin sena!  Dik il-ġrajja drammatika, li l-ġrieħi tagħha, ukoll dawk materjali, għadhom ma fiequx għal kollox, uriet il-ġenerożità u s-solidarjetà tat-taljani.  Xhieda ta' dan huma l-ħafna ġemellaġġi bejn postijiet milqutin mit-terremot u dawk tat-tramuntana u taċ-ċentru, rabtiet li għadhom fis-seħħ.  Dawn l-inizjattivi kienu ta' fejda għall-bini mill-ġdid, b'pass tqil u, fuq kollox, ta' fraternità bejn id-diversi komunitajiet tal-peniżola.

Insellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini, li minkejja d-diffikultajiet ta' bħalissa, u dejjem b'rispett lejn ir-regoli, ġejtu fi Pjazza San Pietru.  Tislima speċjali lill-familji li bħalissa jinsabu fit-tbatija għax bla xogħol, tilfu x-xogħol u għandhom wild jew aktar; li xi kultant bi ftit mistħija, ma jurux fiex jinsabu.  Imma kunu intom li tmorru tfittxu fejn hemm il-ħtieġa.  Fejn hemm Ġesù, fejn hemm Ġesù fil-bżonn.  Agħmlu dan!

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb - lil dawk tal-Immakulata wkoll, huma tal-ġenn! -.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber