IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 20 ta’ Awwissu, 2023

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-lum jirrakkonta l-laqgħa ta’ Ġesù mal-mara Kangħanija, ‘il barra mit-territorju ta’ Iżrael (cfr Mt 15,21-28).  Hi titolbu jeħles lil bintha li kienet itturmentata mix-xitan, iżda l-Mulej ma jagħtihiex widen.  Hi tinsisti u d-dixxipli jagħtuh parir biex jaqtgħalha xewqtha ħalli tieqaf, iżda Ġesù jispjega li l-missjoni tiegħu kienet destinata għal ulied Iżrael u juża dit-tixbiha: “Mhux sewwa tieħu l-ħobż tal-ulied u tixħtu lill-ġriewi”.  U l-mara kuraġġuża twieġeb: “Hekk hu, Mulej, iżda l-ġriewi wkoll jieklu l-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda ta’ sidienhom”.  Allura Ġesù jgħidilha: “Mara, il-fidi tiegħek kbira!  Ħa jsirlek kif tixtieq”.  “U minn dak il-ħin stess bintha fieqet” (vv. 26-28).  Storja sabiħa din!  U dan ġara lil Ġesù.

Naraw li Ġesù jibdel l-atteġġjament tiegħu, u dan iseħħ bis-saħħa tal-fidi ta’ dik il-mara.  Allura, ejjew nieqfu ftit fil-qosor dwar dawn iż-żewġ aspetti: Kif inbidel Ġesù u l-fidi tal-mara.

Il-bidla f’Ġesu.  Hu kien qed jipprietka lill-poplu l-magħżul; wara, imbagħad l-Ispirtu s-Santu kellu jifrex il-Knisja sat-truf tad-dinja  Iżda hawnhekk seħħet anitiċipazzjoni li minħabba fiha fl-episodju tal-Kangħanija diġà tidher l-universalità tal-opra t’Alla.  Din id-disponibbiltà ta’ Ġesù hi interessanti: quddiem it-talb ħerqan tal-mara “jantiċipa l-pjan”, quddiem dal-kas konkret isir aktar kompjaċenti u jħoss aktar kumpassjoni.  Hekk hu Alla: huwa mħabba, u min iħobb ma jibqax riġidu.  Iva, jibqa’ sod, imma mhux riġidu.  Ma jibqax imwaħħal mal-pożizzjonijiet tiegħu, imma jħossu mqanqal u jħenn: jaf jibdel il-programmi tiegħu.  L-imħabba hi kreattiva, u aħna l-insara, jekk irridu nimitaw lil Kristu, mistednin inkunu lesti biex ninbidlu.  Kemm jagħmel tajjeb lir-relazzjonijiet tagħna, imma wkoll fil-ħajja tal-fidi, li nkunu doċli, verament nagħtu widen, inkunu aktar ħelwin f’isem il-kumpazzjoni u l-ġid tal-oħrajn, kif għamel Ġesù mal-Kangħanija.  Id-doċilità biex ninbidlu.  Qlub doċli biex isseħħ il-bidla.

Allura ejjew naraw ftit il-fidi tal-mara, li l-Mulej ifaħħarha u jgħid li hi “kbira” (v. 28).  Għad-dixxipli l-unika ħaġa kbira hi l-insistenza tagħha, iżda Ġesù jara l-fidi.  Jekk naħsbu sewwa, dik il-mara stranġiera probabbilment ftit kienet taf, jew forsi ma kellha ebda ħjiel tal-liġijiet u l-preċetti reliġjużi ta’ Iżrael.  Allura fiex tikkonsisti l-fidi tagħha?  Hi mhix għanja fil-kunċetti, imma fil-fatti: il-Kangħanija tersaq, tinxteħet quddiemu, tinsisti, tidħol fi djalogu sfiq ma’ Ġesù, tegħleb kull ostaklu, basta tkellmu.  Din hi l-konkretezza tal-fidi, li mhix tikketta reliġjuża, imma relazzjoni personali mal-Mulej.  Kemm drabi naqgħu fit-tentazzjoni li l-fidi naħsbuha tikketta!  Il-fidi tal-mara mhix magħmula minn xi ġabra ta’ regoli ta’ mġieba teoloġika tajba, imma mill-insistenza: tħabbat il-bieb, tħabbat, tħabbat; mhux tlablib imma talb.  U Alla ma jissaportix meta jisma’ t-talb.  Għalhekk qal: “Itolbu u taqalgħu, fittxu u ssibu, ħabbtu u jiftħulkom” (Mt 7,7).

Ħuti, fid-dawl ta’ dan kollu nistgħu nagħmlu ftit mistoqsijiet lilna nfusna.  Ibda mill-bidla li seħħet f’Ġesù, per eżempju:  jien għandi ħila nibdel opinjoni?  Naf nifhem, nissimpatizza, u naf inkun ħanin, jew nibqa’ riġidu, imwaħħal mal-pożizzjonijiet tiegħi?  F’qalbi hemm xi riġidità?  Li mhix sodizza: ir-riġidità kerha, imma hu tajjebli tkun sod.  U ibda mill-fidi tal-mara: kif inhi l-fidi tiegħi?  Marbuta biss mal-kunċetti u l-kliem, jew ngħejxha verament bit-talb u l-azzjoni?  Naf niddjaloga mal-Mulej, naf ninsisti miegħu jew nikkuntenta b’xi talba sabiħa?  Il-Madonna tagħmilna disponibbli għat-tajjeb u konkreti fil-fidi.

 

Wara l-Angelus 

Għeżieħ ħuti,

Qed insegwi bi tħassib kbir dak li qed jiġri fin-Niġer.  Ningħaqad mal-appell tal-Isqfijiet favur il-paċi fil-pajjiz u l-istabbiltà fir-reġjun ta’ Sahel.  Nakkumpanja bit-talb l-isforzi tal-komunità internazzjonali biex mill-aktar fis tinstab soluzzjoni paċifika għall-ġid ta’ kulħadd.  Nitolbu għall-għażiż poplu niġerjan.  U ninvokaw il-paċi wkoll għall-popolazzjonijiet kollha miġrugħin bil-gwerra u l-vjolenza, nitolbu speċjalment għall-Ukrajna, li ilha ssofri żmien twil.

Insellem lilkom ilkoll, fidili minn Ruma u pellegrini minn diversi pajjiżi.  Insellem partikolarment lis-seminaristi l-ġodda tal-Kulleġġ Nord Amerikan u nawguralhom il-mixja formattiva t-tajba; kif ukoll lill-komunità de la Borriquita minn Cadice fi Spanja; insellem lill-pollakki jien u niftakar fin-nisa u t-tfajliet pellegrini fis-Santwarju tas-Sinjura Tagħna f’Piekary Śląskie.

Insellem liż-żgħażagħ tal-Proġett “Tucum” li mil-lum se jibdew Triq tad-Dawl fl-istazzjonijiet tal-ferrovija tal-Italja, biex jiltaqgħu mal-persuni lil jgħixu fit-truf u jwasslulhom it-tama tal-Evanġelju.

Insellem lilkom ilkoll u nawguralkom il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber