IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Il-Katidral ta’ Asti
Il-Ħadd, 20 ta’ Novembru, 2022

 

Fi tmiem din iċ-ċelebrazzjoni nixtieq nesprimi l-gratitudni tiegħi lid-Djoċesi, lill-Provinċja u lil-Belt ta’ Asti: grazzi tal-akkoljenza ħerqana li tajtuni!  Jien grat ukoll lejn l-Awtoritajiet ċivili u reliġjużi u wkoll għat-tħejjijiet li għamlu diż-żjara mixtieqa possibbli.  Nixtieq ngħid lil kulħadd “a la fame propri piasi’ encuntreve!” (ħadt gost niltaqa’ magħkom). U nawgurlakom: “ch’a staga bin! (is-saħħa!).

 

Ħsieb u tħaddina speċjali nixtieq li tmur lejn iż-żgħżagħ – grazzi talli ġejtu hawn f’għadd tant kbir -.  Mis-sena li għaddiet, propju fis-Solennità ta’ Kristu Sultan, fil-Knejjes partikolari ssir iċ-ċelebrazzjonni tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.  It-tema tal-Jum Dinji li jmiss li se jsir f’Lisobona, u li nġedded l-istedina tiegħi biex tieħdu sehem fih, hi, “Marija qamet u marret tħaffef” (Lq 1,39).  Il-Madonna dan għamlitu meta kienet għadha żgħażugħa, u tgħidilna li s-sigriet biex nibqgħu żgħażagħ jinsab propju f’dawn iż-żewġ verbi, qam u mar.  Jien nieħu gost niftakar fil-Madonna li marret tħaffef, marret propju tħaffef u bosta drabi nitlobha, lill-Madonna, “Imma, ħaffef biex issolvi dil-problema!”.  Tqum u tmur: mhux tibqa’ wieqaf taħseb fik innifsek, taħli ħajtek tiġri wara l-kumditajiet u l-aħħar moda, imma timmira fil-Għoli, titlaq timxi, toħroġ mill-biżgħat tiegħek biex tnewwel idek lil min għandu bżonn.  U llum hemm bżonn ta’ żgħażagħ li jkunu verament “trasgressivi”, mhux konformisti, li ma jkunux ilsiera tal-mowbajl, imma jibdlu d-dinja bħal Marija, iwasslu lil Ġesù lill-oħrajn, jieħdu ħsieb l-oħrajn, jibnu komunitajiet fraterni flimkien mal-oħrajn, iwettqu ħolm ta’ paċi!

 

Fi żmienna qed ngħejxu verament karestija tal-paċi: għaddejjin minn karestija tal-paċi.  Niftakru f’tant postijiet fid-dinja flaġellati mill-gwerra, partikolarment fil-martri Ukrajna.  Immiddu jdejna, u nkomplu nitolbu għall-paċi!  Ntolbu wkoll għall-familji tal-vittmi tan-nirien qawwija li dawn l-aħħar jiem ħakmu kamp tar-rifuġajti f’Ġaża, fil-Palestina, fejn mietu wkoll diversi tfal.  Jalla l-Mulej jilqa’ fis-sema lil dawk kollha li tilfu ħajjithom u jfarraġ lil dik il-popolazzjoni tant mikduda minn snin ta’ kunflitt.  U issa ninvokaw lir-Reġina tal-paċi, il-Madonna, li lilha hu dedikat dal-Katidral sabiħ.  Nafdawlha f’idejha lill-familji tagħna, bil-preokkupazzjonijiet u l-intenzjonijiet tajbin li intom iġġorru fi qlubkom.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber