IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 21 ta’ Jannar, 2024

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-lum jirrakkonta l-vokazzjoni tal-ewwel dixxipli (cfr Mk 1,14-20).  Waħda mill-affarijiet li jagħmel Ġesù fil-bidu tal-ħajja pubblika tiegħu hi, li jsejjaħ  oħrajn biex jingħaqdu miegħu fil-missjoni: jersaq lejn xi sajjieda żgħażagħ u jistedinhom imorru warajh biex isiru “sajjieda tal-bnedmin” (v. 17).   Dan hu messaġġ importanti għalina: il-Mulej iħobb jinvolvina fl-opra tiegħu tas-salvazzjoni, iridna attivi flimkien miegħu, iridna nkunu responsabbli u protagonisti.  Nisrani li mhux attiv,  li mhux responsabbli fl-opra tat-tħabbir tal-Mulej u mhux protagonista tal-fidi tiegħu, mhux nisrani, jew, kif kienet tgħid nannti, hu nisrani “tal-ilma tal-ward”.

Fih innifsu Alla m’għandux bżonna, imma jridna miegħu, minkejja li minħabba f’hekk ikollu jġorr fuqu il-bosta limitazzjonijiet tagħna: ilkoll għandna l-limitazzjonijiet tagħna, anzi lkoll midinbin, u Hu jitgħabba b’dawn id-dgħufijiet tagħna.  Naraw, per eżempju kemm ħa paċenzja bid-dixxipli: spiss ma kinux jifhmu kliemu (cfr Lq I 9,51-56), kultant lanqas kienu jaqblu bejniethom (cfr Mk 10,41), għal ħafna żmien ma kienx irnexxilhom jilqgħu aspetti essenzjali tal-predikazzjoni tiegħu, per eżempju s-servizz (cfr Lq 22,27).  Madankollu Ġesù għażlihom u kompla juri fiduċja fihom.  Dan importanti, il-Mulej għażilna biex inkunu nsara.  U aħna midinbin, nagħmlu waħda wara l-oħra, imma l-Mulej jibqa’ jemmen fina.  Din ħaġa meraviljuża.

Fil-fatt, l-akbar element li jhenni lil Ġesù hu li jkompli jġibilna s-salvazzjoni, il-missjoni tiegħu, is-sens tal-eżistenza tiegħu (cfr Ġw 6,38) jew, kif jgħid Hu, l-ikel tiegħu (cfr Ġw 4,34).  U f’kull kelma u azzjoni li bihom ningħaqdu miegħu, fl-avventura mill-isbaħ li nagħtu l-imħabba, id-dawl u l-ferħ jitkattru (cfr 9,2): mhux biss madwarna iżda wkoll fina.  Għaldaqstant, it-tħabbir tal-Evanġelju mhux ħin mitluf: hu hena akbar għax inkunu ngħinu oħrajn biex iħossu l-ferħ huma wkoll; hu li ninħelsu minna nfusna aħna u ngħinu lill-oħrjan ikunu hielsa; hu li nsiru aħjar aħna u ngħinu lil ħaddieħor jitjieb!

Allura nistaqsu lilna nfusna: jien xi kultant nieqaf ftit inġedded il-memorja li tkattret fija u madwari meta lqajt is-sejħa biex insir naf u nagħti xhieda ta’ Ġesù?  U meta nitlob, niżżi ħajr lill-Mulej li sejjaħli biex nhenni lill-oħrajn?  Fl-aħħar: nixtieq li bix-xhieda tiegħi indewaq il-ferħ tiegħi lil ħaddieżor, idewqu s-sbuħija tal-imħabba lejn Ġesù?

Il-Verġni Marija tgħinna nduqu l-ferħ tal-Evanġelju.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Ix-xhur li ġejjin se jwassluna għall-ftuħ tal-Porta Santa li bih se nibdew il-Ġublew.  Nitlobkom titolbu b’ħeġġa akbar biex nitħejjew ħalli dil-ġrajja ta’ grazzja ngħixuha sew u tulha nġarrbu l-qawwa tat-tama t’Alla.  Għaldaqstant, illum qed nibdew Is-sena ta’ talb, jiġifieri sena dedikata  biex mill-ġdid niskopru l-valur kbir u assolut tat-talb fil-ħajja personali tagħna, fil-ħajja tal-Knisja u tad-dinja.  Ikollna wkoll l-għajnuna li d-Dikasteru għall-Evanġelizzazzjoni se qiegħed għad-dispożizzjoni tagħna.

Matul dal-ġranet nitolbu speċjalment għall-għaqda fost l-insara u ma nhedew qatt ninvokaw il-Mulej biex jagħti l-paċi lill-Ukrajna, lil Iżrael u lill-Palestina, u lil tant inħawi oħra tad-dinja: l-aktar li jbatu min dan-nuqqqasijiet huma l-aktar dgħajfa.  Qed niftakar fit-tfal, il-bosta tfal feruti u maqtulin, f’dawk li ma baqgħalhomx min jgħożżhom u li tilfu kull ħolma għall-ġejjieni.  Ejjew inħossuna responsabbli li għandna nitolbu u li nibnu l-paċi għalihom!

Smajt b’għafsa ta’ qalb l-aħbar li f’Haiti nħataf grupp ta’ persuni fosthom sitt reliġjużi nisa: waqt li minn qiegħ qalbi nitlob li jinħelsu, nitlob biex fil-pajjiż ikun hemm armonija soċjali u nistieden lil kulħadd biex jieqaf mill-vjolenza li ġġib tant tbatija lil dik il-popolazzjoni għażiża.

Insellem lilkom ilkoll li ġejtu Ruma mill-Italja u minn tant inħawi tad-dinja: partikolarment lill-pellegrini mill-Polonja, mill-Albanija, mill-Kolombja, lill-istudenti tal-Istitut Pedro Mercedes di Cuenca (Spanja), lill-universitarji amerikani li qed jistudjaw f’Firenze, lill-grupp Quinceañeras de Panamà, lis-saċerdoti u l-migranti mill-Ekwador, u lil dawn niżgurahom li qed nitlob għall-paċi f’pajjiżhom.  Insellem lill-fidili minn Massafra u minn Perugia; lill-Unjoni Taljana tal-Għalliema Kattoliċi, lid-Diriġenti u lil dawk li jagħtu l-Formazzjoni; lill-grupp tal-iscouts Agesci  minn Palmi.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber