IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 21 ta’ Novembru, 2021

 

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum, l-aħħar Ħadd tas-Sena Liturġika, jilħaq il-quċċata tiegħu bl-istqarrija ta’ Ġesù li jgħid: “Jien Sultan” (Ġw 18, 37).  Hu jgħid dal-kliem quddiem Pilatu, filwaqt li l-folla qed tgħajjat biex tikkundannah għall-mewt..  Hu jgħid: “Jien Sultan”, u l-folla tgħajjat biex tikkundannah għall-mewt: x’kuntrast!  Waslet is-siegħa.  Donnu jidher li qabel Ġesù ma riedx li n-nies jaħtruh sultan: nitfakru f’dik id-darba  meta wara t-tkattir tal-ħobż u l-ħut, Hu twarrab waħdu biex jitlob (cfr Ġw 6, 14-15).

Il-fatt hu li r-regalità ta’ Ġesù hi differenti għal kollox mir-regalità tad-dinja.  “Is-saltna tiegħi – jgħid lil Pilatu – mhix ta’ din id-dinja” (Ġw 18, 36).  Hu ma jiġix biex jaħkem imma biex jaqdi.  Ma jiġix bis-simboli tas-setgħa imma bis setgħa tas-simboli.  Mhux imħażżem bi lbies prezzjuż imma jinsab għeri fuq is-salib.  U huwa propju bil-kitba li hemm fuq is-salib li Ġesù jingħaraf bħala ‘Re’ (cfr Ġw 19, 19).  Ir-regalità tiegħu tmur ’l hinn mill-qies uman!  Nistgħu ngħidu li mhuwiex sultan bħall-oħrajn, imma Sultan għal-oħrajn.  Nerġgħu naħsbu ftit dwar dan: quddiem Pilatu Kristu jgħid li hu sultan fil-ħin li fih il-folla qed teħodha kontrih, filwaqt li meta kienet tiġri warajh kienet tfaħħru, u issa tbiegħdet minn dan it-tifħir.  Ġesù juri ruħu, jiġifieri, ­juri li ħieles għal kollox mix-xewqa għall-fama u l-glorja tad-dinja.  U aħna – nistaqsu lilna nfusna – nafu nimitawh f’dan?  Nafu nikkontrollaw it-tendenzi tagħna li l-ħin kollu rridu min ifittixna u japprovana, jew nagħmlu minn kollox biex niksbu l-istima tal-oħrajn?  F’dak li nagħmlu, partikolarment fl-impenn tagħna bħala nsara, nistaqsu: x’inhu dak li jgħodd?  Jgħodd iċ-ċapċip jew jgħodd il-qadi?

Ġesù mhux biss jaħrab milli jfittex kull għamla ta’ kobor tad-dinja, imma l-qalb ta’ min jimxi warajh jagħtiha wkoll il-ħelsien u jagħmilha sovrana.   Hu, għeżież ħuti, jeħlsina mill-jasar (mis-sudditanza) tal-ħażen.  Saltnatu ħelliesha, ma fiha xejn li jgħakkes.  Lil kull dixxiplu jqisu bħala ħabib mhux bħala sudditu.  Minkejja li hu għola mis-slaten kollha, ma jfassalx linji ta’ firda bejnu u bejn l-oħrajn; imma jixtieq ikollu aħwa ma’ min jista’ jaqsam il-ferħ tiegħu (cfr Ġw 15, 11).  Meta nimxu warajh ma nitilfu xejn, imma niksbu d-dinjità.  Għax madwaru, Kristu ma jridx serviliżmu, imma bnedmin ħielsa.  U – nistaqsu issa lilna nfusna – minn fejn ġej il-ħelsien ta’ Ġesù?  Niskopru dan jekk iduru lejn l-affermazzjoni quddiem Pilatu: “Jien Sultan.  Jien għalhekk twelidt u għalhkk ġejt fid-dinja: biex nagħti xhieda għall-verità (Ġw 18, 37).

Il-libertà ta’ Ġesù tiġi mill-verità.  Hija l-verità tiegħu li teħlisna (cfr Ġw 8, 32).  Imma l-verità ta’ Ġesù mhix xi idea, xi ħaġa astratta: il-verità ta’ Ġesù hi realtà, hija Hu stess li jiżra’ l-verità  ġewwa fina, jeħlisna mill-wiċċ b’ieħor, mill-falsità li għandna ġo fina, mill-lingwaġġ doppju.  Meta nkunu ma’ Ġesù, insiru veri.  Il-ħajja tan-nisrani mhix reċta li fiha nistgħu nilbsu l-maskra li l-aktar jaqblilna.  Għax meta Ġesù jsaltan fil-qalb, jeħlisha mill-ipokrisija, jeħlisha mill-ingann, mid-doppjezza.  L-aktar ħaġa li turina li Kristu hu s-sultan tagħna hi d-distakk minn dak kollu li jniġġes il-ħajja, li jagħmilha ambigwa, mdaħħna, mnikkta.  Meta l-ħajja hi ambigwa, ftit ‘l hawn jew ftit ‘l hemm, tkun ta’ dwejjaq, ta’ dwejjaq kbar.  Ċertament, dejjem ikollna nagħmlu l-kontijiet mal-limitazzjonijiet u d-difetti: ilkoll kemm aħna midinbin.  Imma meta ngħixu taħt is-sinjorija ta’ Ġesù ma nsirux korrotti, ma nkunu foloz, dejjem lesti biex naħbu l-verità.  Ma ngħixux ħajja doppja.  Ftakruha tajjeb: iva, aħna midinbin, imma qatt korrotti, qatt!  Midinbin iva, korrotti qatt.  Tgħinna l-Madonna biex kuljum infittxu l-verità ta’ Ġesù, Sultan tal-univers, li jeħlisna mill-jasar tad-dinja u jgħallimna negħlbu l-vizzjijiet tagħna.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Illum, għall-ewwel darba fil-festa ta’ Kristu Re, fil-Knejjes partikolari kollha qed jiġi ċelebrat il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.  Għaldaqstant, ħdejja hawn żewġ żgħażagħ minn Ruma biex jirrapreżentaw liż-żgħażagħ kollha ta’ Ruma.  Insellem minn qalbi li-żgħażagħ kollha tad-Djoċesi tagħna u nawgura li ż-żgħażagħ tad-dinja kollha jħossuhom parti ħajja mill-Knisja, protagonisti tal-missjoni tagħha.  Grazzi li ġejtu hawn.  U tinsewx illi li ssaltan ifisser li taqdi  Kif kienet din?  Biex issaltan trid taqdi.  Ilkoll flimkien: biex issaltan trid taqdi.  Kif jgħallimna s-Sultan tagħna.  Issa se nitlob liż-żgħażagħ isellmulkom:

It-tfajla: Il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ it-tajjeb, lilkom ilkoll!

Il-ġuvni: Ejjew inkun xhieda li hu sabih ħafna li temmen f’Ġesù!

Il-Papa: Ara ftit: kemm hi sabiha din!  Grazzi.  Ibqgħu hawn.

Illum jaħbat ukoll il-Jum Dinji tas-Sajd.  Insellem lis-sajjieda kollha u nitlob għal kulmin jgħix f’kundizzjonijiet diffiċli jew, kultant, sfortunatament, ta’ xogħol furzat.  Ninkoraġġixxi lill-kappillani u l-volontarji tal-iStella Maris biex jissuktaw bis-servizz pastorali lil dawn il-persuni u lill-familji tagħhom.

U llum ukoll infakkru l-vittmi tal-inċidenti tat-traffiku.  Nitolbu għalihom u noqgħoqu attenti biex ma nħallux dawn l-inċidenti jsiru.

Minbarra dan, nixtieq nagħmel kuraġġ lill-inizjattiva fi ħdan il-Ġnus Magħquda sabiex naslu ħalli jkun hemm kontroll aħjar fuq il-kummerċ tal-armi.

Ilbieraħ f’Katowice, fil-Polonja kien beatifikat is-saċerdot Giovanni Francesco Macha, li nqatel minħabba l-mibegħda lejn il-fidi fl-1942 fix-xenarju tal-persekuzzjoni nażist kontra l-Knisja.  Fid-dlam tal-ħabs kien sab il-qawwa tiegħu f’Alla u sab il-manswetudni biex jaffronta dak il-kalvarju.  Jalla l-martirju tiegħu ikun żerriegħa għammiela ta’ tama u paċi.  Applaws lill-beatu l-ġdid!

Insellem lilkom ilkoll, fidili minn Ruma u pellegrini minn pajjiżi differenti, partikolarment lil dawk ġejjin mil-Polonja u mill-Istati Uniti tal-Amerika.  Insellem lill-iscouts mill-Arċidjoċesi ta’ Braga fil-Portugall.  Tislima speċjali lill-komunità ekwadorjana ta’ Ruma li qed tiċċelebra l-Verġni de El Quinche.  Insellem lill-fidili minn Sant’Antimo (Napli) u minn Catania; lill-adoloxxenti tal-Griżma minn Pattada; u lill-volontarji tal-Bank tal-Ikel, li qed jitħejjew għall-Jum ta’ ġbir tal-ikel, nhar is-Sibt li ġej.  Grazzi ħafna!  U wkoll liż-żgħażagħ tal-Immacolata.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber