IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

(Mill-Biblijoteka tas-Santa Sede)

Il-Ħadd, 22 ta' Marzu, 2020

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fiċ-ċentru tal-liturġija tar-raba' Ħadd tar-Randan hemm it-tema tad-dawl.  L-Evanġelju (cfr Ġw 9, 1-41) jirrakkonta l-episodju tar-raġel għama mit-twelid, li Ġesù jagħtih id-dawl.  Das-sinjal mirakoluż hu konferma li Ġesù qed jafferma ruħu u jgħid dwaru nnifsu: "Jien id-dawl tad-dinja" (v. 5), id-dawl li jferrex id-dlamijiet tagħna.  Hekk hu Ġesù.  Hu jħaddem id-dawl tiegħu fuq żewġ livelli: wieħed fiżiku u ieħor spiritwali: l-għama, l-ewwel jingħata d-dawl ta' għajnejh u mbagħad jitmexxa lejn il-fidi f'Bin il-Bniedem (v. 35), jiġifieri Ġesù.  Hi kollha kemm hi mixja.  Illum ikun sabiħ jekk tieħdu f'idejkom l-Evanġelju ta' Ġwanni, kapitlu disgħa u taqraw din is-silta: sabiħa ħafna u jagħmlilna tajjeb naqrawha darb'oħra jew tnejn.  Il-mirakli li jwettaq Ġesù mhumiex ġesti spettakolari, imma għandhom l-għan li jmexxu lejn il-fidi permezz ta' mixja ta' trasformazzjoni interjuri.

Id-dutturi tal-liġi - li kienu hemmhekk, fi grupp - iwebbsu rashom u ma jammettux il-miraklu, lir-raġel imfejjaq jagħmlulu mistoqsijiet insidjużi.  Iżda hu jfixkilhom bil-qawwa tar-realtà: "Ħaġa waħda jien naf: kont għama u issa qed nara" (v. 25).  Bejn ix-xettiċiżmu u l-ostilitàta' min qieħġed madwaru, jinterrogah mibluh, hu jagħmel mixja li ftit ftit twasslu jiskopri l-identità ta' dak li fetaħlu għajnejh u biex jistqarr il-fidi tiegħu fih.  Għall-bidu jiddeskrivih bħala profeta (cfr v. 17): imbagħad jagħrfu bħala xi ħadd li ġej minn Alla (cfr v. 33); fl-aħħar jilqgħu bħala l-Messija u jinżel għaruptejh quddiemu (cfr vv. 36-38).  Fehem li meta jtih id-dawl, Ġesù "qed juri l-għemil t'Alla fih" (cfr v. 3).

Jalla aħna wkoll ngħaddu minn din l-esperjenza!  Bid-dawl tal-fidi, dak li kien għama skopra l-identità l-ġdida tiegħu.  Issa huwa "ħlejqa ġdida", bil-ħila li jara ħajtu u d-dinja ta' madwaru f'dawl ġdid, għax daħal f'komunjoni ma' Kristu, daħal f'dimensjoni ġdida.  M'għadux aktar tallab imwarrab mill-komunità; mhux aktar ilsir tal-għama u l-preġudizzju.  Il-mixja li tagħtu d-dawl hi metafra tal-mixja tal-ħelsien mid-dnub li aħna msejħin għaliha.  Id-dnub jixbaħ velu skur li jgħattilna wiċċna u ma jħalliniex naraw ċar lilna nfusna u lid-dinja;  il-maħfra tal-Mulej tneħħi din l-għata ta' dell u dlam u troddilna dawl ġdid.  Ir-Randan li qed ngħixu għandu jkun dejjem żmien tajjeb u prezzjuż biex noqorbu lejn il-Mulej, nitolbu l-ħniena tiegħu fid-diversi forom li tipproponielna Ommna l-Knisja.

L-għama mfejjaq, li issa qed jara bl-għajnejn tal-ġisem u wkoll b'dawk tar-ruħ, huwa xbieha ta' kull min hu mgħammed, li, mgħaddas fil-Grazzja, tqaċċat mid-dlam u tqiegħed fid-dawl tal-fidi.  Iżda mhux biżżejjed li nirċievu d-dawl.  Kull wieħed u waħda minna aħna msejħin biex nilqgħu d-dawl divin u nuruh bil-ħajja tagħna kollha.  L-ewwel insara, it-teoloġi tal-ewwel sekli, kienu jgħidu li l-komunità tal-insara, jiġifieri l-Knisja, hija "l-misteru tal-qamar", għaliex tagħti d-dawl imma mhux id-dawl tagħha, kien id-dawl li rċeviet mingħand Kristu.  Aħna wkoll għandna nkunu "misteru tal-qamar": nagħtu d-dawl li nirċievu mix-xemx, li hu Kristu, il-Mulej.  Illum dan ifakkarhulna San Pawl: "Għixu ta’ wlied id-dawl li intom; frott id-dawl jinsab f’kull ma hu tjieba, f’kull ma hu ġustizzja, f’kull ma hu verità" (Ef 5,8-9).  Iż-żerriegħa tal-ħajja mqiegħda fina hi bħal xrara tan-nar, li qabel kollox issafina sħiħ, taħraq il-ħażen li għandna fi qlubna u tippermettilna niddu u ndawwlu.  Bid-dawl ta' Ġesù.

Marija Santissma tgħinna nimitaw lir-raġel għama tal-Evanġelju, biex b'hekk id-dawl ta' Kristu jilma fina u nibdew mexjin miegħu fit-triq tas-salvazzjoni.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

f'dawn il-jiem ta' prova, filwaqt li l-umanità hija mriegħda minħabba t-theddida tal-pandemija, irrid nissuġġerixxi lill-insara kollha biex jgħaqqdu leħinhom ilkoll flimkien u jerfgħuh lejn is-sema.  Nistieden lill-Mexxejja tal-Knejjes u l-mexxejja tal-komunitajiet insara kollha flimkien mal-insara kollha tal-konfessjonijiet differenti, biex induru lejn l-Aktar Għoli, Alla li jista' kollox, u kulħadd fl-istess ħin jirreċita t-talba li  għallimna Ġesu l-Mulej tagħna.  Għalhekk nistieden lil kulħadd biex jagħmel dan bosta drabi matul il-ġurnata, imma, sabiex ilkoll flimkien nirreċitaw il-Missierna, nhar l-Erbgħa li ġej f'nofsinhar, ilkoll f'daqqa.  Fil-jum li fih bosta nsara jfakkru t-tħabbira tal-Inkarnazzjoni tal-Verb lill-Verġni Marija, jalla l-Mulej jisma' t-talba unanimi tad-dixxipli tiegħu kollha li qed iħejju biex jiċċelebraw ir-rebħa ta' Kristu Rxoxt.

B'din l-istess intenzjoni, nhar il-Ġimgħa li ġej, 27 ta' Marzu, fis-sitta ta' waranofsinhar, se nippresjiedi waqt ta' talb fuq iz-zuntier tal-Bażilika ta' San Pietru, bil-pjazza vojta.  Minn issa nistieden lil kulħadd jieħu sehem spiritwalment permezz tal-meżżi tal-komunikazzjoni.  Nisimgħu l-Kelma t'Alla, ngħollu s-supplika tagħna, naduraw is-Santissmu Sagrament, u fi tmiem iċ-ċelebrazzjoni ntikom il-barka 'Urbi et Orbi' bis-Sagrament u magħha jkun hemm marbuta l-indulġenza plenarja.

Il-pandemija tal-virus għandna nwieġbu għaliha bit-talb universali, bil-kumpassjoni, bit-tenerezza.  Nibqgħu magħqudin.  Nuru l-qrubija tagħna mal-persuni li jinsabu waħedhom u għajjenin.  Il-qrubija tagħna mat-tobba, mal-operaturi sanitarji u l-infermieri, il-volontarji..  Il-qrubija tagħna mal-awtoritajiet li jridu jieħdu miżuri iebsin, imma għall-ġid tagħna, il-qrubija tagħna mal-puluzija, mas-suldati li fit-toroq jaraw li dejjem ikun hemm l-ordni u li qed ikunu obduti d-direttivi li qed jitlob il-gvern għall-ġid tagħna lkoll.  Qrubija lejn julħadd.

Nesprimi l-qrubija tiegħi mal-popolazzjonijiet tal-Kroazja li dalgħodu ntlaqtu minn terremot.  Il-Mulej itihom il-qawwa u s-solidarjetà biex jaffrontaw din it-traġedja naturali.

U tinsewx: illum ħudu l-Evanġelju f'idejkom u bil-kalma, bilmod, aqraw id-disa' kapitlu ta' Ġwanni.  Jien ukoll se nagħmel hekk.  Jagħmlilna tajjeb lilna lkoll.

U nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber