IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd 20 ta' Settembru, 2020

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Il-paġna evanġelika tal-lum (cfr Mt 20,1-16) tirrakkonta l-parabbola ta' sid l-għalqa tad-dwieli.  B'dar-rakkont, Ġesù jurina kif permezz ta' żewġ atteġġjamenti tas-sid: is-sejħa u l-ħlas, Alla jaħdem b'mod sorprendenti.

Qabel kollox is-sejħa.  Għal ħames darbiet sid l-għalqa tad-dwieli joħroġ biex imur fil-pjazza jsejjaħ li min jaħdem għalih: fis-sitta, fid-disa', fit-tlieta u fil-ħamsa ta' waranofsinhar.  Tmisslek qalbek ix-xbieha ta' das-sid li joħroġ kemm-il darba lejn il-pjazza jfittex il-ħaddiema għall-għalqa tad-dwieli tiegħu.  Dak is-sid jirrappreżenta lil Alla li jsejjaħ lil kulħadd u jsejjaħ dejjem, f'kull ħin.  Alla jġib ruħu hekk illum ukoll: għadu jkompli jsejjaħ lil kulħadd, f'kull ħin, biex jistiednu jaħdem fl-għalqa tas-Saltna tiegħu.  Dan hu l-istil ta' Alla, li min-naħa tagħna għandna s-sejħa nilqgħu u nimitaw.  Hu ma jibqax magħluq fid-dinja tiegħu, imma "joħroġ":  Alla dejjem joħroġ ifittixna; mhux maqful: Alla joħroġ.  Joħroġ il-ħin kollu jfittex in-nies għax ma jrid lil ħadd ikun imwarrab mill-pjan ta' mħabbtu.

Il-komunitajiet tagħna wkoll għandhom is-sejħa biex joħorġu mill-"għeluq" varji li jista' jkun hemm, biex joffru lil kulħadd il-kelma tas-salvazzjoni li ġie jġibilna Ġesù.  Ifisser li ninfetħu għal ixqfa ġodda ta' ħajja li joffru tama li kull min hu mwaħħal fil-periferiji eżistenzjali u għadu ma ġarrabx, jew inkella tilef, il-qawwa u d-dawl tal-laqgħa ma' Kristu.  Il-Knisja għandha tkun dejjem tixbaħ lil Alla: toħroġ dejjem; u meta l-Knisja ma toħroġx, timrad bil-ħafna mard li għandna fil-Knisja.  U għaliex dal-mard fil-Knisja?  Għax ma toħroġx.  Hu minnu li meta wieħed joħroġ hemm il-periklu ta' xi inċident.  Imma aħhar Knisja miġrugħa minħabba l-ħruġ biex ixxandar l-Evanġelju, milli Knisja marida bl-għeluq.  Alla joħroġ dejjem għax hu Missier, għax iħobb.  L-istess għandha tagħmel il-Knisja: toħroġ dejjem.

It-tieni atteġġjament tas-sid, li jirrappreżenta l-atteġġjament ta' Alla, hu l-mod kif iħallas lill-ħaddiema.  Kif iħallas Alla?  Is-sid jiftiehem b'dinar (v. 2) mal-ewwel ħaddiema li jqabbad filgħodu.  Iżda lil dawk li marru wara, jgħidilhom: "Nagħtikom li jkun ħaqqkom" (v. 4).  Fi tmiem il-jum sid l-għalqa tad-dwieli jordna li kulħadd jirċievi l-istess ħlas, jiġifieri dinar.  Dawk li kienu ilhom jaħdmu minn filgħodu ħassewhom mgħaddba u bdew igemgmu kontra s-sid, imma hu insista: lil kulħadd ried itih il-ħlas l-aktar għoli, ukoll lil dawk li waslu l-aħħar (vv. 8-15).  Alla dejjem iħallas bl-għoli, qatt ma jagħti nofs paga.  Iħallas kollox.  U hawn nifhmu li Ġesù mhux qed jitkellem dwar ix-xogħol u s-salarju xieraq, dik problema oħra, imma dwar is-Saltna t'Alla u t-tjubija tal-Missier ċelesti li joħroġ bla qatt jieqaf biex jistieden u li jagħti lil kulħadd l-għola ħlas.

Infatti hekk iġib ruħu Alla: ma jħarisx lejn iż-żmien u lejn ir-riżultati, imma lejn id-disponibbiltà, iħares lejn il-ġenerożità li biha aħna nservuh.  Il-mod kif jaħdem hu ġust għall-aħħar, fis-sens li jmur 'l hinn mill-ġustizzja u jidher fil-Grazzja.  Kollox huwa Grazzja.  Is-salvazzjoni tagħna hija Grazzja.  Il-qdusija tagħna hija Grazzja.  Meta jtina l-Grazzja jkun qed iferrex fuqna ferm aktar milli jistħoqqilna.  U allura, min jirraġuna bil-loġika umana, jiġifieri bil-loġika tal-merti miksuba bil-ħila (bil-bravura) tagħna, mill-ewwel isib ruħu tal-aħħar.  "Imma, jien ħdimt tant, għamilt tant fil-Knisja u jħallsuni l-istess bħal dan li ġie l-aħħar".  Niftakru min kien l-ewwel qaddis kanoniżżat fil-Knisja: il-Ħalliel il-Tajjeb.  "Seraq" il-Ġenna fl-aħħar waqt ta' ħajtu: din hija Grazzja, hekk hu magħmul Alla.  Magħna lkoll, ukoll.  Iżda min jipprova jaħseb biss fil-merti personali, ifalli; min bl-umiltà jintelaq fil-ħniena tal-Missier, mill-aħħar - bħall-Ħalliel it-Tajjeb - isib ruħu l-ewwel (cfr v. 16).

Marija Santissma tgħinna biex kuljum inħossu l-ferħ u l-istagħġib li aħna msejħin minn Alla biex naħdmu għalih, fl-għalqa tiegħu li hi d-dinja, fl-għalqa tad-dwieli tiegħu li hi l-Knisja.  U biex bħala ħlas ewlieni jkollna mħabbtu, il-ħbiberija ma' Ġesù.

 

Wara l-Angelus

 

Għeżież ħuti,

skont il-programmi mħejjijin qabel il-pandemija, fil- jiem li għaddew kellu jsir il-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali f'Budapest.  Għaldaqstant nixtieq inwassal it-tislima tiegħi lir-Rgħajja u lill-fidili tal-Ungerija u lil dawk kollha li kienu jistennew bil-fidi u bil-ferħ dan l-avveniment ekkleżjali.  Il-Kungress ġie mħolli għas-sena li ġejja bejn il-5 u t-12 ta' Settembru, dejjem f'Budapest.  Magħqudin spiritwalment ejjew inkomlu l-mixja ta' tħejjija billi fl-Ewkaristija nsibu l-għajn tal-ħajja u tal-missjoni tal-Knisja.

Illum fl-Italja hija l-ġurnata dedikata lill-Università Kattolika tal-Qalb ta' Ġesù.  Ninkoraġġixxi biex inkomplu nwieżnu din l-istituzzjoni importanti msjeħa biex tkun tkomplija u tagħti enerġija ġdida lil dal-proġett li għaraf jiftaħ il-bieb għall-ġejjieni ta' bosta ġenerazzjonijiet żgħażagħ ġodda.  Huwa importanti ħafna li l-ġenerazzjonijiet il-ġodda jkunu ffurmati biex iħarsu d-dinjità umana u d-dar komuni tagħna.

Insellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini minn pajjiżi varji: familji, gruppi parrokkjali, assoċjazzjonijiet u fidili individwali.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber