IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 22 ta’ Ottubru, 2023

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum jirrakkonta li xi Fariżej ingħaqdu ma’ xi erodjani biex inassu lil Ġesù.  Dejjem kienu jippruvaw jaqbduh f’xi nassa.  Imorru għandu u jistaqsuh: “Sewwa jew le li wieħed iħallas it-taxxa lil Ċesari?” (Mt 22,17).  Ingann: jekk Ġesù jilleġittima t-taxxa jkun jidher favur is-setgħa politika li l-poplu ftit li xejn kienet tinżillu, iżda jekk jgħidilhom biex ma jħallsuhiex seta’ jisfa akkużat b’ribelljoni kontra l-imperu.  Nassa tabilħaqq.  Iżda hu jaħrab minn dal-periklu.  Jitlobhom ituh munita li kien fiha x-xbieha ta’ Ċesari u jgħidilhom: “Agħtu  lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari u lil Alla dak li hu ta’Alla” (v. 21).  Xi jfisser dan?

Dal-kliem ta’ Ġesù daħal fl-espressjoni tal-ħajja ta’ kuljum, imma xi kultant jintuża b’mod żbaljat – jew tal-anqas, riduttiv – fid-diskors li jolqot ir-relazzjoni bejn il-Knisja u l-Istat, bejn l-insara u l-politika; spiss jinftiehmu qiesu li Ġesù ried jifred lil “Ċesari” minn ma’ “Alla:, jiġifieri ir-realtà terrena minn dik spiritwali.  Kultant aħna wkoll nirraġunaw hekk: ħaġa hi l-fidi bil-prattiċi tagħha iżda l-ħajja ta’ kuljum hi xi ħaġa oħra.  U dan mhux sew.  Din hi “skizzofrenija”, qiesu li l-fidi m’għandha x’taqsam xejn mal-ħajja konkreta, mal-isfidi tas-soċjetà, mal-ġustizzja soċjali, mal-politika, eċċ.

Fir-realtà Ġesù jrid jgħinna nħarsu lejn “Ċesari” u lejn “Ġesù” skont l-importanza li għandhom.  Ta’ Ċesari – jiġifieri l-politika, l-istutzzjonijiet ċivili, il-proċessi soċjali u ekonomiċi – hu l-ħarsien tal-ordni terren; u aħna, li niffurmaw parti sħiħa minn dir-realtà, għandna nagħtu lura lis-soċjetà dak kollu li toffrielna, bil-kontribut tagħna bħala ċittadini responsabbli, billi nindukraw dak li hu fdat f’idejna u nippromwovu d-dritt u l-ġustizzja fid-dinja tax-xogħol, inħallsu t-taxxi bl-onestà, nimpenjaw ruħna għall-ġid komuni, eċċ.  Fl-istess ħin, però, Ġesù jafferma r-realtà fundamentali: li l-bniedem hu ta’ Alla, il-bniedem sħiħ u kull bniedem fid-dinja.  U dan ifisser li aħna m’aħna ta’ ebda realtà tad-dinja, ta’ ebda “Ċesari” li jkun isaltan.  Aħna tal-Mulej u m’għandniex inkunu lsiera ta’ ebda setgħa tad-dinja.  Fuq il-munita, għalhekk, hemm ix-xbieha tal-imperatur, imma Ġesù jfakkarna li f’ħajjitna hemm ittimbrata x-xbieha ta’ Alla, ħaġa li xejn u ħadd ma jista’ jinnega.  L-affarijiet ta’ did-dinja huma ta’ Ċesari imma l-bniedem u l-istess dinja huma ta’ Alla: ma nisewhiex!

Għalhekk nifhmu li Ġesù qed ireġġa’ lil kull wieħed u waħda minna lura lejn l-identità tagħna: fuq il-munita ta’ did-dinja hemm ix-xbieha ta’ Ċesari, imma int - jien, kull wieħed u waħda minna - liema xbieha għandek f’qalbek”  Nagħmlu dil-mistoqsija lilna nfusna: jien liema xbieha nġorr f’qalbi?  F’ħajtek inti  ta’ min int xbieha?  Niftakru li aħna tal-Mulej, jew inħallu l-loġika tad-dinja tagħġinna, u x-xogħol u l-politika, il-flus isiru l-idoli li naduraw?

Il-Verġni Mbierka tgħinna nagħrfu u nonoraw id-dinjità tagħna u dik ta’ kull bniedem tad-dinja.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Għal darb’oħra ħsiebi jmur lejn dak li qed jiġri f’Iżrael u fil-Palestina.    Jien imħasseb ħafna, imnikket, nitlob u jien qrib dawk kollha li qed ibatu, l-ostaġġi, il-feruti, il-vittmi u l-familjari tagħhom.  Qed niftakar fis-sitwazzjoni umanitarja gravi f’Gaża u mnikket ħafna wkoll għax l-isptar Anglikan u l-parroċċa greko-ortodossa ntlaqtu dawn l-aħħar ġranet.  Inġedded l-appell tiegħi biex jinfetħu l-kanali u tkompli tasal l-għajnuna umanitarja u biex jinħelsu l-ostaġġi.

Il-gwerra, kull gwerra li hawn fid-dinja – qed niftakar ukoll fl-Ukrajna mfarrka – hi telfa.  Il-gwerra dejjem telfa, hi l-qerda tal-fraternità umana.  Ħuti, ieqfu!  Ieqfu!

Infakkar li nhar il-Ġimgħa li ġej, 27 ta’ Ottubru, nidejt ġurnata ta’ sawm, talb u penitenza, u dakinhar filgħaxija fis-6.00pm, se jkollna siegħa ta’ talb biex nimploraw il-paċi fid-dinja, fil-Bażilika ta’ San Pietru.

Illum qed niċċelebraw il-Ġurnata Missjunarja Dinjija, bit-tema “Qalb imħeġġa, saqajn li jimxu”.  Żewġ tixbihat li jfissru kollox!  Inħeġġeġ lil kulħadd, fid-djoċesijiet u fil-parroċċi biex jieħdu sehem attivament.

Insellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini, partikolarment lis-sorijiet Siervas de los Pobres hijas del sagrado Corazón de Jesús minn Granada; lill-membri taċ-Centro Académico Romano Fundación; lill-Konfraternità ta’ Señor de los Milagros, tal-Peruvjani li hawn f’Ruma: u grazzi, grazzi tax-xhieda tagħkom!  Komplu hekk, b’dil-ħniena tant sabiħa.

Insellem lill-membri tal-Moviment missjunarju lajkali “Ilkoll ħarriesa tal-umanità”, lill-kor polifoniku “San Antonio Abate” minn Cordenons u l-assoċjazzjonijiet tal-fidili minn Napli u minn Casagiove.

Insellem ukoll lil-żgħażagħ ta’ “Casa Giardino” minn Casalmaggiore, lill-grupp taż-żgħażagħ ħbieb tal-Comunità dell’Emanuele, lid-diriġenti u l-għalliema tal-iskola kattolika “Jean XXIII” minn Toulon, lill-studenti tal-Liċeo “St Croix” minn Neuilly.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Lilkom ukoll adoloxxenti tal-Immacolata. U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber