IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd, 20 ta' Diċembru, 2020

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

F'dar-raba' Ħadd tal-Avvent, l-Evanġelju jtina r-rakkont tat-Tħabbira.  "Ifraħ" jgħid l-Anġlu lil Marija, "int se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù" (Lq 1,28.31). Tidher tħabbira ta' ferħ awtentiku, iddestinata lil lill-Verġni jagħmilha hienja: min, fost in-nisa ta' żmienha, kienet toħlom li ssir omm il-Messija?  Imma, flimkien mal-ferħ, dawk il-kliem jipprevedu prova kbira għal-Marija.  Għaliex?  Għax f'dak il-waqt hi kienet "mgħarrsa ma' raġel" (v. 27). F'sitwazzjoni bħal din, il-Liġi ta' Mosè kienet tistabbilixxi li ma kellux ikun hemm intimità jew ko-abitazzjoni.  Għalhekk, bit-tnissil ta' iben, Marija kienet tidher li qed tikser il-Liġi u l-piena għal nisa bħal dawn kienet waħda ħarxa ħafna: kellhom jiġu mħaġġrin (cfr Dewt 22,20-21).  Żgur li l-messaġġ divin kien mela l-qalb ta' Marija bid-dawl u l-qawwa; madankollu, hi sabet ruħha quddiem għażla kruċjali: tgħid "iva" lil Alla u tirriskja kollox, ħajjitha wkoll, inkella tirrifjuta l-istedina u tibqa' għaddejja bil-ħajja ordinarja.

X'tagħmel?  Twieġeb hekk: "Ħalli jsir minni skont kelmtek" (Lq 1,38).  Ħalli jsir minni (fiat).  Imma bil-lingwa li biha miktub l-Evanġelju din ma tfissirx sempliċiment "iva ħalli jsir hekk".  L-espressjoni verbali turi xewqa kbira, turi r-rieda li xi ħaġa titwettaq.  Fi kliem ieħor, Marija ma tgħidx: "Jekk għandha tiġri xi ħaġa ħalli ssir... la ma jistax isir mod ieħor..."  Mhix rassenjazzjoni.  Ma tistqarrx li taċċetta b'mod dgħajjef u sottomess, anzi tesprimi xewqa kbira, xewqa ħajja.  Mhix passiva, hija attiva.  Ma ġġarrabx 'l Alla, titwaħħad miegħu.  Hi namrata lesta li taqdi lill-Mulej f'kollox u minnufih.  Setgħet talbet  li tieħu xi ftit taż-żmien biex taħsibha, inkella titlob aktar spejgazzjoni dwar x'kellu jiġri; forsi wkoll tagħmel xi kundizzjonijiet...  Minflok, ma titlifx  żmien, lil Alla ma tħallihx jistenna, ma' tħallix għal aktar tard.

Kemm drabi - ejjew naħsbu ftit fina nfusna issa - kemm drabi f'ħajjitna ħallejna għall-għada fil-ħajja spiritwali wkoll!  Per eżempju: naf li jagħmilli tajjeb li nitlob, imma llum m'għandix ħin.... "għada, għada, għadda, għada..." nibqgħu nitnikkru; ngħmel dan għada: naf li hu importanti li ngħin lill xi ħadd - iva, hekk għandi nagħmel: imma għada.  Hi l-istess litanija "ta' għada"... .  Nipposponu l-affarijiet.  Illum, lejliet il-Milied, Marija tistedinna biex ma nitnikkruux, biex ngħidu "iva":  "Għandi nitlob?" "Iva, u nitlob".  "Għandi ngħin lil ħaddieħor?  Iva".  Kif nagħmel dan? Inwettaq minnufih bla ma nitnikker.  Kull "iva" fiha l-piż tagħha, imma dejjem hu eħfef minn dik li swiet lilha, dik "l-iva" kuraġġuża, dik "l-iva" bla tlaqliq, dik il-"ħalli jsir minni skont kelmtek", li ġabitilna s-salvazzjoni.

U aħna liema "iva" nistgħu ngħidu?  F'dan iż-żmien diffiċli, minflok ingemgmu minħabba dak li l-pandemija mhix tħallina nagħmlu, nagħmlu xi ħaġa għal min għandu anqas minna: mhux rigal ieħor għalina u għal ħbiebna, imma għal xi ħadd fil-bżonn li ħadd ma jaħseb fih!  U, parir ieħor: sabiex Ġesù jitwieled fina, inħejju qlubna: immorru nitolbu.  Ma nħallux il-konsumiżmu jġorrna miegħu: "irrid nixtri r-rigali, irrid nagħmel dik u l-oħra..."  Din il-ferenżija biex nagħmel ħafna affarijiet... Ġesù hu l-aktar importanti.  Ħuti, il-konsumiżmu ma jinstabx fil-maxtura ta' Betlem: hemmhekk hemm ir-realtà, il-faqar, l-imħabba.  Inħejju qlubna kif għamlet Marija: ħielsa mill-ħażen, miftuha, lesta biex tilqa' fiha lil Alla.

"Ħalli jsir minni skont kelmtek"  Hija l-aħħar sentenza tal-Verġni f'dan l-aħħar Ħadd tal-Avvent, u hija l-istedina biex nagħmlu pass konkret lejn il-Milied.  Għax jekk it-twelid ta' Ġesù ma jmissilniex ħajjitna - tiegħi, tiegħek, kollha kemm huma -  jekk ma jmissx il-ħajja, jiġi għalxejn.

Fl-Angelus li se nirreċitaw issa aħna ngħidu "isir minni skont kelmtek": il-Madonna tgħinna ngħiduha bil-qalb, b'atteġġjament xieraq għal dawn l-aħħar jiem, biex nitħejjew tajjeb għall-Milied.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

il-pandemija tal-coronavirus ħalliet lill-ħaddiema tal-baħar f'inkwiet kbir.  Ħafna minnhom - jikkalkolaw mal-400,000 fid-dinja kollha - huma maqbudin fuq il-vapuri għal żmien itwal minn dak li għandhom fil-kuntratti u ma jistgħux imorru lura d-dar.  Nitlob lill-Verġni Marija, Kewkba ta-Baħar, biex tfarraġ lil dawn il-persuni u lil kull min jinsab f'sitwazzjoni ta' diffikultà, u nħeġġeġ lill-gvernijiet biex jagħmlu ħilithom ħalli dawn ikunu jistgħu jerġgħu jingħaqdu mal-għeżież tagħhom.

Din is-sena, l-organiżżaturi ġiethom l-idea sabiha li jagħmlu esibizzjoni ta' 100 presepju taħt il-kolonnat (ta' Pjazza San Pietru).  Hemm ħafna presepji li fihom infushom huma katekeżi tal-fidi għall-poplu t'Alla.  Nistedinkom iżżuru l-presepji li hemm taħt il-kolonnat, biex tifhmu kif in-nies jimmaġinaw li twieled Ġesù, permezz tal-arti.  Il-presepji li hemm taħt il-kolonnat huma katekeżi kbira tal-fidi tagħna.

Insellem likom ilkoll, rumani u pellegrini minn pajjiżi varji, familji, gruppi parrokkjali, assoċjazzjonijiet u fidili singoli.  Il-Milied hu qrib, jalla għal kull wieħed u waħda jkun okkażjoni ta' tiġdid interjuri, ta' talb, ta' konverżjoni, ta' passi 'l quddiem fil-fidi u fil-fraternità ta' bejnietna. 

Inħarsu madwarna, inħasru fuq kollox lejn dawk li m'għ andhomx għaxja ta' lejla: ħija li qed isofri, hu fejn hu, ħija li qed isofri huwa tagħna.  Hu Ġesù fil-maxtura: min qed ibati hu Ġesù.  Naħsbu ftit f'dan.  U jalla l-Milied ikun qrubija lejn Ġesù f'dan ħuna u f'din oħtna.  Hu jinsab hemm, f'ħija fil-bżonn,  il-presepju li għandna nersqu lejh bis-solidarjetà.  Dan hu l-presepju ħaj: il-presepju li fih niltaqgħu bis-serjetà mar-Redentur fil-persuni li huma fil-bżonn. Ejjew nersqu lejn il-Lejl Qaddis u nistennew it-twettiq tal-misteru tas-Salvazzjoni.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber